Restawr

 

RESTAWR ESTENSIV FIL-PALAZZ TA’ SANT’ ANTON

Bħalissa fil-Palazz ta’ Sant’Anton għaddej restawr estensiv f’żoni differenti. Dan sabiex, fi kliem l-President ta’ Malta, “il-Palazz ta’ Sant’Anton, jerġa jiġi għall-istat li kien oriġinarjament fih biex jitgawda mill-Maltin u mill-Għawdxin”.

Ir-restawr beda kmieni fl-2015  meta ġew irrestawrati għadd ta’ kmamar mad-dawra tal-ġnien privat fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Dawn il-kmamar illum jospitaw l-uffiċini tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. Fl-istess waqt inbeda l-proċess biex kmamar li fil-passat kienu jintużaw bħala ‘store-rooms’ jiġu mbattla kompletament sabiex jiġu trasformati u jsiru multi-purpose halls. Kien waqt dan il-proċess li ġew skoperti għadd ta’ arkati fl-istess parti tal-Palazz, li għadhom kemm ġew rrestawrati, wara li twaqqa’ saqaf li kien qiegħed jifridhom mill-kumplament tal-post fejn kien hemm l-istore-rooms.

Saru ukoll xogħlijiet fil-kċina prinċipali tal-Palazz fejn ġew installati cold-rooms, filwaqt li ġew restawrati għadd ta’ arkati.

 

Parti mill-proċess tar-restawr jiffoka fuq il-kmamar Statali tal-Palazz ta’ Sant’Anton. Fl-2015 sar restawr fuq dik li ġiet imsejħa il-Music Room, li tintuża b’mod regolari biex isiru kunċerti organizzati mill-Uffiċċju tal-President. L-uffiċini li qabel kieni jinstabu fil-qalba tal-Palazz tniżżlu fis-sular ta’ isfel, sabiex erbat ikmamar jinbidlu f’Librerija, Billiards Room, Ladies room, u Grand Salon. Għal din il-parti tal-proġett tar-restawr saret riċerka ddettaljata ta’ kif dawn il-kmamar kienu fi żmien kolonjali biex iż-żebgħa, d-drapp u l-għamara li ser jintużaw ikunu identiċi għal dawk li kienu jintużaw f’dak iż-żmien.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, nhar il-11 ta’ Mejju 2016, li matula il-ġurnalisti preżenti ddawru mal-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President Coleiro Preca, rringrazzjat lil dawk kollha involuti biex dan il-proġett ta’ restawr isir realtà, fosthom lil Keith Pillow u t-team tiegħu minn DaaaHaus, li qegħdin jieħdu ħsieb il-Kmamar Statali, u lill-Perit William Soler u t- team tiegħu minn DeMicoli and Associates, li għandhom f’idejhom il-proġett tal-Multi-Purpose Hall, lill-Perit Joe Bondin u t- team tiegħu, u lill-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-President u tal-kumpanija ERL, li għandhom f’idejhom il-proġetti l-oħrajn tar-restawr fosthom il-kċina, l-uffiċini tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, ir-Reception Area, l-uffiċini ta’ ‘The President’s Trust’, l-uffiċini amministrattivi u l-meeting rooms.

Il-President irringrazzjat ukoll lill-Heritage Malta u lis-Supretedenza tal-Wirt Kulturali tal-appoġġ kontinwu matul il-proċess tar-restawr, lis-Sur Christopher Hyland għall-appoġġ tiegħu f’dak li jirrigwarda t-tessuti li jintużaw waqt ir-restawr, u lill-entitajiet li qegħdin jgħinu permezz ta’ appoġġ finanzjarju.

Riġenerazzjoni Sostenibbli tal-Wirt tal-Bini: Studju ta’ Każ tal-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard

Sfond tal-Proġett ta’ San Anton – Perit Amber Wismayer

Din li ġejja hija taqsira ta’ inizjattiva innovattiva, xprunata mill-Eċċellenza Tagħha u mmexxija mill-Perit Amber Wismayer, sabiex jinstabu modi biex jintlaħaq il-massimu ta’ iffrankar tal-enerġija f’bini ta’ wirt storiku billi jintuża l-Palazz ta’ San Anton bħala studju tal-każ.

Dan il-Palazz Presidenzjali tas-seklu 17, bini ta’ valur storiku kbir, bħalissa jaqdi diversi funzjonijiet, li jinkludu dawk residenzjali u amministrattivi. Huwa eżempju ċar tal-isfidi ta’ bidliet fil-klima biex tinkiseb il-funzjonalità u l-kumdità ta’ min jokkupa binjiet ta’ wirt storiku fil-Mediterran u f’pajjiżi bi klima simili. Bit-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija ta’ binjiet storiċi lokali, jiġi assigurat il-wirt tal-arkitettura Maltija, u jiġi promoss l-iffrankar tal-enerġija fuq livell nazzjonali.

Filwaqt li sar fokus fuq il-mezzi ta’ kif wieħed jista’ jnaqqas id-domanda għall-enerġija (bħall-istallazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u solar water heaters) meta jiġu ddisinjati binjiet b’effiċjenza fl-enerġija, l-attenzjoni qiegħda bil-mod tmur lura għal karatteristiċi u strateġiji passivi li ġew żviluppati matul is-sekli. L-arkitettura tipika Maltija ta’ spiss ikun fiha eżempju ta’ dawn l-elementi. Għalhekk, it-tipoloġija ta’ dan il-wirt storiku toffri potenzjal qawwi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u d-domanda għall-enerġija fuq livell nazzjonali.

L-istudji wrew illi ffrankar sinifikanti fl-enerġija jista’ jinkiseb mingħajr ma jkollu impatt negattiv fuq il-valur kulturali u arkitettoniku tal-wirt storiku. Minkejja dan, il-proposti maħsuba biex itejbu l-prestazzjoni tal-enerġija fi strutturi bħal dawn, iridu jaffaċċjaw l-isfida biex jingħaqdu flimkien bosta aspetti differenti. Il-mod ta’ kif it-teknoloġija moderna titqiegħed f’bini antik irid jirriżulta f’bilanċ razzjonali bejn it-tnejn.

Ix-xogħol imwettaq mill-Perit Amber Wismayer għandu l-għan li jagħti sapport għall-iżvilupp ta’ strateġija effettiva billi jidentifika u jevalwa aspetti ewlenin tat-teknoloġija tal-enerġija fuq bini storiku. Il-metodoloġija li toħroġ minn din ir-riċerka se tintegra struttura komuni li taqdi bosta fatturi u se tagħti sapport sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza. Għalhekk, se tgħin sabiex jiġi ssalvagwardjat il-wirt storiku Malti skont il-bżonn.

Inawgurata s-Sala Antoine de Paule, fil-Palazz ta’ Sant’Anton

Nhar il-25 ta’ Frar 2017, Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, kienet inawgurata s-Sala Antoine de Paule. Ir-restawr ta’ din is-sala hija fażi oħra minn proġett estensiv ta’ restawr li għaddej fil-Palazz, wara li tul is-sentejn li għaddew, kienu inawgurati s-sala tal-mużika (Music Room), il-Librerija Anton Buttigieg u l-uffiċini tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.

Waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, stqarret li għaliha “dan huwa mument ieħor meta, bħala ċittadina Maltija, inħossni kburija bil-wirt storiku tagħna u kburija wkoll bit-talenti ta’ tant nies, li reġgħu taw il-ħajja lil din il-parti ta’ dan il-Palazz tant majestuż, biex b’hekk illum għandna sala mgħammra b’kollox, biex tintuża għall-ħtiġijiet tal-lum.”

Il-President qalet li l-Palazz ta’ Sant’Anton jirrapreżenta eżempju prezzjuż ta’ wirt storiku għall-gżejjer tagħna u żiedet tgħid li hija r-responsabbiltà tagħna biex dan il-wirt storiku nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. “Kien għalhekk, li l-Presidenza qed tagħti prijorità għall-strateġiji ta’ restawr rispettuż f’diversi żoni tal-Palazz ta’ Sant’Anton,”, stqarret il-President Coleiro Preca.

Il-Palazz ta’ Sant’Anton inbena minn Fra Antoine de Paule, fl-1620. Il-binja oriġinali kienet tintuża bħala residenza tas-sajf tal-istess de Paule. Din il-parti tal-Palazz għadha nfatti msejħa De Paule Suite, u s-Sala de Paule li ġiet inawgurata tifforma parti minn din il-parti tal-binja. Meta de Paule imbagħad sar Gran Mastru, kompla jespandi l-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-President irringrazzjat lil kull min kien involut biex dan il-proġett isir realtà, fosthom lill-Periti William Soler u Paul Borg minn DeMicoli and Associates, lill-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-President, taħt it-tmexxija tas-Sur Alfred Debono, lill-kuntratturi kollha li ħadmu f’dan il-proġett, u lill-MFSA, li offrew il-fondi għar-restawr kontinwu li għaddej bħalissa fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Ir-restawr fil-Palazz għadu għaddej hekk kif bħalissa qegħdin jiġu rrestawrati tlett ikmamar li kienu jintużaw bħala uffiċini, biex b’hekk, il-Palazz ser jkollu tlett ikmamar statali ġodda.

Il-Palazz ta’ Sant’ Anton isir eżempju ta’ Sostenibbiltà tal-Ilma

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ilma, fit-22 ta’ Marzu 2017, rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma ta’ Malta u l-Global Water Partnership – Mediterranean (GWP-Med), iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim għat-tqegħid mill-ġdid ta’ ġibjun għall-ħsad tal-ilma tax-xita fil-Palazz ta’ San Anton, fi ħdan il-qafas tal-Programm Alter Aqua. Iċ-ċerimonja saret fil-Palazz tal-President f’Ħ’Attard, Malta, maġenb il-ġonna ta’ San Anton fejn jinsab il-ġibjun tal-ilma, fil-preżenza tal-imsieħba tal-Alter Aqua, inkluż id-ditta General Soft Drinks Marketing Ltd, li tirrappreżenta s-sistema tal-Coca-Cola f’Malta, peress li l-programm qed jiġi megħjun finanzjarjament minn The Coca-Cola Foundation sa mill-2011.

Il-ġibjun tal-Ġnien ta’ San Anton kien mibni mill-Kavallieri ta’ Malta fis-sena 1600 WK u jesa’ 1,800,000 litri. It-tqegħid mill-ġdid tiegħu, taħt is-superviżjoni teknika tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u l-GWP-Med, għandu sinifikat storiku, kulturali, soċjali u ta’ immaniġġjar tal-ilma. Il-ħsad tal-ilma tax-xita llum il-ġurnata permezz ta’ sistema mibnija ’l fuq minn 400 sena ilu juri l-importanza tal-valur intrinsiku ta’ soluzzjonijiet għall-ilma sabiex isostnu l-ħajja fuq il-gżira. Dan l-ilma se jintuża biex jissaqqa l-masġar tal-larinġ tal-Palazz u l-Ġonna tiegħu. Il-ġibjun se jkollu impatt soċjali peress li l-larinġ li jinqata’ mill-masġar jinbiegħ biex jgħin lill-Malta Community Chest Fund Foundation, fondazzjoni ta’ karità, li tgħin lill-Maltin li jkunu jeħtieġu assistenza medika, tipprovdi ikel lill-foqra u boroż ta’ studju lil studenti. Ix-xogħlijiet jitlestew sal-aħħar tas-sajf tal-2017.

“Permezz ta’ Alter Aqua rnexxielna nagħmlu impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ 53,000 persuni fil-Gżejjer Maltin billi ġbarna u rġajna użajna aktar minn 16-il miljun litru ta’ ilma fuq bażi annwali. Lil hinn mix-xogħlijiet infastrutturali, il-proġett Alter Aqua għandu focus speċjali fuq l-iskejjel u l-organizzazzjoni ta’ kampanji edukattivi mmirati sabiex titqajjem kuxjenza fuq l-applikazzjoni ta’ Riżorsi tal-Ilma mhux konvenzjonali u l-użu tal-ilma b’mod sostenibbli. Għal dan il-għan, permezz tal-proġett Alter Aqua, aktar minn 13,000 student ġew edukati fuq l-iżvilupp sostenibbli fl-iskejjel, filwaqt li 1228 għalliem ġew imħarrġa mill-2011 ’il hawn.  Jekk nispiraw u ngħallmu lill-ġenerazzjoni li jmiss fuq il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma b’mod responsabbli, inkunu qed nassiguraw futur aħjar u dan huwa l-legat ta’ dan il-proġett. Nirrikonoxxu li dawn ir-riżultati impressjonanti ġew wara azzjoni u kollaborazzjoni kollettiva tal-imsieħba tal-programm. Jien ċerta li ma konniex nirnexxu li kieku ma kellniex imsieħba li jaqsmu l-istess viżjoni u valuri sabiex jinbnew komunitajiet sinjuri li jimxu ’l quddiem. Nistgħu nagħmlu ħafna aktar flimkien milli kull wieħed għal rasu”, qalet Maria Micallef, Chief Operating Officer, GSD Marketing Ltd.

Is-sbuħija tal-Palazz ta’ San Anton u l-Ġonna tiegħu minn dejjem ġibdu lejhom turisti u Maltin. Minn issa ’l quddiem, il-Ġonna se jkunu ta’ eżempju għal prattiċi tal-ilma sostenibbli f’Malta. Dan se juri l-konnessjoni mal-passat, l-evoluzzjoni ta’ prattiċi tal-immaniġġjar tal-ilma, u l-importanza li tibbenefika minnhom il-komunità.

“Huwa xieraq li l-librerija fi ħdan ir-Residenza tal-Istat tkun ddedikata għal xogħlijiet ta’ ‘Melitensia’”

Nhar it-22 ta’ April 2017, Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, ippresediet serata mużiko-letterarja ad unur l-eks-President Anton Buttigieg.

Waqt din is-serata, il-kustodja tal-Librerija Anton Buttigieg, li hija parti mill-proġett estensiv ta’ restawr fl-istess Palazz, għaddiet f’idejn l-Akkademja tal-Malti u l-‘Malta Libraries’, biex b’hekk, dawn iż-żewġ entitajiet ser jkunu qed jieħdu ħsieb din il-Librerija, li fiha hemm miġbura uħud mill-isbaħ xogħlijiet ta’ awturi u poeti Maltin, u xogħlijiet stampati minn għadd ta’ pubblikaturi Maltin.

Meta indirizzat lil dawk preżenti, il-President Coleiro Preca qalet li dan huwa wieħed mill-isbaħ mumenti tal-Presidenza tagħha, “għax propju issa, r-Residenza tal-Istat għandha librerija diċenti u eleganti, librerija li qed tilqa’ x-xogħlijiet ta’ kittieba u pubblikaturi Maltin, librerija li msemmija għall-poeta bravu, l-eks-President Anton Buttigieg.” Din is-serata tagħti bidu għal numru ta’ attivitajiet li l-Uffiċċju tal-President, u l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, ser ikunu qed jorganizzaw fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb, kif stabbilit mill-UNESCO.

L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom it-Tnejn, 24 ta’ April, hekk kif mijiet ta’ tfal minn diversi skejjel ser jkunu qed iżuru l-Palazz ta’ Sant’ Anton fejn ħa jkollhom l-opportunità li jaraw il-Librerija Anton Buttigieg, kif ukoll il-‘Little Stars Library’ u ser jingħataw informazzjoni wkoll fuq Librerija Balzmet ir-Ruħ, li tinsab fl-uffiċċju li l-Malta Community Chest Fund Foundation għandha fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Il-President raddet ħajr lill-Akkademja tal-Malti u lill-‘Malta Libraries’, li bħala kustodji tal-Librerija Anton Buttigieg diġà qed jagħmlu ħafna xogħol siewi, u rringrazzjat ukoll lid-diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet li qed jaħdmu biex iżommu l-lingwa Maltija ħajja, dan għaliex “il-Lingwa Maltija hija xhieda unika tal-identità tagħna.” Raddet ħajr ukoll lis-Sinjura Matilde Cordina, li kkordinat dan il-proġett. Waqt din is-serata pparteċipaw is-Surmast Dominic Galea, l-kantanta Doreen Galea, kif ukoll qraba tal-eks-President Anton Buttigieg. Wara ċ-ċerimonja tal-iffirmar, il-President ġiet ippreżentata b’għadd ta’ kotba tal-istess Anton Buttigieg, kif ukoll, b’selezzjoni ta’ kotba minn ‘Kite Group’.

 

Restawr li jinsab għaddej bħalissa, li permezz tiegħu il-Palazz ta’ Sant’ Anton ser jkollu tlett kmamar Statali ġodda.