The President of Malta

Search
Close this search box.

Traduzzjoni tal-Istqarrija Uffiċjali. Il-President f’taħditiet mal-Prim Ministru Kroat u l-Ispeaker tal-Parlament

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT


Fit-tieni ġurnata taż-Żjara Statali tiegħu fir-Repubblika tal-Kroazja, il-President ta’ Malta George Vella skambja fehmiet mal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković.

Il-kwistjonijiet indirizzati waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru Kroat kienu jinkludu aspetti tad-dimensjoni Mediterranja taż-żewġ pajjiżi u l-interess komuni tagħhom fit-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni. Qasmu informazzjoni dwar il-proċess ta’ għajnuna u rkupru relatat mal-COVID-19, il-proċeduri ta’ tilqim adottati, kif ukoll il-miżuri meħuda biex jittaffew l-effetti fuq il-popolazzjonijiet rispettivi taż-żewġ pajjiżi. Fuq l-aġenda kien hemm ukoll il-prestazzjoni ekonomika taż-żewġ pajjiżi u t-triq ’il quddiem għas-sena d-dieħla.

Matul dawn l-iskambji, Gordan Grlić Radman, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Kroazja, ta ħarsa ġenerali tal-prijoritajiet tal-politika estera tal-Kroazja. Radovan Fuchs, il-Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni tal-Kroazja, u l-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, għamlu preżentazzjonijiet dwar il-koperazzjoni fl-oqsma tal-Innovazzjoni u r-Riċerka bl-għan li fil-ġejjieni jiġi ffirmat Memorandum ta’ Qbil bilaterali.

Wara l-laqgħa mal-Prim Ministru tal-Kroazja, il-President George Vella kellu laqgħa ma’ Gordan Jandroković, l-Ispeaker tal-Parlament Kroat, fejn iddiskutew kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali komuni inklużi t-tkabbir tal-UE, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-istabbiltà fl-Afrika ta’ Fuq u s-Saħel, u l-Afganistan.

Il-President Vella semma wkoll l-importanza tad-demokrazija Parlamentari u esprima l-konvinzjoni tiegħu fil-benefiċċji ta’ diplomazija parlamentari bħala għodda li tagħti spazju lill-ħsibijiet taċ-ċittadini fir-relazzjonijiet internazzjonali. Ħeġġeġ ukoll it-tisħiħ fl-iskambji bejn Malta u l-Kroazja permezz tal-Grupp ta’ Ħbiberija Parlamentari.

Impenn uffiċjali ieħor għall-President ta’ Malta kien li jżur il-belt fortizza antika ta’ Varaždin, 81 km lejn it-Tramuntana ta’ Zagreb. Il-President u s-Sra Vella ġew milqugħa fil-belt minn Neven Bosilj, is-Sindku, uffiċjali tal-Kunsill Muniċipali u tal-Kontea, kif ukoll l-Isqof ta’ Varaždin u l-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi.

Il-President jerġa’ lura Malta nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar.

Skip to content