The President of Malta

Search
Close this search box.

L-Ambaxxatur tar-Repubblika tat-Turkija Erdeniz Sen jippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President Vella laqa’ lill-Ambaxxatur maħtur ġdid tat-Turkija fil-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt Valletta. Il-President Vella tenna l-kondoljanzi u l-appoġġ tiegħu lill-poplu tat-Turkija wara t-terremot tas-6 ta’ Frar. Fakkar it-telefonata li kellu mal-President Recep Tayyip Erdogan, fejn il-President Tork esprima l-apprezzament tiegħu għall-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u ċ-ċittadini Maltin għall-għajnuna pprovduta lill-pajjiż.

Il-President Vella rrefera għar-relazzjonijiet li ilhom għal żmien twil bejn iż-żewġ pajjiżi u għall-frekwenza tal-kuntatti u l-iskambji fil-livell politiku, kummerċjali u bejn il-popli. Enfasizza wkoll ir-rwol li jista’ jkollha t-Turkija biex tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fejn irrefera b’mod partikolari għall-gwerra fl-Ukrajna u l-imblokk taċ-ċereali. Il-President irrefera wkoll għall-ħtieġa ta’ aktar stabbiltà fil-Lvant tal-Mediterran.

L-Ambaxxatur irrefera għaż-żieda fil-kuntatti fis-setturi tal-kummerċ u l-edukazzjoni u qal li Malta hija destinazzjoni attraenti ħafna għall-istudenti fil-livell terzjarju u għal dawk li jistudjaw l-Ingliż. Barra minn hekk, l-Ambaxxatur osserva li l-komunità Torka mdaqqsa f’Malta stabbiliet ruħha sew u hija grata għall-opportunitajiet ipprovduti f’Malta. L-Ambaxxatur irrefera għall-iżviluppi fil-Libja u l-Ukrajna, u fl-aħħar feraħ lil Malta għall-ħidma li qiegħda twettaq fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Skip to content