The President of Malta

Messaġġ mill-President ta’ Malta għall-Milied u s-Sena l-Ġdida

Insellmilkom,

Huwa ta’ pjaċir għalija li nerġa’ ningħaqad magħkom u mal-familji tagħkom f’dan il-jum tal-Milied, permezz ta’ dan il-messaġġ.

Kif tafu, dan huwa l-aħħar messaġġ tiegħi ta’ din ix-xorta, hekk kif din il-Presidenza qed toqrob lejn tmiemha.

Tul dawn is-snin, apparti x-xewqat għal Milied Hieni, din kienet tkun ukoll opportunità biex naqsam magħkom ħsibijiet dwar il-valuri li jmissu l-ħajjiet tagħna, bħala individwi u bħala familji.

Minkejja l-atmosfera ta’ ċelebrazzjoni, ħafna appuntamenti soċjali, u qadi marbuta ma’ dawn il-ġimgħat ta’ festi, tajjeb li nieqfu ftit u nirriflettu… f’mument qasir ta’ ġabra u ta’ pawża.

Bħal-lum, ħafna minna jħarsu lura wkoll lejn dawk l-isfidi li jkunu laqtuna lkoll b’xi mod jew ieħor, u dak li nkunu għaddejna minnu matul is-sena li għaddiet.

Żgur li ħadd minna mhu ħieles mill-inkwiet.

Min intlaqat minn xi aħbar ħażina ta’ saħħa, min tilef xi għeżież, min iħoss is-solitudni jew l-inġustizzja soċjali, minn għaddej minn taqlib fis-saħħa mentali u forsi anki minn iżolament.

Dawn kollha ltqajt magħhom fil-ħidma tiegħi fil-Presidenza.

Kif u meta stajt, tajt widen u għajnuna lil min hu marid jew għaddej minn xi inkwiet serju f’ħajtu.

Dan ma stajtx nagħmlu waħdi.

Serraħt ħafna fuqkom, u dejjem sibtkom warajja.

Irrid allura, inwassal ringrazzjament partikolari għall-appoġġ li tajtu lili, lil Miriam u lill-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-MCCF, biex ix-xogħol ma jiqafx.

Anki fl-eqqel tal-Pandemija, sar kulma kien permess biex ma ngħidux ‘le’ lil kull min fittex l-għajnuna tagħna.

Bħas-snin ta’ qabel, għada ser inkomplu b’din il-ħidma biex, kemm jista’ jkun, tittaffa t-tbatija fiżika ta’ min għaddej b’xi kura, u tingħata għajnuna lil kull min jitlobha.

Lil hinn minn dan, nixtieq ukoll ngħidilkom ‘grazzi’ tal-inkoraġġiment li bosta minnkom wassaltuli matul il-Presidenza, biex nibqa’ għaddej bil-ħidma tal-Presidenza f’kuntest ta’ diversi sfidi.

Fil-laqgħat numerużi li kelli mal-poplu Malti u Għawdxi dejjem apprezzajt il-kliem u l-ġesti tagħkom ta’ sostenn u entużjażmu, min b’xi kelma ta’ kuraġġ, min b’xi idea ġdida, u min anki b’suġġerimenti validi u siewja, anki dawk kritiċi.

Irrid insellem ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin li jgħixu ’l bogħod minn xtutna u nroddilhom ħajr għal kif, anki b’distanzi kbar li jifirduhom minn pajjiżna, f’dawn il-ġranet qegħdin jiċċelebraw dawn il-Festi, jista’ jkun b’xi ikel, tiżjin, drawwiet u għanjiet tal-Milied tipikament Malti.

Għeżież Maltin u Għawdxin,

F’dawn il-jiem ta’ festi għalina, ma nistax ma nsemmix li filwaqt li aħna qegħdin fil-kenn ta’ djarna, imdawrin bil-qraba u l-ħbieb, hemm eluf li minħabba l-gwerer jinsabu bla saqaf fuq rashom, bla kenn u bil-ġuħ, esposti għall-elementi u l-bombi neżlin fuqhom u fuq uliedhom.

Eluf sfaw romol, jew iltiema… oħrajn huma ġenituri li qed jidfnu lil uliedhom.

Familji sħaħ tkissru.

Qed naraw dan iseħħ fis-Sudan, fl-Ukrajna, u fl-Art Imqaddsa nfisha, propju l-post minn fejn nibtet il-festa tat-Twelid Imqaddes li lkoll qed infakkru llum.

Hemmhekk, bħalissa, minflok il-ferħ tat-twelid, mijiet ta’ trabi qed jitilfu ħajjithom b’mod indiskriminat.

Dan qed insemmih għax hija tassew ħasra, li fid-dinja avvanzata tal-lum għadna naraw xeni ta’ qsim il-qalb bħal dawn.

Qed ngħidu wkoll biex flimkien napprezzaw l-għożża u l-kumditajiet li aħna mdawrin bihom.

Napprezzaw kemm hija sabiħa l-paċi.

Forsi wkoll insibu l-ħin li nieħdu ħsieb lil dawk li għaddejjin minn xi għawġ – imqar b’kelma ta’ faraġ u wens – li f’mument ta’ diffikultà taf tkun ta’ ġid kbir lil ta’ madwarna.

Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa l-veru spirtu tal-Milied, mhux il-kisbiet materjali.

Nagħlaq dawn il-kelmtejn billi, f’ismi u f’isem Miriam, nixtieq lilkom u l-għeżiez tagħkom Milied Hieni, l-hena u l-għaqda għas-Sena l-Ġdida, u fuq kollox is-saħħa.

Grazzi.

Skip to content