The President of Malta

MESSAĠĠ TAL-MILIED MILL-PRESIDENT

Għeżież Maltin u Għawdin,

Nixtieq nibda dan il-messaġġ billi qabel xejn inwassal ix-xewqat tiegħi u ta’ marti għal Milied Hieni lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Din hija l-ewwel darba li qed nidħol fid-djar tagħkom fl-okkażjoni ta’ festi tal-Milied bħala President ta’ Malta. Għalija din hija okkażjoni ta’ sinifikat kbir.

Ħafna minnkom diġà tafu kif inħossni dwar dak li qiegħed iseħħ f’pajjiżna, u naf li ħafna

minnkom tħossukhom l-istess. Kif diġà għidt nhar it-13 ta’ Diċembru, bħalkom u magħkom inħossni mdejjaq u maħsud.

Dan m’hu żmien faċli għal ħadd.

Iżda minkejja dan kollu, nixtieq illum aktar minn qatt qabel li nżommu quddiem għajnejna l- valuri li nassoċċjaw mal-festa tal-Milied u napprezzaw it-tajjeb kollu li jagħmilna Maltin – il- lealtà lejn il-familja, il-bżulija, il-ġenerożità tagħna.

B’mod speċjali, permezz ta’ dan il-messaġġ nixtieq li nirriflettu dwar is-tifsira ta’ dawn il- festi u kif dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex terġaˋ ssaltan l-għaqda fostna l-Maltin.

Min-naħa tiegħi nixtieq ngħid ‘grazzi’ lilkom, il-pubbliku b’mod ġenerali, għas-sostenn li tajtuni tul dawn l-ewwel xhur tal-Presidenza tiegħi, speċjalment fil-mumemti l-aktar diffiċli. Sibt ħafna saħħa u kuraġġ fl-appoġġ tagħkom.

Ngħidilkom ‘grazzi’ wkoll talli qegħdin tħaddnu l-valuri u l-għanijiet li jien ħejjejt għall- Presidenza – is-solidarjetà fil-mard, il-ġlieda kontra l-faqar, l-inklużjoni, u l-volontarjat.

Aħna l-Maltin, l-ewwel ma tiġina f’moħħna f’dawn il-ġranet, hija l-għożża u l-għaqda fil- familja.

Hekk hu xieraq f’dawn il-jiem ta’ festi iżda wkoll matul is-sena kollha. Tajjeb li nħarsu lejn dawk il-membri tal-familji tagħna li forsi huma iktar vulnerabbli, u nagħtuhom l-attenzjoni kollha li jeħtieġu.

Nixtieq li nżommu kull sens ta’ tolleranza u rispett, speċjalment fir-rigward ta’ dawk li ma jaħsbuhiex bħalna f’kollox, jew forsi ma’ min anki nibtet it-tensjoni dan l-aħħar.

Ejjew nagħmlu l-almu tagħna biex inwarrbu dan kollu u nħarsu lejn dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna. L-ispirtu tal-Milied jitlob mingħandna li nwittu ftit it-tensjoni ta’ bejnietna.

Is-solitudni hija kerha – u f’dan iż-żmien tas-sena tinħass ħafna iktar. Nagħmel appell lil kull wieħed u waħda minnkom biex idduru bil-morda tagħna, bl-anzjani u b’min forsi m’għandux il-mezzi li jgawdi daqs membri oħra tal-familja. Tibqgħux bierda quddiem min jinsab waħdu jew imċaħħad.

Ma nistax ma nagħmilx appell ieħor għall-ġenerożità – li għaliha l-poplu Malti huwa tant magħruf.

Kif tafu tajjeb, matul dawn l-aħħar ġimgħat ingħatat spinta qawwija lill-ħidma fil-ġbir ta’ fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation. Hemm bżonn ta’ għajnuna kbira lil ħafna madwarna.

Ħafna li jidhru, u bosta aktar li ma jidhrux, qegħdin ibatu fis-silenzju. Lil dawn obbligati ngħinuhom.

Ma’ dak kollu li ġara u li għaddej m’għandux jeħel il-marid u mhux aċċettabbli li mas- sitwazzjoni politika inkissru wkoll kull tama ta’ għajnuna għal min hu batut.

Ser ikun qed inserraħ fuq l-għajnuna tagħkom ilkoll, speċjalment fis-26 ta’ Diċembru fl- avvinement annwali ta’ L-Istrina.

Hekk kif qed toqrob sena ġdida, nagħlaq billi nistedinkom tħarsu lejn dak li tistgħu tagħmlu, intom fid-djar, fl-iskejjel, fil-postijiiet tax-xogħol tagħkom biex tgħinu l-pajjiżna jerġaˋ jiġi fuq saqajh.

Kulħadd għandu sehem x’jagħti, u hawnhekk ukoll ser inkun qed inserraħ fuq l-għajnuna

tagħkom lkoll biex flimkien nagħmlu s-sena l-ġdida waħda fejn kulħadd, bla ebda eċċezzjoni, iħossu stmat u rispettat.

Dan iseħħ biss jekk kulħadd jerfa’ r-responsabbiltajiet li jkun mgħobbi bihom, iwettaqhom b’onestà u trasparenza u jpoġġi l-interess tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.

Min-naħa tiegħi, inwegħdkom li ser nibqa’ nqiegħed l-interess tagħkom lkoll quddiem għajnejja, f’kull pass u f’kull deċizjoni mistennija minni.

A few words to our foreign guests:

I would also like warmly acknowledge your presence here in Malta, wherever you come from, and whatever your creed or religion. We welcome you to enjoy the Christmas festivities in our country as part of this extended Maltese family. We thank you for your contribution to our economy and for accepting our hospitality.

Minn qalbi nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom, Milied Hieni, u Sena Ġdida mimlija barka, sliem u fuq kollox is-saħħa.

Skip to content