The President of Malta

Luigi Zammit huwa r-rebbieħ tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Luigi Zammit, student ta’ 13-il sena fl-Iskola Sekondarja fil-Kulleġġ San Injazju, huwa r-rebbieħ tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2023 wara li l-għalliema ilhom jinnutawh li, b’mod konsistenti u minn rajh, jgħin u jagħmel kuraġġ lil student ieħor.

Il-President George Vella ppreżenta l-midalja tal-premju waqt ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Waqt il-preżentazzjoni, intqal li kemm fiż-żmien li kien jattendi l-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ u anke issa fis-sekondarja, l-għalliema u l-LSE jinnutaw lil Luigi jqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu fil-kumpanija ta’ Andrea, li għandu bżonn ta’ attenzjoni. Fost l-oħrajn, waqt it-tluq u l-wasla l-iskola, Luigi jagħmel kull mezz biex jaċċerta ruħu li Andrea jkun tela’ fuq il-kowċ qablu, ipoġġi maġenbu, joqgħod attent li Andrea jieħu ħsieb saħħtu, u jgħinu jġorr il-basktijiet. Fuq kollox, meta jara li sieħbu jkun se jaqta’ qalbu minn xi ħaġa jew se jinqata’ għalih waħdu, Luigi ilissinlu kliem ta’ kuraġġ u jinkludih f’kollox.

Il-President George Vella faħħar lil Luigi talli qed iħaddan il-valuri nobbli tal-empatija, il-ħbiberija u s-solidarjetà billi jkun ta’ sostenn importanti għall-ħabib tiegħu Andrea. “Luigi jservi bħala pont bejn id-diffikultajiet marbuta max-xogħol tal-iskola u l-kapaċitajiet ta’ Andrea biex anke hu jkun jista’ jgawdi l-frott li jġib miegħu t-tagħlim u l-logħob bejn il-ħbieb li tant norbtu fiż-żmien tat-tfulija,” stqarr il-President.

“B’dak li qed jagħmel Luigi ta’ kuljum, qed jagħtina eżempju ċar ta’ kif għandna nagħżlu d-djalogu minflok il-konfrontazzjoni, l-imħabba minflok il-ġlied u t-tgħajjir. Ejjew inkunu dejjem vuċi għal dak kollu li nistgħu sabiex il-ġid komuni jiġi mħares, għall-benefiċċju ta’ kulħadd,” qal il-President George Vella waqt li ħeġġeġ aktar tfal biex isegwu l-eżempju ta’ Luigi u jagħrfu l-ġid li jġibu s-solidarjetà u l-ġenerożità.

Patri Dijonisju Mintoff qal li kliem u għemil Luigi qed idawwal l-umanità u jħeġġeġ lil kulħadd, speċjalment liż-żgħar, biex jimxu fuq il-passi tiegħu ta’ tjubija u ħniena lejn l-oħrajn. Żied jgħid li “f’dinja li donnha qed titlef rasha, għandna bżonn ta’ iktar tjubija lejn kulħadd u l-omm komuni tagħna d-dinja.”

Il-Laboratorju tal-Paċi jorganizza dan il-Premju ta’ kull sena b’tifkira tal-Papa Ġwanni XXIII – il-Papa t-Twajjeb.

Skip to content