The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Messaġġ tal-President Myriam Spiteri Debono lill-Fondazzjoni OASI

B’dispjaċir ikolli ngħid lill-Fondazzjoni OASI li ma nistax inkun preżenti fiżikament għall-konferenza li l-Fondazzjoni qiegħda torganizza dwar il-familja u l-addiction. Għalhekk talbuni biex nagħmel messaġġ qasir li jiġi trażmess waqt din il-konferenza.

L-OASI hija waħda mill-pilastri tas-soċjetà tagħna għaliex tipprovdi servizz li hemm bżonnu. U dan hemm bżonnu għaliex dawk fostna illi jkunu ntrikbu minn xi vizzju u maħkumin minn lublieba għas-sustanzi, għandhom bżonn l-għajnuna u mhux huma biss, ukoll il-familji tagħhom. Il-familji ta’ dawn l-imsejkna jgħaddu minn ħafna tbatija: tbatija psikoloġika, tbatija għaliex iħossuhom illi bil-problema tal-maħbub tagħhom fil-familja m’għandhomx kwiet, partikularment f’dak il-perjodu fejn ikunu qegħdin jippruvaw jikkonvinċu lill-imġarrab illi għandu bżonn l-għajnuna, irid ibaxxi rasu u jkun aħjar għalih u għal ta’ madwaru jekk jibda programm ta’ terapija.

Wara illi l-individwu jibda u jkompli l-programm ta’ terapija, ukoll il-familji jkollhom bżonn il-gwida, is-sostenn u l-wens, anke kif ikunu qegħdin on the look out ħalli lil dan jgħinuh jekk jarawh li ser jerġa’ jibda t-triq tal-vizzji.

Jiena m’għandix ħlief kliem ta’ ringrazzjament għall-Fondazzjoni OASI. U l-Fondazzjoni OASI, f’kull ħaġa li tagħmel, għandha biss quddiem għajnejha l-ġid tal-individwu tal-familji u tas-soċjetà tagħna.

Nirringrazzjahom minn qalbi u jalla jsibu l-għajnuna minn kull wieħed u waħda minna.

Skip to content