Elezzjoni ġenerali hija dejjem avveniment importanti fil-ħajja ta’ pajjiż demokratiku.
Hija l-mument li fih iċ-ċittadini jiġu mitluba jagħżlu lil min jixtiequ jmexxilhom il-pajjiż, u jagħżlu wkoll liema politika jixtiequ li jaraw tiġi mwettqa minn min jiġi magħżul.
Pajjiż demokratiku ma jitqiesx hekk biss għaliex iżomm elezzjonijiet liberi kull tant snin, iżda l-elezzjonijiet huma parti essenzjali mit-tħaddim tad-demokrazija.
Huwa għalhekk li wieħed għandu jqis dan l-eżerċizzju bħala mument ta’ importanza kbira fil-ħajja ta’ pajjiż demokratiku.
Issa li tħabbret id-data meta pajjiżna se jkollu elezzjoni ġenerali, inħoss li minbarra li naqdi d-doveri tiegħi bħala President, inħoss ukoll il-bżonn li nfakkar id-dmirijiet li jġorr kull min hu involut f’din l-Elezzjoni Ġenerali, kif ukoll il-konsegwenzi li l-poplu jista’ jiffaċċja jekk dan l-eżerċizzju ma jingħatax l-importanza li tixraqlu.
Nappella l-ewwel nett lill-kandidati li se jippreżentaw irwieħhom biex jintgħażlu bħala l-mexxejja tal-poplu tagħna.
Infakkarhom biex ikunu onesti, sinċieri u trasparenti fil-wegħdiet tagħhom u li jpoġġu l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox. Inħeġġiġhom jaraw lilhom infushom bħala qaddejja li qegħdin joffru servizz lill-bqija tal-komunità bl-iskop li jintlaħaq l-ogħla livell ta’ ġid komuni u mhux mod ieħor.
Inħeġġiġhom ukoll li kliemhom dwar dak li jridu jwettqu, u dwar il-mezzi li jridu jużaw biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ikun ċar u tond u li ma jħalli ebda ekwivoku li jista’ jagħti lok għal sorpriżi fl-interpretazzjoni waqt it-twettiq aktar ’il quddiem.
Il-poplu jixraqlu l-aħjar u għandu jintwera l-ogħla rispett lejn l-intelliġenza tiegħu u lejn dik il-fiduċja li biha jafda lil min se jippreżenta l-interessi tiegħu fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Inħoss b’mod partikolari li għandi nirrakkomanda wkoll il-moderazzjoni u r-rispett fil-lingwaġġ li wieħed juża matul il-kampanja elettorali. Biex isiru l-argumenti u jiġu spjegati differenzi bejn opinjonijiet differenti, m’hemmx għalfejn kliem inġurjuż, tgħajjir, u insulti, wisq anqas akkużi bla bżonn, speċjalment jekk ikunu mibnija fuq allegazzjonijiet bla bażi.
Il-poplu ddejjaq jisma’ kliem ta’ ġlied, ta’ diviżjoni u ta’ firda. Pajjiżna għandu bżonn l-għaqda u t-turija ta’ rispett reċiproku. Nistgħu ma naqblux, imma importanti li nuru rispett lil xulxin. Nikkritikaw mhux biex inkunu distruttivi imma idealment biex noffru alternattivi aħjar.
Jien nappella lill-awtoritajiet regolatorji f’pajjiżna, biex f’dan iż-żmien sensittiv u delikat li deħlin fih, iwettqu dmirijiethom bi skruplu, b’reqqa, b’imparzjalità, u bir-responsabbiltajiet kollha li ġġorr magħha l-funzjoni regolatorja li jpoġġu fuq spallejhom.
Nappella fuq kollox liċ-ċittadini kollha li se jiġu msejħa biex jagħmlu dmirhom u jagħżlu lil min jaħsbu li jkun l-aħjar biex imexxi ’l pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Nixtieq infakkar li dan huwa dmir u dover importanti li soċjetà demokratika tistenna minna li naqdu b’impenn u b’responsabbiltà. Huwa fuq dawn l-għażliet li jiddependi ħafna fejn, fis-snin li ġejjin, se mmorru bħala pajjiż u min xiex nistgħu ngħaddu. L-għażliet li nagħmlu llum jista’ jkollhom impatt qawwi fuq kif se niffaċċjaw il-problemi u nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li pajjiżna se jiltaqa’ magħhom fis-snin li ġejjin.
Din hija għażla li trid ssir b’riflessjoni serja. Din mhix għażla dwar interessi personali, iżda għażla biex jitwettaq l-aħjar u l-aktar ġid fil-pajjiż li minnu jkunu jistgħu jgawdu u jgħixu b’mod aħjar l-akbar numru possibbli ta’ ċittadini f’pajjiżna.
Din l-għażla għandha tpoġġi fuq quddiem il-ġid komuni, u mhux l-interessi settorjali jew personali.
Nixtieq li dawn il-ħsibijiet, pariri u xewqat jittieħdu bħala espressjoni sinċiera tal-ħerqa u t-tama li għandi għal pajjiż aktar hieni, aktar magħqud u aktar stabbli.
Pajjiżna ma jixraqlu xejn anqas.
Nagħlaq billi nawgura li bl-aktar mod matur, ngħaddu mill-kampanja elettorali li għadha kif ġiet imħabbra, bil-vot tagħna fis-26 ta’ Marzu, naslu għall-aħjar għażla ta’ min irridu li jmexxi pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin.
