Għeżież Maltin u Għawdxin,
Insellmilkom.
Nittama li kellkom Milied Hieni u li qegħdin tgawdu dawn il-ġranet ta’ Festi mal-qraba u l-għeżież tagħkom, f’atmosfera ta’ ġabra u ta’ ħbiberija sinċiera.
Dan il-messaġġ ta’ kull sena, nagħtih ħafna importanza mhux biss għax idaħħalni fid-djar tagħkom f’dan iż-żmien sabiħ, iżda wkoll għax inħoss li għandu jservi ta’ riflessjoni fuq dak li għaddejna minnu tul dawn l-aħħar xhur u dak li qed nippjanaw għall-ġejjieni.
Dan għandu jservina biex fl-aħħar mill-aħħar, jgħinna li mmorru għall-aħjar, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunitá b’mod ġenerali.
Sfidi kellna u ser jibqa’ jkollna.
Iżda kif diġà wrejna li kapaċi nagħmlu, għandna il-kapaċità u d-determinazzjoni meħtieġa, biex dawn għelibnihom.
Ma hemmx għalfejn insemmi fit-tul l-impenn kbir, u s-sagrifiċċji kbar li ġabet magħha l-pandemija.
Dan ġarrabnih ilkoll kemm aħna, b’ xi mod jew ieħor tul is-sena li għaddiet.
Ta’ dan inrodd ħajr lilkom il-Maltin u l-Għawdxin, u lir-residenti barranin fostna, tal-kooperazzjoni u sens ta’ dixxiplina li wrejtu, b’mod kollettiv sabiex il-pajjiż jibqa’ konformi mar-regolamenti tas-saħħa.
Ħadna ħsieb tagħna nfusna – u ta’ xulxin.
Dan huwa minnu nnifsu ġest nobbli li għen lis-soċjetá tagħna tibqa’, kemm jista’ jkun, b’saħħitha.
Il-messaġġ tiegħi lilkom ilkoll huwa biex nisimgħu minn dak li jgħidulna l-esperti mediċi u nagħmlu użu sħiħ mill-vaċċini li qed jiġu rrakkomandati. F’pajjiżna għandna x-xorti kbira li l-proċess ta’ tilqim kien u għadu wieħed effiċjenti ħafna.
Ejjew ma narmux din l-opportunità li flimkien niġġieldu kontra dan il-virus, u flimkien ukoll ikomplu nibnu ġejjieni, fejn is-saħħa kollettiva tagħna tibqa’ mħarsa bl-aħjar mod.
Tajjeb li nħarsu lura u nitgħallmu minn dak li għaddejna minnu, iżda huwa aktar importanti li nħarsu ‘l quddiem b’tama u kuraġġ.
Ħadna ħafna tagħlimiet li m’għandniex inwarrbu, fosthom fuq kif intlaqtu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Tajjeb li nirriflettu dwar kif stajna ġibna ruħna aħjar ma’ ta’ madwarna, kif forsi stajna ma wżajniex kliem iebes, kif maqdarna bla ma qisna l-konsegwenzi, u kif stajna tajna l-ġenb lil min hu l-iktar batut.
Jista’ jkun li bl-isfidi, u anki biża’, li ġabet magħha l-pandemija ħarisna wisq lejn l-interessi immedjati tagħna, u ma konniex daqstant sensittivi lejn ħaddieħor.
F’dan l-isfond, nixtieq li lkoll inħarsu lejn is-Sena l-Ġdida bi spirtu iktar b’saħħtu ta’ solidarjetà u sens ta’ rispett ta’ wieħed lejn l-ieħor.
Dan jgħodd għalina l-adulti li suppost inkunu ta’ eżempju għall-min hu iżgħar minna, iżda li ħafna drabi naqgħu fin-nasba tal-preġudizzju u l-konfrontazzjoni personali, kliem iebes wiċċ imb’wiċċ, u aktar u aktar imġiba inaċċettabbli fuq il-media soċjali.
Forsi ftit inqisu x’effett se jkollu l-għemil tagħna fuq dak l-individwu jew grupp ta’ nies li nkunu qed nindirizzaw, fuq is-saħħa mentali tagħhom, u fuq familthom.
Ma noqgħodx lura milli ngħid li kellna, u għad għandna, eżempji koroh madwarna.
Kultant aħna stess stajna konna passivi quddiem weġgħat fiżiċi jew mentali, jew inkella wrejna indifferenza lejn min qiegħed fostna wara li telaq minn pajjiżu biex jaħrab minn xi gwerra, vjolenza jew diskriminazzjoni.
Ilkoll naqblu li s-soluzzjoni mhix xi waħda faċli.
It-tolleranza, il-mogħdrija, l-inklużjoni ma jinbtux jew jissaħħu jekk mhux ser naħdmu għalihom aħna u fuq kollox innibtuhom fost il-valuri bażiċi f’uliedna, permezz tal-edukazzjoni.
Jien dejjem inġib l-eżempju bit-tfal iż-żgħar, li mhumiex mittiefsa mill-preġudizzji li aħna l-kbar writna jew qed noħolqu aħna stess.
Aħna – l-adulti, il-ġenituri, in-nanniet – inħarsu lejhom u għandna fejn nitgħallmu.
Ħadd minn dawn it-tfal innoċenti ma joqgħod lura milli jkellem lil ta’ hdejħ għax barrani, għax ġej minn familja ta’ opinjoni politika li ma taqbilx ma tagħhom, jew għax jemmen f’reliġjon oħra, jew għax il-kulur tal-ġilda tiegħu huwa differenti.
Dan l-anqas biss jgħaddi minn moħħ it-tfal.
Irridu lkoll kemm aħna npoġġu dawn il-valuri quddiem għajnejna ta’ kuljum fil-familja, fl-iskejjel, fuq il-post tax-xogħol, fil-postijiet ta’ divertiment.
L-edukazzjoni u l-eżempju għandhom rwol fundamentali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
Hekk biss nistgħu nassiguraw l-għaqda soċjali, u nevitaw tensjonijiet bla bżonn fis-soċjetà.
Jien ukoll irrid nagħti sehmi permezz tal-ħidma tal-Presidenza u ser inkompli naħdem ma’ kull min hu lest li jagħti l-konribut tiegħu. Nittamaa li s-Sena l-Ġdida ser iġġib magħha inizjattivi u proġetti f’ dawn il-oqsma maħsuba biex ikompli jqarrbuna lejn xulxin bħala poplu, fil-ħarsien sħiħ tad-demokrazija u bit-tħaddim tal-liġijiet ta’ pajjiżna li jassigurawlna l-Istat tad-Dritt.
Ma rridx li fil-messaġġ tiegħi tal-lum ma jissemmewx b’imħabba speċjali l-għeżież tagħna il-morda, u li wħud minnhom jinsabu għaddejjin minn xi kura kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Lil dawn inqawwilhom qalbhom u ngħidilhom jagħmlu kuraġġ…m’intomx minsijin.
Inwassal ukoll messaġġ ta’ faraġ lill-familjari tagħhom li nafu kemm dan jaf ikun żmien iebes għalihom, għaliex naf x’piż u x’responsabbiltà qegħdin iġġorru biex idduru bihom.
Fuq kollox, ngħidilkom ma tħossukomx waħidkom, għax tinsabu fi ħsibijietna u f’ talbna.
Dan huwa żmien ta’ għaqda, u żmien ta’ mħabba.
Ma stajtx inwassal messaġġ ġenwin għal dawn il-Festi, jekk mhux wieħed iffukat fuq dawk, li minħabba ċirkostanzi ta’ mard, esklużjoni u diffikultajiet fil-ħajja, qajla jistgħu jgawdu l-Milied kif wieħed jawgura u jixtieq.
As I have done in previous years, I would now like to address those foreigners among us in Malta and Gozo.
I wish to first of all convey my best wishes for the New Year, to you and your families. The past year has been a difficult one for all of us. We had to observe restrictions imposed on us by the COVID pandemic, and for many of you, this also meant that you could not travel back to your homelands.
I thank you all for the commitment with which you have participated in the national vaccination roll-out. By doing so, you have contributed greatly to the collective health and well-being of everyone in Malta.
Let us all remain vigilant and careful so that we can hopefully close this difficult chapter and resume normality as soon as possible.
Nagħlaq billi f’ismi u f’isem Miriam nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom Milied Hieni u Sena Ġdida mimlija hena, sliem u fuq kollox saħħa.
Grazzi.