Palazz ta’ Sant’Anton

Il-Palazz ta’ Sant Anton u l-Ġonna tiegħu jafu l-bidu u l-iżvilupp bikri tagħhom lill-Kavalier Fra Anoine de Paule, Franċiż minn Provenza, li ġie elett Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1623. Min kellu għalih akkużah li kellu drawwiet diżonesti u allega li fl-elezzjoni tiegħu sar xi tbagħbis u tixħim. Iżda dawn l-akkużi ftit li xejn taw kashom Ruma. In fatti, il-Papa Urbanu VIII, f’nota mibgħuta fl-14 ta’ Marzu 1626, faħħar id-devozzjoni u l-prudenza tiegħu. Il-Papa tah ukoll it-titlu ta’ “Eminenza”, u b’dal-mod għollieh għall-istess livell tal-Kardinali u Eletturi Ekklesjastiċi oħra tal-Imperu. Fil-bażi tal-musulew ta’ de Paule fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann insibu skrizzjoni bil-Latin li tiddiskrevih bħala “Prinċepp wisq għażiż u ġeneruż li, f’ħajtu, kien wisq maħbub għall-kwalitajiet tiegħu u, wara mewtu, mhux anqas meqjum”.

Minkejja dan, m’hemmx dubju li l-mod ta’ ħajja ta’ de Paule ma kienx tal-għaks. Meta kien għadu Kavalier tal-Ordni, akkwista biċċa art kbira ħdejn ir-raħal ta’ Ħ’Attard li fuqha ben villa fil-kampanja. Din il-lokalità kienet eqreb tal-Belt Valletta mill-Palazz Verdala u għalhekk ħbiebu setgħu jissieħbu miegħu aktar faċilment meta seta’ jħalli fil-ġenb id-dmirijïet uffiċjali tiegħu.