The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-E.T. George Vella, President ta’ Malta, waqt il-konferenza “l-Post tax-xogħol… u l-addiction?” imtellgħa mill-Fondazzjoni OASI, 18 ta’ Mejju 2022

L-ewwel nett grazzi talli għoġobkom tistednuni ħalli niġi ngħid kelmtejn hawnhekk f’konferenza bħal din li mill-ftit li smajt fl-ewwel panel u mit-tieni panel, kienet interessanti immens u ngħid, anki, konferenza bżonjuża.

Jiena bi pjaċir nosserva l-ħidma tal-Fondazzjoni OASI li qed tmur lil hinn mill-irwol oriġinali tagħkom ta’ sempliċiment ċentru għar-riabilitazzjoni. Illum il-ġurnata qed tixprunaw djalogu fuq fenomenu li huwa soċjali u li sa ftit ilu kien meqjus taboo li wieħed jitkellem fuqu. Kien xi ħaġa li kien diffiċli li titkellem fuqu, però llum qegħdin naraw professjonisti minn kull qasam tas-soċjetà jitkellmu fuqu u anki maqgħudin flimkien biex kemm jista’ jkun ikunu ta’ ġid għas-soċjetà.

Jiena qabel nagħmel ir-rimarki li rrid nagħmel nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lilek, Sur Xerri, u l-ħaddiema kollha fi ħdan il-fondazzjoni OASI għax-xogħol tagħkom favur il-ħajja u t-tisħiħ tal-individwu – u qed nitkellmu fuq individwi u mhux fuq numri – inkluż dawk li qed jaffaċċjaw problemi ta’ dipendenza, ħafna drabi, mid-droga. Jiena milli smajt, l-esperti li hemm illum, huma xhieda diretta ta’ kemm il-fenomenu tad-dipendenza huwa kumpless, u tisma’ verżjonijiet, tisma’ opinjonijiet, u tara li m’hemmx triq dritta għaliex kulħadd għandu r-raġunijiet tiegħu kif jirraġuna. U dan huwa marbut ma’ bosta elementi, fosthom dik li nimxu kif qegħdin nippruvaw nimxu lejn soċjetà inklussiva u mhux soċjetà li tbarri lin-nies u tkeċċi lin-nies minn ġo fiha. Barra hekk ukoll, soċjetà li biex tgħix fiha jrid ikollok impjieg dinjituż. U rrid nagħmel anki kumment fuq il-fatt li se nitkellmu anki llum fuq aspett wieħed biss, li huwa d-dipendenza u x-xogħol.

Għalhekk, ninnota li l-konferenza iffukat fuq l-irwol tax-xogħol bħala għodda importanti biex persuni li kellhom problemi ta’ dipendenza minn xi sustanza jew minħabba xi imġiba oħra – u rridu nsemmu, bħalma ssemmew ukoll, mhux biss it-teħid ta’ sustanzi, imma pereżempju l-logħob tal-azzard – biex dawn jiksbu pożizzjoni soċjali u jkollhom anki l-libertà ekonomika tagħhom, li ma jibqgħux jiddependu fuq ħaddieħor. Nemmen bis-sħiħ li l-ebda persuna ma għandha tiċċaħħad milli jkollha aċċess għal taħriġ professjonali u opportunitajiet ta’ xogħol dinjituż. Dik hija l-ewwel ħaġa, speċjalment illum li qegħdin niftaħru li għandna pajjiż li għandu full employment. Però nisħaq ukoll li l-irwol ta’ min iħaddem, flimkien ma’ professjonisti oħra, kif smajna anki fl-aħħar panel, huwa kruċjali fil-mixja ħalli kemm jista’ jkun is-soċjetà tkun ġusta lejn anki min qiegħed fis-sitwazzjoni ta’ dipendenza. Fuq kollox, mal-empatija ġenerali jrid ikun hemm anki r-rispett reċiproku, u dawn huma għodod importanti biex tiġi miġġielda l-istigma li nirreferu għaliha bħala dipendenza.

Jiena m’iniex se nirrepeti minn dak li ntqal diġà, għaliex ovvjament inkun qiegħed nirrepeti, però, nerġa’ ngħid, wieħed irid jifhem li dan il-forum kien qed jikkonċentra proprju fuq l-aspett tax-xogħol: il-ħaddiem u x-xogħol. Wieħed jipprovdilu x-xogħol, kif jittrattah fil-post tax-xogħol, x’jiġri jekk kemm-il darba dan ma jkunx qed jimxi kif suppost. U mhux se naħseb li se tistennew xi ħaġa ġdida mingħandi, minkejja li qal Peppi: “nannu” u ma nafx x’ma semmiex affarijiet għall-President; jiena ngħix ħajja bħalma tgħixu intom. Kelli l-esperjenzi tiegħi bħala tabib meta dan il-fenomenu kienu għadu ħafna iktar kontrollat u ħafna ’l bogħod milli huwa llum, però m’hemmx dubju li r-rata li biha żviluppa u r-rata li biha rajna d-dipendenza tikber, hija xi ħaġa fenomenali. Ovvjament dan huwa pari passu mal-iżvilupp tas-soċjetà illi llum il-ġurnata hija iktar miftuħa, iktar tolleranti u iktar imħallta milli kienet qabel.

Però rrid ngħid waħda: l-ewwel nett prosit lil kull min smajt jitkellem għax il-livell kien verament għoli u kollha nies ta’ ċertu professjonijiet separati li jridu lkoll jiġu flimkien ħalli jagħtu l-aħjar tagħhom ħalli lil min qiegħed ibati bid-dipendenza nagħtuh l-aħjar.

Però l-iktar ħaġa importanti – diġà semmejtha u nerġa’ ngħidha – jiena nemmen li ma rridu fl-ebda ħin inneħħu minn ġo rasna li aħna qed nitkellmu fuq bnedmin. Qegħdin nitkellmu fuq nies li ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom, għal raġuni jew oħra, ġabuhom f’dawn is-sitwazzjonijiet li jkunu jiddependu minn ċerti vizzji, minn ċerti sustanzi, minn ċerti attitudnijiet, li, kif smajna jitkellmu lill-panelists, jista’ jkollhom imbagħad impatt fuq il-performance tagħhom fuq ix-xogħol, jew inkella addirittura fuq jekk dawn ikunux kapaċi jieħdu impjieg u jżommuh.

Il-kwistjoni kollha qiegħda li anki min hu vittma tad-dipendenza għandu postu fis-soċjetà. U din inħarsu lejha minn dan l-aspett ta’ – ma ngħidx ħniena, għax ħniena hija li ħaġa li qed nagħtuha għax irridu nagħtuha – obbligu li dan l-individwu, ikun min ikun, għandu postu fis-soċjetà u kulma rridu nagħmlu huwa li kemm jista’ jkun, anki min iddevja minn dawn is-sitwazzjonijiet, nerġgħu nġibuh lura bi mħabba u rispett. Ma nġibuhx lura sempliċiment, bħalma semma Peppi, għax il-pulizija ġibduh qabel ġibdu l-ieħor. Din hija kwistjoni li wieħed irid mhux jieqaf fuq id-djalettika jekk hijiex marda jew jekk hijiex kriminalità; hija kombinazzjoni tat-tnejn. Marda żgur, għaliex hemm individwu – il-psikjatra hawnhekk jista’ jgħidilna – l-individwu li ċ-ċirkostanzi jwassluh biex ma jkunx jista’ jittollera li jżomm lura jew inkella li ma jħallix li jinġarr minn dik ix-xewqa li jkollu li jkompli jilgħab il-karti, li jkompli jilgħab fuq il-mobiles, li jkompli jixrob. Dawn huma affarijiet li aħna li forsi m’aħniex minsusin minn dawn, forsi ma nifhmux. Però meta mbagħad wieħed ipoġġi bilqiegħda u jitkellem ma’ wħud minn dawn u jibda jisma’ x’wassalhom għal dawn l-affarijiet, ma ngħidx tibda tagħtih raġun, imma tibda tifhem u kważi kważi tibda tittollera li tgħid: “Dan, miskin, naħseb li kieku kont floku, kont nagħmel bħalu”. U hemmhekk tidħol l-empatija, hemmhekk jidħol is-sens li qed tifhem lil dak li jkun – kif ngħidu, tidħol fiż-żarbun tiegħu – u tipprova tifhmu iktar. U meta min qiegħed jirrikorri lejk, bħala professjonist, bħala social worker – kont x’kont – u li jara li qed tifhmu, li jara li qed tagħdru, int hemmhekk diġà għandek l-ewwel pass biex tirbaħ lil dan l-individwu ħalli jipprova jifhem il-pariri tiegħek u jipprova kemm jista’ jkun jeħodhom ukoll.

F’dan li smajna konna qed nitkellmu fuq kif qed nirreaġixxu jew kif nistgħu nirreaġixxu jew x’wieħed jipproponi li għandu jsir għal min ikun f’din is-sitwazzjoni u jkun qiegħed fuq ix-xogħol. Però jien naħseb li tkellimna wisq dwar dawk li huma impjegati. Jiġifieri, min qiegħed f’din is-sitwazzjoni, għandek l-impjegati u dawk li mhumiex impjegati: dawk li huma self-employed. U dawn, tgħiduli OK ma tistax tkopri kollox f’konferenza bħal din, però ma rridux ninsew, u għamel aċċenn Philip, forsi fl-aħħar, li l-problema tal-impjegat – qed nitkellmu fuqha għax jista’ jkun hemm anki collective agreements, jista’ jkun hemm anki ftehim bil-quddiem, jista’ jkun hemm anki ffirmar ta’ dikjarazzjonijiet rigward zero tollerance, eċċ, però s-self-employed li hija klassi li qed tikber bla dubju hawn Malta, u jiddispjaċini qed nirreferi anki għall-professjonisti: tobba, avukati, xufiera, nies li jħaddmu lilhom infushom, kif se nikkontrollaw dawn fejn qegħdin? F’liema livell ta’ dipendenza? Semma fuq il-coke, jiena forsi, nerġa’ ngħid, nannu, m’iniex daqshekk għall-kurrenti ta’ x’għaddej fis-soċjetà llum, ma tantx immur parties, ma tantx immur magħmudijiet, ma tantx immur tiġien, imma din ilna nisimgħuha. Li tmur tieġ jew party, issa anki semmejna funerali, biex tmur tieħu linja. U l-argument kollu huwa dan: int it-tabib li qed jarak fil-klinika jew l-isptar, kif se jkejjel dan jekk hux qed taffettwalu l-mod kif jiddeċiedi l-ammont li qed jieħu? U kif naf dan meta se jiskorri l-ammont? Għaliex tgħallmuni intom, li kull individwu għandu mbagħad it-tollerance levels tiegħu bħal tal-alkoħol: hemm min jixrob flixkun wiski u ma jiġrilu xejn u jibqa’ jirraġuna, u hemm min jieħu żewġ grokkijiet u jibda jitbellah.

Dan tgħiduli ma kienx is-suġġett tal-konferenza u nifhem u nistieden lill-OASI anki biex meta jkun hemm forum ieħor wieħed jitkellem kemm jista’ jkun, fuq din il-kwistjoni. Illum il-ġurnata għandna professjonijiet li biex tieħu l-warrant trid tiġi ddikjarat “fit and proper”. Kif se tkun taf kemm hu fit and proper meta taf li dan abitwalment jisniffja u jieħu l-kokaina. Dawn huma affarijiet li huma importanti. Għax aħna veru nsemmu x-xufier tal-minivan tat-tfal, u veru. Għax inti filgħodu ħriġt lit-tifel, għabbejtu f’dan il-vann u inti dak ma tafx miskin… U nerġa’ ngħid, mhux tkejjel kemm ħa lbieraħ, għax ħaddieħor li ħa daqsu lbieraħ jaf huwa perfett, imma hemm min malli jieħu inqas mill-ieħor, it-tollerance levels tiegħu huma inqas minn ta’ dan. U allura kif se nkejlu aħna kif qegħdin f’idejn min qed imexxi, wara kollox, fil-pajjiż kollu, mhux nies impjegati biss. U għalhekk qed nagħmel din id-differenza biss li s-self-employed ma nistgħux ninsewhom.

Barra hekk ukoll, hemm imbagħad kif se niddefendu s-soċjetà kontra dak li jista’ jiġri minn dawk li diffiċli biex tikkontrolla x’qegħdin jieħdu u kif jistgħu jirreaġixxu. Ma tistax kull wieħed tagħmillu gradwatorja biex tgħid: “Isma’ dan jiflaħ 4/6 grokkijiet, dan jiflaħ daqshekk”, kull wieħed u skont iċ-ċirkostanzi – hawn tobba hawnhekk jistgħu jaqblu miegħi – ta’ kemm int għajjien jew kemm int stressjat, jekk hux se tibda b’riħ jew ħaġa oħra – l-affarijiet jagħtu riżultati differenti.

Però bla ma rrid intawwal ħafna, irrid nagħmel ukoll enfasi kbira li qegħdin nitkellmu fuq fenomenu li qegħdin naffaċċjawh fl-istadju tiegħu tal-lum. Però naħseb li lkoll taqblu miegħi li l-ikbar sforz li jrid isir huwa fil-livell tal-edukazzjoni. Irridu ninżlu, kważi kważi, anki ngħid fil-kindergarten, biex nibdew minn hemm – tgħidluli: “Mhux se jkollok effett dirett imbagħad fuq x’għaddej illum” – però inkunu qed ninvestu għal ħamsa, għaxra, ħmistax-il sena oħra, li sfortunatament id-dinja tidher li sejra f’dik id-direzzjoni. Però b’edukazzjoni maħsuba, bi programm maħsub, li wieħed jipprova jdaħħal f’moħħ iż-żgħażagħ u t-tfal tagħna l-problemi li jinqalgħu aktar ’il quddiem – dawn rajniehom meta kellna kampanji kontra t-tipjip li marru tajjeb u kampanji oħra – it-tfal kapaċi jassorbu dawn il-messaġġi u jibdew jużawhom. Il-problema qiegħda meta mbagħad dawn jaslu fl-età ta’ teenagers, il-peer pressure. Min irid ibellagħlhom droga u kollox, għax imbagħad sfortunatament hemm l-aspett negattiv, u qed ngħidu hawnhekk with all due respect għal Philip u l-klassi li jiġi minnha fejn isir id-divertiment, fejn ħafna drabi jekk jaraw li t-talba hija li jkollok l-aċċess għall-alkoħol, tara kif se tagħtihom l-alkoħol, jekk hemm it-talba għall-aċċess għall-kokaina, tara kif se tagħtihom il-kokaina. Mhux kollha, għax ma rridx niġġeneralizza, imma m’hemmx dubju li meta niġu mbagħad għall-isfruttament, hija xi ħaġa totalment differenti.

Ħa nagħlaq għaliex ma rridx inkompli ntawwal fit-tul. Jien naħseb li l-messaġġ huwa ċar: li hemm tħassib, hemm il-problema u hemm anki r-rieda li wieħed jingħaqad flimkien ħalli kemm jista’ jkun naraw kif nagħmlu biex nagħtu servizz aħjar lil dawn ħutna li, sfortunatament, irridu nammettu li ħafna minnhom jaħsbu li huma kuntenti però fil-fatt nafu li dawn wara kollox jaqgħu f’depressjonijiet u jibdew jirrealizzaw li wara kollox mhumiex kif suppost – li hija s-sensazzjoni li mbagħad ġġegħelhom jerġgħu jmorru għal dik is-sustanza biex mingħalihom ineħħu dik id-diqa u dik il-frustrazzjoni li jkollhom.

L-aħħar ħaġa li rrid ngħid huwa dan: knowing all this, u qed nara ħafna professjonisti u ħafna nies minnkom li ħadmu f’dan il-qasam, naf taqsmu miegħi li aħna żgur m’għandna qatt nikkundannaw lil dawn iż-żgħażagħ, lil dawn l-irġiel, lil dawn in-nisa li ġew vittma tad-dipendenza. Irridu nuruhom li qed nifhmuhom, nuruhom li aħna nixtiequ ngħinuhom bla ma nkunu qed nagħmlu sforz esaġerat fuqhom, għax anki dak l-isforz mbagħad jista’ anki jġegħelhom iktar jirreaġixxu billi jmorru iktar għad-dipendenza, u l-iktar ħaġa importanti hu li nuruhom mogħdrija. Ikunx hemm zero tollerance jew le, wieħed irid jara li kull każ huwa każ għalih, kull każ huwa importanti. Jiena dan l-aħħar kelli esperjenza, kont il-Caritas, rajna kemm Dar Sant’Anna u anki Tal-Ibwar, ninżgħalhom il-kappell u anki lilkom l-OASI u lil kull min jagħmel dan ix-xogħol, għaliex qed tagħtu attenzjoni individwali lil kull individwu.

U l-aħħar reazzjoni tiegħi hija din: m’hemmx kif wieħed isolvi l-problemi jew jagħti soluzzjonijiet b’pinzell wiesa’. Kull każ huwa każ għalih u aktar ma kull każ ikollu attenzjoni minn min ikun konvint li jħobbu u jixtieqlu l-ġid, iktar nistgħu ngħinuhom jiġu lura għan-normalità.

Nirringrazzjakom.

Skip to content