The President of Malta

Search
Close this search box.

L-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Ombudsman

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

L-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Ombudsman waqt ċerimonja li tmexxiet mill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-President Vella qal li, kif stajna nsegwu lkoll tul is-snin, minn mindu ġiet fis-seħħ il-liġi tal-Ombudsman fl-1995, kien hemm numru konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet għal investigazzjonijiet imressqa mill-pubbliku lil dan l-uffiċċju. “Din hija turija ta’ kemm il-poplu inġenerali rabba fiduċja f’din l-istituzzjoni, u jħares lejha bħala mezz ta’ rimedju kważi awtomatiku fejn u meta jkun hemm suspett ta’ deċiżjonijiet inġusti u/jew interpretazzjoni żbaljata tal-liġi. Din l-istess fiduċja trid tkompli tissaħħaħ permezz tad-doveri li jaqdi l-Ombudsman, li għandhom ikomplu jitwettqu b’integrità u professjonalità, bla ebda favuri jew żbilanċ,” stqarr il-President.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella osserva li bil-ħolqien ta’ diversi Ombudsmen għal funzjonijiet speċifiċi kompla jikber u jespandi x-xogħol tal-uffiċċju f’oqsma kruċjali bħalma huma s-saħħa, l-ambjent u l-ippjanar u l-edukazzjoni. Il-President qal li l-Uffiċċju tal-Ombudsman jeħtieġ li jevolvi id f’id mal-isfidi ġodda li jinbtu b’ċerta flessibilità, filwaqt li jżomm bis-sħiħ mal-prinċipji u l-valuri li fuqhom jistrieħ. Żied jgħid li “dan huwa bilanċ bżonjuż biex ikollna governanza tajba, li tilħaq u tasal għand kulħadd. Ħafna drabi jridu jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi, li mhux dejjem ser jintgħoġbu minn kulħadd.”

“Nittama li taħt it-tmexxija tiegħek Sur Ombudsman, l-uffiċċju tiegħek ikun ħajt tal-kenn għal min għal xi raġuni jew oħra m’għandux l-għodda, il-fakultà jew saħansitra s-saħħa li jikkumbatti u jegħleb l-inġustizzji,” temm jgħid il-President.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

Skip to content