Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tniedi l-Istrina f’Għawdex u tinawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Malta Community Chest Fund f’Għawdex

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu nediet l-Istrina f’Għawdex fejn għall-ewwel darba Għawdex se jkollu din l-attività annwali fl-istess gżira. L-Istrina f’Għawdex b’risq il-Malta Community Chest Fund se tkun qed issir fl-20 u 21 ta’ Diċembru f’diversi bliet u rħula, bil-President se tkun qed iżżur il-pjazez u tiġbor il-fondi għall-Istrina.
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fir-Rabat Għawdex, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca spjegat li din il-Presidenza temmen ħafna fil-poplu Malti u Għawdxi kollu, u kien għalhekk li minnufih ħadmet għal viżibilità tal-poplu Għawdxi, fejn għall-ewwel darba se jkollu l-Istrina tiegħu. Il-President li varat l-Istrina fil-preżenza tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech, il-kappillani ta’ kull parroċċa f’Għawdex u s-sindki ta’ kull lokalità, spjegat il-bżonnijiet tal-Malta Community Chest Fund li kull erba’ ġimgħat qed tonfoq madwar 230,000 ewro f’għajnuna lil persuni vulnerabbli,  madwar 200 elf ewro minnhom f’kimoterapija speċjalizzata lil persuni fosthom tfal li jkunu morda bil-kanċer.
 
Marbuta ma’ din il-konferenza tal-aħbarijiet, kienet l-inawgurazzjoni tal-uffiċini l-ġodda tal-Malta Community Chest Fund fir-Rabat Għawdex, wara l-ġest nobbli tal-intraprenditur Għawdxi s-Sur Michael Grech u l-familja tiegħu li bla ħlas taw lill-Malta Community Chest Fund uffiċini state of the art għall-għoxrin sena li ġejjin. Dawn l-uffiċini l-ġodda f’Għawdex infetħu f’għeluq l-erbgħin sena tal-Presidenza u Malta Repubblika.
 
Il-President ta’ Malta qalet li m’għandhiex kliem biżżejjed biex tirringrazzja lis-Sur Michael Grech u lill-familja tiegħu li bil-ġest nobbli tiegħu, issa l-Għawdxin għandhom servizz apposta għalihom mill-Malta Community Chest Fund. Issa s-servizzi li toffri l-Malta Community Chest Fund f’Malta se jkunu provduti bl-istess mod f’Għawdex.
 
Is-servizz tal-Malta Community Chest Fund f’Għawdex huwa kkoordinat minn Dr Lisa Brook li hija persuna kkwalifikata f’żewġ oqsma, fil-qasam tal-kura tas-saħħa u fil-qasam legali.
 
Għal din l-inawgurazzjoni attenda l-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo, il-kelliema tal-oppożizzjoni għal Għawdex Giovanna Debono, u l-kelliem għas-saħħa u l-edukazzjoni f’Għawdex Fredrick Azzopardi.
 
Wara li ġew inawgurati l-uffiċini, l-Isqof Mario Grech qal li jħoss li dawn l-uffiċini tal-Malta Community Chest Fund f’Għawdex se jservu ta’ dawl sabiħ fuq il-gżira Għawdxija u l-Għawdxin, għaliex simili għad-dawl li jagħti f’qalbna Sidna Ġesu Kristu, dawn l-uffiċini qed jimmiraw li jiżirgħu l-ġid, jagħtu l-għajnuna u l-wens lill-poplu Għawdxi.
 
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji tal-Istrina f’Għawdex fl-20 u fil-21 ta’ Diċembru. Is-Sibt 20 ta’ Diċembru, l-Istrina f’Għawdex se tibda b’quddiesa f’Għajnsielem ikkonċelebrata mill-Isqof Mario Grech, fejn f’din il-quddiesa se jinġiebu persuni morda mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, persuni miċ-ċentru ‘Step Ahead Adults and Youths’, u miċ-ċentru ta’ matul il-jum Santa Martha. Minn Għajnsielem, il-President se żżur il-pjazez tal-Qala, Nadur, Xagħra, Xewkija u tas-Sannat. Il-Ħadd, il-President se tkun qed iżżur il-pjazez tal-Għarb, Żebbuġ, Għasri, Kerċem, Munxar, Fontana, San Lawrenz. L-attività tagħlaq fil-pjazza tal-belt kapitali Victoria.
 
Fil-lokalitajiet li se żżur il-President, se jittella’ programm apposta tal-Istrina fil-pjazez, fejn ir-residenti tal-lokal se jkunu qed jiġbru donazzjoni apposta għall-Istrina.
 

Aktar...