The President of Malta

Search
Close this search box.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Hekk kif iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’Malta ġiet fi tmiemha, il-President George Vella, f’ismu u f’isem martu Miriam, u l-uffiċjali kollha tal-Uffiċċju tal-President, jixtieq irodd ħajr u jifraħ lil dawk kollha li kienu involuti, mill-kbir saż-żgħir, biex żjara ta’ din l-importanza tirnexxi b’daqstant suċċess.

Ringrazzjament kbir imur lill-Kumitat Organizzattiv li ħejja l-programm u ra li jitwettaq sal-aħħar dettall.

Il-President irodd ħajr b’mod speċjali lill-Forzi tal-Ordni u l-Korpi Dixxiplinati li żammew l-ordni pubbliku, lill-organizzaturi tal-Quddiesa kkonċelebrata mill-Papa Franġisku fil-Furjana, u lill-pubbliku inġenerali għall-konkorrenza u l-parteċipazzjoni numeruża tiegħu kull fejn mar il-Qdusija Tiegħu.

L-istess ringrazzjament imur ukoll għal dawk kollha li wettqu xogħol ta’ tindif, tiżjin, dwalijiet u dak kollu li għamel din iż-żjara waħda memorabbli.

Il-President irodd ħajr lill-mezzi tax-xandir, u l-midja lokali, li permezz tagħhom wasslu dak kollu li kien għaddej lil min għal xi raġuni jew oħra ma setax jipparteċipa u jieħu sehem kif xtaq.

Il-President Vella jawgura li l-miġja tal-Qdusija Tiegħu f’Malta tħalli ġid, kemm materjali kif ukoll spiritwali, sabiex ikomplu jissedqu aktar fostna l-għaqda u s-sliem.

Skip to content