Il-Prof. Guido de Marco ġie elett President ta’ Malta fl-4 ta’ April 1999.
Ġie elett għall-ewwel darba fil-Kamra tad-Deputati f’isem il-Partit Nazzjonalista f’April 1966 u baqa’ jiġi elett fil-Parlament f’kull elezzjoni ġenerali. Inħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fl-1972 u serva f’dik il-kariga sal-1977, meta ġie elett Viċi Kap, pożizzjoni li ġiet ikkonfermata mingħajr interruzzjoni sakemm irreżenja f’Marzu 1999.
Meta l-Partit Nazzjonalista reġa’ tela’ fil-Gvern fl-1987, il-Prof. de Marco nħatar Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Intern u l-Ġustizzja. Matul il-mandat tiegħu, il-Prof. de Marco ressaq fil-Kamra tad-Deputati diversi abbozzi li integraw konvenzjonijiet importanti, bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fid-Dritt nazzjonali. Bħala l-Ministru tal-Intern, mexxa r-riforma u l-modernizzazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u waqqaf l-Akkademja tal-Pulizija.
Bħala l-Ministru tal-Intern u l-Ġustizzja, attenda l-Konferenza tal-Ministri tal-Liġi Ewropej f’Liżbona (1988) u The Hague (1989), u tal-Ministri tal-Liġi tal-Commonwealth fi New Zealand (1990). Kien matul il-mandat tiegħu li Malta saret membru tal-Grupp Pompidou, u huwa pparteċipa fil-laqgħa tal-Ministri li saret f’Londra fl-1989. Il-Prof. de Marco mexxa d-delegazzjoni ta’ Malta għas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drogi li saret fi New York.
F’Mejju 1990 nħatar Ministru tal-Affarijiet Barranin u baqa’ fil-kariga sa Ottubru 1996. Waħda mill-ewwel affarijiet li għamel bħala l-Ministru tal-Affarijiet Barranin kienet li ppreżenta l-applikazzjoni ta’ Malta għas-sħubija fil-Komunitajiet Ewropej fi Brussell, fis-16 ta’ Lulju 1990. Filwaqt li saħaq fuq il-vokazzjoni Ewropea ta’ Malta, il-Prof. de Marco enfasizza wkoll il-validità tad-dimensjoni Mediterranja. Hu kompla jippromwovi u jsegwi l-prinċipju li d-djalogu Ewro-Mediterranju kien element bażiku sabiex jinħolqu strutturi li jikkonsolidaw is-sigurtà u l-kooperazzjoni reġjonali. Kien strumentali wkoll fil-konsolidazzjoni tal-kontribut attiv ta’ Malta għall-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-Nazzjonijiet Magħquda, l-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa, u l-Commonwealth.
Reġa’ nħatar Viċi Prim Ministru ta’ Malta u Ministru tal-Affarijiet Barranin fit-8 ta’ Settembru 1998, wara r-rebħa tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1998, kariga li żamm san-nomina tiegħu għall-Presidenza ta’ Malta. Fil-11 ta’ Settembru, ippreżenta t-talba ta’ Malta għall-attivazzjoni mill-ġdid tal-applikazzjoni tagħha għas-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstrija u President tal-Unjoni Ewropea, l-E.T. Wolfgang Schüssel.
Fit-18 ta’ Settembru 1990, il-Prof. Guido de Marco ġie elett President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (il-45 Sessjoni). Matul dan iż-żmien, ta bidu għal djalogu li iktar tard wassal għal mozzjoni presidenzjali approvata unanimament biex tingħata ħajja ġdida lill-Assemblea Ġenerali u għal aspetti oħra ta’ riforma li kienu neċessarji fi żmien ta’ tranżizzjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali. F’isem l-Assemblea Ġenerali, bħala l-President tagħha, il-Prof. de Marco ħa diversi inizjattivi diplomatiċi li wasslu għaż-żjara tiegħu f’kampijiet tar-refuġjati fit-Territorji Okkupati u fil-Ġordan, l-Etjopja, u l-Albanija.
Inizjattivi oħra kienu jinkludu l-laqgħat tiegħu mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, James Baker, waqt il-Gwerra tal-Golf, u mal-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II. Ġie mistieden f’Moska għal taħditiet mal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Sovjetika u fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Bħala l-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda żar ukoll ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u r-Repubblika tal-Korea f’Mejju 1991, u dan wassal għall-ammissjoni ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi fin-Nazzjonijiet Magħquda. Żar ukoll Chernobyl, ir-Repubblika Ċeka, u s-Slovakkja. Matul il-Presidenza tiegħu, il-Prof. de Marco ppropona wkoll rwol ġdid għall-Kunsill ta’ Kurazija, inizjattiva imbuttata minn Malta fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda.
Bejn l-1990 u l-1996, il-Prof. de Marco mexxa wkoll inizjattivi ewlenin oħra f’oqsma kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, inklużi l-espansjoni tar-rappreżentanza ta’ Malta barra mill-pajjiż u l-konklużjoni ta’ ftehimiet importanti f’oqsma essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-kooperazzjoni. Kien ukoll il-kap tad-delegazzjoni Maltija fid-diversi Konferenzi tas-KSKE/OSKE. F’Jannar 1992, fil-Kunsill tal-KSKE fi Praga, Malta nediet l-inizjattiva tal-Prof. de Marco biex il-KSKE tiġi ddikjarata arranġament reġjonali skont il-Kapitolu VIII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda, proposta li iktar tard ġiet approvata mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fil-Laqgħa Għolja ta’ Ħelsinki. Kompla wkoll jippromwovi d-djalogu bejn l-Istati tas-KSKE u dawk tal-Mediterran li ma kinux parteċipanti fiha. Il-Prof. de Marco ta attenzjoni partikolari lill-komunità Maltija barra minn Malta u żar lill-emigranti Maltin fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, u r-Renju Unit, kif ukoll lil komunitajiet iżgħar f’numru ta’ pajjiżi oħra.
Il-Prof. de Marco ġie elett mill-Kamra tad-Deputati biex ikun wieħed mir-rappreżentanti tagħha fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-1967, u baqa’ għal kważi 20 sena membru ta’ din l-Assemblea. F’diversi okkażjonijiet serva bħala membru u relatur tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u Viċi President tal-Kumitat għar-Regoli tal-Proċedura. Bejn l-1996 u l-1998 reġa’ ġie elett mill-Kamra tad-Deputati bħala membru tad-delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, f’liema żmien ġie elett Chairman tal-Kumitat għall-Monitoraġġ li kien għadu kemm twaqqaf. Kompla jservi wkoll fil-kariga tiegħu ta’ Viċi President tal-Kummissjoni Dinjija Indipendenti għall-Oċeani.
Bejn l-1996 u l-1998 il-Prof. de Marco serva bħala Shadow Minister u Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u bħala membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin.
Il-Prof. Guido de Marco twieled il-Belt Valletta fit-22 ta’ Lulju 1931, iben Emanuele u Giovanna née Raniolo. Studja fl-Iskola ta’ San Ġużepp, fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, u fl-Università ta’ Malta. Iggradwa b’Baċellerat tal-Arti fil-Filosofija, fl-Ekonomija u fit-Taljan fl-1952, u b’Dottorat fil-Liġi fl-1955. Mill-1967 ’il quddiem kien lettur u, iktar tard, Professur tal-Liġi Kriminali fl-Università ta’ Malta. Iżżewweġ lil Violet née Saliba. Kellhom iben, Mario, u żewġt ibniet, Gianella u Fiorella, ilkoll membri tal-professjoni legali.
1974 - 1976
1976 - 1981
1982 - 1987
1987 - 1989
1989 - 1994
1994 - 1999
2004 - 2009
2009 - 2014