L-inizjattiva ta’ impjieg tal-President’s Trust

Illum, il-President’s Trust iffirmat memorandum of understanding ma’ disa’ kumpaniji differenti li qed jappoġġjaw il-viżjoni tal-President’s Trust li tappoġġja żgħażagħ li minħabba sitwazzjonijiet partikolari f’ħajjithom jaqgħu mis-safety nets eżistenti, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-taħriġ u x-xogħol.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-President’s Trust qed tidentifika żgħażagħ li għandhom bżonn aktar għajnuna. Permezz ta’ stħarriġ individwali tal-ħiliet, kwalitajiet u diffikultajiet personali, iż-żagħżugħ jew iż-żagħżugħa jiġi abbinat ma’ potential employer li jkun lest li joffri taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol kif ukoll kuntratt tax-xogħol.

Illum, Playmobil Malta Ltd., PG Group, Farsons Group, Camilleri Group of Companies, The Convenience Shops, Casa Antonia Ltd, James Caterers, Maypole u Costa Coffee fehmu li b’appoġġ u mpenn addattat, dawn il-persuni għandhom il-potenzjal li jifjorixxu. Dawn il-kumpaniji ssieħbu mal-President’s Trust sabiex jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ u fehmu li l-ħajjiet ta’ żgħażagħ f’sitwazzjoniiet vulnerabbli jistħoqqilhom impenn sħiħ mis-soċjetà.

Sarah Borda Bondin, Direttur tal-President’s Trust, qalet li “aħna nemmnu li kull żagħżugħ u żagħżugħa huwa ta’ preġju fis-soċjetà jekk il-kwalitajiet tiegħu jew tagħha jkunu rikonoxxuti, żviluppati u użati tajjeb”. Żiedet ukoll li “l-President’s Trust qed titlob lil dawn il-kumpaniji biex jaħdmu magħha sakemm il-persuna ssib saqajha. Hawn żgħażagħ li għandhom bżonn li xi ħadd jemmen fihom u jimxi magħhom ftit lil hinn sabiex jgħinhom jiksbu suċċess. Hawn żgħażagħ li m’għandhomx mudell pożittiv li jista’ jiggwidahom, iħeġġiġhom, u jgħinhom jikbru”.

Il-parteċipanti ta’ dan il-proġett huma offruti l-appoġġ ta’ mentor adult, voluntier li jkun imħarreġ mill-President’s Trust biex jibni relazzjoni professjonali maż-żagħżugħ u jkun ta’ gwida u ta’ kuntatt matul dan il-proċess.  Din is-sistema ta’ mentoring hija ta’ benefiċċju wkoll għall-kumpanija li qed timpjega, għax b’hekk il-kumpanija għandha kuntatt dirett ma’ min qiegħed isegwi liż-żagħżugħ u għandha ma’ min tista’ tirreferi, dejjem bl-intenzjoni li ż-żagħżugħ jilħaq il-potenzjal u l-għan tiegħu.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-kumpaniji li qed jappoġġjaw lill-President’s Trust f’din l-inizjattiva, flimkien mal-voluntiera u lil kull min qiegħed jagħti daqqa t’id biex nagħmlu ħajja differenti għal dawk l-għeżież żgħażagħ tagħna.

Il-President’s Trust tħares ’il quddiem sabiex tifrex aktar dan in-network ta’ kumpaniji sabiex tkun tista’ toffri aktar opportunitajiet lil żgħażagħ li qed isibu diffikultà.

Aktar informazzjoni tista’ tiġi mitluba fuq info@presidentstrust.org.mt