The President of Malta

Messaġġ lill-poplu Malti u Għawdxi mill-E.T. George Vella, President tar- Repubblika, b’rabta mas-sitwazzjoni f’Malta tal-COVID-19

Stqarrija mill-Uffiċċju al-President 19 ta’ Marzu 2020

Insellmilkom,

F’dawn il-mumenti diffiċli, għal pajjiżna u għalina kollha, nixtieq inwassal dal- messaġġ dirett lilkom u lill-familji tagħkom.

Kif diġà għidt ftit tal-ġranet ilu fi stqarrija li ħriġt, irrid nassigurakom li ilni nsegwi l-imxija tal-Corona Virus sa mill-bidu nett, u qed inkompli nagħmel dan bl-akbar attenzjoni.

Is-sitwazzjoni kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll dak internazzjonali qegħda tinbidel minn mument għall-ieħor.

L-ewwel messaġġ tiegħi llum imur lejn il-pazjenti milquta minn dan il-virus, u lejn l-għeżież tagħhom. Tinsabu f’idejn tajba, u l-kura li qed tirċievu hija waħda mill-aqwa. Għamlu kuraġġ u kunu afu li tinsabu fil-ħsibijiet u t-talb ta’ bosta.

Nemmen li nkun qed nitkellem f’isimkom lkoll meta permezz ta’ dan il-messaġġ inwassal apprezzament sinċier u f’loku lill-ħaddiema kollha tas-settur tas-saħħa, u dawk kollha f’dipartimenti oħra, kif ukoll lill-voluntiera – mill-kbir saż-żgħir – li b’sagrifiċċji kbar u b’riskju personali qed iduru bil-pazjenti tagħna u fl-istess ħin jieħdu ħsieb l-interess tal-pajjiż kollu f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa pubblika.

Ringrazzjament speċjali għandu jmur lill-awtoritajiet li qed jieħdu ħsieb iżommuna infurmati ta’ kuljum u b’mod regolari, dwar l-iżviluppi li jkunu seħħew u l-miżuri li qed jittieħdu. Jien bħalkom, bħala ċittadin u missier, inħoss li l-għoti ta’ informazzjoni ta’ dan it-tip jagħmel ħafna ġid u jserraħ xi ftit l- imħuħ.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, fejn qed niġġieldu kontra għadu li ma jidhirx, l- informazzjoni hija għodda fundamentali.

Nieħu din l-opportunità sabiex nisħaq fuq is-sens ta’ responsabbiltà li għandu jmexxina f’kull pass li nieħdu. Id-direttivi li qegħdin jagħtuna l-awtoritajiet politiċi u tas-saħħa huma maħsuba għall-ġid aħħari tal-poplu kollu, u jridu jiġu osservati bla ebda eċċezzjoni.

Jekk nonqsu minn dan, inkunu qed nesponu mhux biss lilna nfusna u lil qrabatna, iżda anki lill-komunità kollha.

Ma’ dan is-sens ta’ responsabbilta’ norbot dak tas-solidarjetà.

Fl-aħħar siegħat rajna diversi turija ta’ solidarjetà u espressjonijiet ta’ ħajr ferm mistħoqqa lejn it-tobba u l-infermiera tagħna. Iżda hemm solidarjetà oħra li tajjeb inwasslu ma’ min hu fil-qrib tagħna.

Nibda’ bl-anzjani u dawk li huma aktar vulnerabbli minn oħrajn, li forsi daż- żmien iktar minn qatt qabel qed iħossuhom mitlufin u mifxulin.

Għinuhom intom.

Biżżejjed tagħmlulhom telefonata ta’ kuljum biex taraw kif inhi saħħithom u toffru kelma ta’ kuraġġ u tistaqsu jekk tistgħux tgħinuhom f’xi ħaġa, jew f’xi qadja.

Hemm ħafna mezzi kif min huwa iżolat infakkruh li mhuwiex minsi.

Kif drajtuni li nħobb nagħmel f’dawn it-tip ta’ messaġġi lin-nazzjon ser inkellem lil dawk il-barranin fostna bil-lingwa Ingliża.

I appeal to all foreigners among us Maltese, in these difficult moments.

We all share the same worries and concerns. We are all in the same boat. As part of our extended family, your health is also a priority for us.

My appeal to you is similar to the one I am delivering to the Maltese citizens.

I urge you to observe the directives issued by the Health Authorities, and take all the necessary measures to keep yourself and others safe.

We are all in this together, and your actions can go a long way in ensuring that we get over this chapter the soonest possibile.

Dan il-fenomenu mhuwiex biss wieħed ta’ saħħa pubblika.

Ir-riperkussjonijet huma ferm aktar wiesa’ u kif diġà qegħdin naraw, jolqtu l- oqsma ekonomiċi u soċjali. Dan jgħodd mhux biss għal Malta iżda għall- komunità internazzjonali kollha.

Il-livell ta’ koperazzjoni internazzjonali sa issa huwa sod, u nemmen li ser jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-impatt ma jinġarrx mill-iktar dgħajfa. L-ebda pajjiż jew poplu mhu ser jitħalla waħdu.

Mil-lat soċjali, qed ikollna niċċaħdu mill-użanzi u d-drawwiet tagħna ta’ kuljum

– min bix-xogħol, l-iskola, jew attivitajiet soċjali li ħafna drabi huma mibnija fuq laqgħat tal-familji u tal-komunità.

Naf li din iċ-ċaħda taf twassal għal solitudni u forsi anki iżolament, iżda hija waħda bżonnjuża u ma rridux inċedu. Il-mezzi tat-teknoloġija tal-lum jippermettu li ħafna mix-xogħol isir, il-lezzjonijiet jitwasslu u l-kuntatti xorta waħda jinżammu.

Ejjew nagħmlu l-aħjar użu minn din l-għodda li għandna f’idejna.

Nagħlaq dan il-messaġġ, bl-aħħar kelmtejn ta’ appell għall-għaqal u t-tama. Il- Maltin magħrufa għal kif kapaċi jirpiljaw minn sitwazzjonijiet agħar.

Bl-għaqda ta’ bejnietna għelibna bosta diffikultajiet u ostakli fil-passat.

B’determinazzjoni, b’dixxiplina, is-solidarjetà, u fuq kollox bl-għajnuna t’Alla, ninstab ċert li ser nerġgħu nsibu saqajna u nkomplu fejn ħallejna.

Nirringrazzjakom u nsellmilkom.

Skip to content