The President of Malta

Search
Close this search box.

“L-attività fiżika għandha tkun ta’ kulħadd” – Il-President George Vella

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-isport għandu l-opportunità li jkisser il-fruntieri soċjali u mentali u jnissel fl-individwu sens akbar ta’ kollaborazzjoni ma’ ħaddieħor.

Waqt li kien qed jitkellem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ għar-Reġjun Ewropew tal-Isport 2023 imtella’ mill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant, il-President qal li l-attività fiżika għandha tkun ta’ kulħadd, inkluż l-anzjani.

Il-President Vella qal li f’isem il-poplu Malti jinsab kburi li Birkirkara, Ħal Għargħur, il-Gżira, l-Iklin, l-Imsida, Ħal Lija, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi u Ta’ Xbiex ser ikunu minn ta’ quddiem biex matul din is-sena jieħdu inizjattivi li jħajru lir-residenti jkollhom ħajja aktar attiva u possibbilment iservu ta’ mudell għal reġjuni oħrajn.

“Nappella biex dawn il-lokalitajiet jagħmlu użu minn dan it-titlu bl-aktar mod wiesa’ possibbli u ma jitilfux l-opportunità jixprunaw mudell għall-għaqda nazzjonali u d-djalogu bejn entitajiet u etajiet differenti. Ikun tassew ġust u xieraq jekk niżguraw li dawn l-opportunitajiet ikunu miftuħa wkoll għall-barranin li jinsabu fostna,” qal il-President Vella.

Fid-diskors tiegħu, il-President qal li l-lokalitajiet li jiffurmaw ir-Reġjun tal-Lvant ser ikunu f’pożizzjoni li josservaw kif l-infrastruttura u l-ambjent lokali huma ċentrali biex bħala poplu niżviluppaw politika sportiva u ta’ saħħa inklussiva, u politika li verament tħeġġeġ u tistieden liċ-ċittadini jkunu aktar attivi fiżikament. F’dan il-kuntest, il-President Vella semma l-ħidma li jwettqu bosta għaqdiet sportivi u taż-żgħażagħ favur ħajja attiva u jgħinu biex dawn il-lokalitajiet ikomplu jkunu laboratorju sportiv.

“Inizjattivi bħal dawn jitfgħu dawl fuq l-importanza ta’ ħajja attiva ’l bogħod mill-vizzji u l-konsum eċċessiv tal-ikel, xorb alkoħoliku jew sustanzi oħra, u fuq kollox ħajja anqas sedentarja,” qal il-President George Vella waqt li sejjaħ biex l-inizjattivi jkunu miftuħin u attraenti għal kulħadd, irrispettivament mill-abbiltajiet fiżiċi u mentali jew it-twemmin politiku u reliġjuż tal-individwu.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika, Darren Carabott, u l-President tal-Kunsill Reġjonali Lvant, Anthony Chircop, indirizzaw iċ-ċerimonja tal-ftuħ tar-Reġjun Ewropew tal-Isport 2023.

Skip to content