The President of Malta

“L-iskop tal-professjoni medika huwa l-preservazzjoni tal-ħajja” – il-President lill-gradwati tal-Queen Mary University of London, Malta Campus

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tat-tieni grupp ta’ studenti tal-MBBS mill-Queen Mary University of London, Malta Campus, il-President George Vella qal li l-mediċina hija waħda mill-aktar professjonijiet nobbli.

Il-President Vella spjega li, “L-iskop tal-professjoni medika huwa li nerġgħu nagħtu s-saħħa; li ngħallmu lil ħaddieħor kif ma jimirdux u kif ngħixu ħajja kemm jista’ jkun twila.”

Filwaqt li feraħ lill-gradwati kollha, li għoxrin minnhom ġew minn ħdax-il pajjiż differenti u tnejn minn Malta, il-President qal li, “Il-vjaġġ ma jispiċċax hawn. L-għarfien xjentifiku u, b’mod aktar speċifiku, l-għarfien mediku qed jiżviluppaw b’rata esponenzjali. Intom bdejtu vjaġġ ta’ studju għal ħajjitkom kollha li nittamaw li jibqa’ jagħtikom dejjem aktar sodisfazzjon, u nittamaw li jagħtikom dejjem sens akbar ta’ sodisfazzjon.”

Il-President innota li t-taħlita ta’ nazzjonalitajiet fost il-gradwati ma xekklithomx milli jgħixu fost il-Maltin u l-Għawdxin, filwaqt li jikkontribwixxu aktar għan-numru dejjem jikber ta’ persuni mhux Maltin fi gżiritna.

Huwa għalaq billi awgura suċċessi kbar lill-gradwati kollha fil-karrieri li jagħżlu fil-futur.

Ritratti: OPR

Skip to content