The President of Malta

Search
Close this search box.

Presidenti Emeriti

5

Dr Ċensu Tabone

1989 - 1994

Dr Ċensu Tabone, M.D., D.O. (Oxon), D.O.M.S. (Lond), D.M.J., F.R.C.S. (Edin), F.I.C.S., K.U.O.M., LL.D. (Hon. Causa); twieled ir-Rabat Għawdex fit-30 ta’ Marzu 1913 u studja fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u fl-Università ta’ Malta, fejn iggradwa bħala spiżjar fl-1933 u bħala tabib fl-1937. Fit-23 ta’ Novembru 1943 iżżewweġ lil Maria Wirth u kellhom tliet subien u ħamest ibniet.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ingħaqad mal-Artillerija Rjali ta’ Malta u serva bħala uffiċjal mediku reġimentali, uffiċjal amministrattiv ġenerali u, iktar tard, bħala speċjalista apprendist tal-għajnejn fl-Isptar Militari, l-Imtarfa. Fl-1946 mar ir-Renju Unit biex ikompli jitħarreġ fl-oftalmoloġija u fl-istess sena kiseb Diploma fl-Oftalmoloġija mill-Università ta’ Oxford. Iktar tard kiseb Diploma fil-Mediċina u l-Kirurġija Oftalmika mill-Bord Konġunt tar-Royal College of Surgeons tal-Ingilterra.

Ġie lura Malta fl-1947 u minn dakinhar beda jaħdem fl-oftalmoloġija u kellu karigi għolja f’diversi sptarijiet. Fl-1945 ġie fdat bil-kampanja kontra t-trakoma f’Għawdex, bir-riżultat li maż-żmien din il-marda prattikament inqerdet għal kollox mill-gżira. Din il-kampanja kienet f’ħafna modi proġett pijunier bħalma kienu dawk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li hu għen fit-tnedija tagħhom f’ħafna pajjiżi, b’mod partikolari fit-Tajwan, l-Indoneżja, u l-Iraq. Ġie elett Fellow of the Royal College of Surgeons ta’ Edinburgh fl-1949. Mill-1956 ’il quddiem serva bħala membru tal-Panel Internazzjonali ta’ Esperti dwar it-Trakoma tad-WHO u kien konsulent ma’ din l-Organizzazzjoni għal ħafna snin.

Fl-1954 waqqaf il-Medical Officers Union, illum l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (M.A.M.) u kien il-President tagħha għal ħafna snin. Fl-1953 kiseb Diploma fil-Ġurisprudenza Medika tas-Society of Apothecaries ta’ Londra. Dr Tabone kien ukoll membru tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta, membru tal-Bord tal-Fakultà tal-Mediċina mill-1957 sal-1960 u lettur fl-Oftalmoloġija Klinika fid-Dipartiment tal-Kirurġija.

Dr Tabone kien ilu attiv fil-politika mill-bidu tas-snin sittin u fl-1961 sar membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista (PN). Għal għaxar snin, mill-1962 sal-1972, kien Segretarju Ġenerali u mill-1972 sal-1977 kien l-ewwel Viċi Kap tal-PN. Fl-1978 ġie elett President tal-Kumitat Eżekuttiv. Żamm din il-kariga sa Awwissu 1985.

Dr Tabone kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali għall-ewwel darba f’isem il-PN fl-1962. Fl-1966 ġie elett membru tal-Parlament u sar Ministru tax-Xogħol, l-Impjiegi, u s-Servizzi Soċjali. Reġa’ ġie elett fl-1971, fl-1976, fl-1981, u fl-1987, u d-distretti li rrappreżenta kienu jinkludu l-Imsida, San Ġiljan, Tas-Sliema, u l-Gżira. Huwa rrappreżenta lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fil-Kunsill tal-Ewropa mill-1973 ’il quddiem u kien il-Kelliem tal-Partit dwar l-Affarijiet Barranin mill-1978 ’il quddiem. Kien membru ta’ diversi kumitati tal-Kunsill tal-Ewropa għal diversi snin u relatur tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, tal-Kumitat għas-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali, u tal-Kumitat għall-Pajjiżi Ewropej mhux Membri, li tiegħu kien ukoll il-President. Kien il-fundatur tal-Akkademja għall-Iżvilupp tal-Ambjent Demokratiku (l-AŻAD) u kien il-President tagħha mill-1976 sal-1988.

Wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju 1987, inħatar Ministru tal-Affarijiet Barranin. Fl-1968, meta dak iż-żmien kien il-Ministru tax-Xogħol, l-Impjiegi, u s-Servizzi Soċjali, ippropona fin-Nazzjonijiet Magħquda fi New York biex tingħata iktar attenzjoni lit-tixjiħ tal-popolazzjoni tad-dinja; proposta li maż-żmien wasslet għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Vjenna dwar it-Tixjiħ u, fl-1988, l-istabbiliment f’Malta tal-Istitut tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tixjiħ. F’Settembru 1988 ressaq proposta fin-Nazzjonijiet Magħquda fi New York biex il-klima tiġi kkunsidrata bħala wirt komuni tal-umanità. Fi żmien tliet xhur, din wasslet għall-abbozz ta’ riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima biex jitnaqqsu l-azzjonijiet mill-bniedem li qed joħolqu tali tibdil.

Fis-16 ta’ Marzu 1989, Dr Tabone rriżenja minn Ministru tal-Affarijiet Barranin u minn membru tal-Kamra tad-Deputati, u fl-4 ta’ April tal-istess sena nħatar mill-Parlament bħala r-raba’ President ta’ Malta.

Diplomi, kwalifiki, unuri, premjijiet, eċċ.

Ingħata rikonoxximent mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-servizz iddedikat tiegħu b’appoġġ għall-programm tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tixjiħ.

Lawrja ta’ Dottorat fil-Liġi LL.D. (Hon. Causa) mill-Università ta’ Malta.
Kumpann tal-Unur tal-Ordni tal-Meritu (K.U.O.M.)
Grad Speċjali tal-Grand Cross tal-Ordni tal-Meritu tal-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Medalja “Pro Merito” mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Ingħata l-Medalja tad-Deheb Presidenzjali tar-Royal College of Surgeons ta’ Edinburgh.
Grand Collar tal-Ordni ta’ Makarios III.
Cavaliere Di Gran Croce decorato con Gran Cordone al Merito.
M.D. (Hon. Causa) mill-Kulleġġ Mediku ta’ Beijing, iċ-Ċina.

Skip to content