The President of Malta

“L-edukaturi u l-iskejjel huma t-tarka kontra l-hate speech” – Il-President George Vella

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li l-iskejjel huma t-tarka kontra l-hate speech għaliex huma l-edukaturi fil-klassijiet li jgħinu fil-formazzjoni komprensiva tal-istudenti, li ma tiqafx biss mal-aspett akkademiku.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza bit-titlu ‘Hate Speech – Challenged in Schools’ fil-Palazz Verdala, il-President Vella qal li jemmen li għandu jkun hemm programm edukattiv li jagħti lill-għalliema l-informazzjoni u l-għodda meħtieġa għat-tagħlim, u fl-istess ħin juri lill-istudenti sinjali li bihom jagħrfu x’inhu hate speech, il-ħsara li jġib miegħu u jkunu ta’eżempju lil ta’ madwarhom.

Il-president saħaq dwar l-irwol fundamentali tal-iskejjel biex tingħeleb l-isfida tal-hate speech jekk dawn iħaddnu ambjent ta’ rispett, solidarjetà, tolleranza u jaċċettaw bis-sħiħ id-diversità. L-iskola, żied jgħid il-President Vella, hija l-post fejn id-diversità għandha tiġi ċċelebrata.

Filwaqt li rringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, lill-akkademiċi u lill-kelliema kollha li qasmu l-għarfien, l-esperjenzi u x-xejriet ta’ dan il-fenomenu, il-President Vella qal li l-mod kif il-hate speech infirex fis-soċjetà hu inkwetanti speċjalment fil-kuntest tal-għaqda nazzjonali, li ma tistax tinbena fuq il-ġlied, it-tgħajjir, in-nuqqas ta’ rispett, u fuq kliem ta’ theddid.

“B’dan irrid infisser li anki meta ma nkunux qed naqblu, ir-rispett għandu jkun kemm lejn ħutna Maltin u Għawdxin u kemm lejn dawk il-ħafna barranin li jgħixu, jaħdmu u jagħtu kontribut dirett fit-tisħiħ ta’ pajjiżna,” stqarr il-President George Vella waqt li appella lill-politiċi, lill-ġurnalisti, lin-nies ta’ influwenza fuq il-midja soċjali, lil min iħaddem u lil nies oħra ta’ prominenza sabiex dejjem iqisu kliemhom u għemilhom.

Bil-għan li jkollna soċjetà ġusta, il-president qal li għandna nkunu minn tal-ewwel li nagħtu l-eżempju bil-kliem u bl-aġir xieraq li joħloq sens ta’ empatija, imħabba u rispett lejn kulħadd, anki lejn dawk li ma naqblux magħhom.

Il-konferenza saret bl-iskop li jitqanqal aktar għarfien fuq il-hate speech, x’qed iwassal biex elementi mis-soċjetà jirrikorru għalih u rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati mill-awtoritajiet u l-iskejjel.

Il-president wera t-tama li permezz tal-konferenza jinbet pjan ta’ ħidma għal ambjent iktar inklussiv, jissaħħaħ l-għarfien dwar il-hate speech u jintwera kemm l-edukaturi u l-iskejjel għandhom kontribut kbir x’jagħtu f’dan il-qasam. Stqarr li jittama li fix-xhur li ġejjin isiru eżerċizzji simili f’setturi oħrajn bħal midja, l-operaturi tal-mezzi soċjali u l-politiċi.

Skip to content