Il-President George Vella llum rċieva l-Ittri ta’ Kredenzjali tal-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Korea, Seong Ho Lee, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Matul l-iskambji, il-President Vella rrefera għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi li ilhom jissaħħu għal kważi sittin sena u li minkejja d-distanza ġeografika baqgħu mill-qrib u bbażati fuq ir-rispett reċiproku u valuri komuni. Il-President laqa’ l-kooperazzjoni tanġibbli li hemm bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea bħala sħab strateġiċi fil-qasam diġitali u ċibernetiku, fil-governanza marittima, fil-kummerċ, fit-trasport u fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-parteċipazzjoni kemm ta’ Malta kif ukoll tal-Korea fil-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa (ASEM) tipprovdi wkoll pjattaforma eċċellenti biex jissaħħu r-relazzjonijiet multilaterali.
L-Ambaxxatur Ho Lee wassal l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ l-iskambji ma’ Malta u qal li diġà kien inkiseb momentum konsiderevoli qabel il-pandemija tal-COVID. L-Ambaxxatur żied jgħid li ċ-ċifri reċenti relatati mas-setturi tal-kummerċ, it-turiżmu, l-edukazzjoni terzjarja, l-istudji tal-lingwa Ingliża u l-iskambji bejn il-popli huma inkoraġġanti ħafna u li l-livelli ta’ qabel il-COVID jistgħu jintlaħqu fi żmien qasir. Fi tmiem il-laqgħa l-Ambaxxatur Ho Lee rrefera wkoll għall-kampanja tar-Repubblika tal-Korea biex torganizza l-World EXPO fil-belt ta’ Busan fl-2030.




