The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, fl-Okkazjoni tal Ftuh tal Erbatax -il Parlament, 7 ta’ Mejju 2022

Jidher b’mod ċar li l-poplu Malti u Għawdxi għadu u jrid jibqa’ ottimist. Jemmen fil-futur sabiħ ta’ dan il-pajjiż u mhu se jħalli xejn li jaqtagħlu qalbu. 

Qed niftħu leġiżlatura parlamentari ġdida wara ħames snin li raw lil dan il-pajjiż jikseb aktar suċċessi f’bosta oqsma.

Dawk ekonomiċi, soċjali u tad-drittijiet ċivili fost oħrajn.

Iżda ma rridux ninsew lanqas li dan il-pajjiż kellu wkoll jgħaddi minn mumenti ta’ sfida.

Il-pandemija kienet fuq quddiem nett ta’ dawn l-isfidi, iżda mhux biss.

Storikament pajjiżna dejjem kellu l-ħila li jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet u dan irid ikun il-mod li bih nibqgħu naħdmu għas-snin li ġejjin.

Dan il-Parlament qed jerġa’ jibda jiltaqa’ f’mument fejn ninsabu mexjin lejn normalità sħiħa, fejn il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin qed tmur lura għal kif nafuha.

Fl-aħħar jiem tneħħew kważi għal kollox ir-restrizzjonijiet li kellna marbuta mal-pandemija u dan ta nifs kbir lil ħafna. Min-negozji, sal-familji, iż-żgħażagħ u fuq kollox it-tfal li ma jistgħux u m’għandhomx jitilfu iktar minn dan iż-żmien tat-tfulija tagħhom.

Dan ma jfissirx li ma nibqgħux nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna u ta’ dawk l-iktar vulnerabbli fostna. Iżda, filwaqt li l-awtoritajiet se jibqgħu jipprovdu dak kollu li huwa meħtieġ, irridu nkunu responsabbli tagħna nfusna u naraw liema deċiżjonijiet għandna nieħdu bħala individwi.

Fl-istess ħin li dħalna għal din il-fażi ġdida, mhuma jonqsu xejn il-pressjonijiet li qed iġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna.

Qabel xejn irridu nirriaffermaw li dan huwa attakk li bħala bnedmin ma nistgħux ma nikkundannawx. Din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, f’din l-ewwel laqgħa tagħha wara l-elezzjoni ġenerali trid tibgħat sinjal qawwi li dak li qed isir mhuwiex aċċettabbli, huwa kundanabbli u għandu jitwaqqaf mill-iktar fis. Għax l-uniku triq aċċettabbli hija dik tad-djalogu.

Pajjiżna huwa wieħed newtrali. Iżda, in-newtralità ma tfissirx li għandek tagħlaq għajnejk quddiem l-inġustizzji u għemil li hu wieħed ta’ min jistmerru.

Huwa għalhekk li Malta implimentat numru ta’ sanzjonijiet maqbula fil-fora tal-Unjoni Ewropea u se tkompli tieħu sehem attiv fil-fora fejn jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Tajna u se nibqgħu nagħtu għajnuna umanitarja biex ngħinu lill-komunità Ukrena, ċittadini li spiċċaw jaraw l-agħar quddiem għajnejhom u jbatu l-agħar konsegwenzi tal-gwerra.  Gwerra ma ġġib xejn li huwa tajjeb jew ta’ ġid għan-nies. Smajna u għadna nisimgħu rakkonti ta’ ħruxija liema bħalha minn Ukreni li lqajna fostna hekk kif faqqgħet din il-gwerra. Episodji li jwasslu għall-qirda, mewt, kefrija u t-telf ta’ darhom u dak kollu li jkunu bnew f’ħajjithom.

Aħna li tant qegħdin ’il bogħod, ukoll inħossu l-effetti ta’ din il-gwerra. Immaġinaw xi jħossu dawk li qegħdin f’nofsha.

Il-pressjonijiet lokali huma primarjament marbuta ma’ effetti ekonomiċi. 

Iżda tajjeb naraw minn fejn qed nitilqu.

Għandna ekonomija li qed tirkupra b’mod b’saħħtu mill-effetti tal-pandemija. Is-sena li għaddiet pajjiżna ħoloq ġid iktar minn kemm konna noħolqu qabel il-pandemija.

Dan meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea l-ġid nazzjonali għadu taħt dak li kien fl-2019. Pajjiżi Mediterranji oħra, ġirien tagħna, fadlilhom tal-anqas sena oħra biex jilħqu l-istat li diġà wasalna fih aħna s-sena li għaddiet.

Għalhekk il-pandemija kkonfermat li għandna ekonomija mill-aktar reżiljenti u li għandha l-potenzjal li tkompli ġġib riżultati pożittivi li jinħassu miċ-ċittadini f’kull kategorija tad-dħul.

Iżda s-suċċess ma jiġix mix-xejn. Dak li għaddej madwar id-dinja jagħmilha iktar importanti li fl-ebda ħin ma nitilqu għajnejna minn fuq l-immaniġġjar effettiv tal-ekonomija tagħna.

l-gwerra qed iġġib sfida fuq il-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali bħall-enerġija, l-ikel u l-ġarr tal-merkanzija.

Il-Gvern mhux biss konxju ta’ dawn l-isfidi iżda jinsab għaddej kontinwament b’diskussjonijiet u b’azzjonijiet kontinwi bil-għan li jilqa’ għall-impatt fuq il-poplu Malti u Għawdxi. 

Kif għamel tul il-pandemija, il-Gvern se jassigura li jkun ta’ spalla għan-nies u għan-negozji. Huwa fl-iktar mumenti diffiċli li l-iktar irridu nkunu man-nies.

Żgur li m’għandniex naqtgħu qalbna.

M’hemmx dubju li fis-snin li għaddew pajjiżna ra bidliet mhux żgħar, b’rata ta’ tkabbir ekonomiku li wasslet sabiex pajjiżna seta’ jinvesti fi proġetti ta’ fejda u titjib fil-livell ta’ għajxien tan-nies.

Tkabbir ekonomiku li wassal għal tnaqqis wara ieħor fin-numru ta’ nies mingħajr impjieg – għall-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. Is-suċċess ta’ din il-formola ekonomika tibqa’ tiddependi dejjem minn kemm it-tmexxija tal-pajjiż se tassigura li dan il-ġid jinħass u jasal għand dawk l-aktar li għandhom bżonn fis-soċjetà.

Huwa għalhekk li prijorità ewlenija se tibqa’ li t-taxxa fuq id-dħul se tkompli tonqos, fejn se ntejbu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni, filwaqt li nnaqqsu l-ammont ta’ dħul li titħallas taxxa fuqu. Dawn iridu jkunu bidliet li jagħmlu l-aktar differenza għal dawk li jaqilgħu l-inqas.

Irridu nagħrfu l-irwol tal-intrapriża bħala mutur tal-ħolqien talġid. L-isfida li għandna quddiemna hija s-sostenibbiltà, fejn innegozji jkollhom sehem attiv fi proġetti li jtejbu l-livell ta’ għajxien ġenerali tal-Maltin u l-Għawdxin.

It-tnaqqis tat-taxxa lin-negozju għandu jwassal għal qalba lejn operat aktar sostenibbli, għall-ħolqien ta’ xogħol aktar produttiv u għal investiment akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni. Hekk ukoll l-iskemi ppjanati għan-negozji sabiex jagħmlu l-aqwa użu mill-profitti li jiġġeneraw. 

Fl-inizjattivi diversi li se jittieħdu biex niġġeneraw iktar attività ekonomika, se naraw li l-inċentivi li jingħataw lin-negozji Għawdxin ikunu 10% ogħla.

Dan filwaqt li rridu niffaċilitaw l-aċċess għal servizzi bankarji kif ukoll għall-finanzjament. Fl-istess ħin se nibqgħu nsaħħu l-istandards bħala pajjiż biex wara r-rapport pożittiv tal-Moneyval, nibqgħu naħdmu biex nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet maqbula mal-Financial Action Task Force, li diġà ħadet nota tal-iżvilupp pożittiv li għamel pajjiżna.

Irridu nkomplu nsaħħu l-kredibbiltà ta’ pajjiżna anke biex intejbu l-irwol importanti li għandna fil-fora internazzjonali, fejn irridu nipparteċipaw b’mod proattiv anke billi nisfruttaw il-potenzjal strateġiku li għandna bħala gżira f’nofs il-Mediterran. Hawn irridu nibqgħu nservu bħala sors ta’ djalogu u promotur ta’ paċi, b’mod partikolari fir-reġjun fejn nibqgħu naqdu l-irwol ta’ interlokutur bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. 

Irridu nisfruttaw ukoll id-diplomazija ekonomika u d-diplomazija kulturali li wkoll iridu jkunu sors ta’ ġid għall-poplu tagħna.

Fuq kollox, bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea, se nibqgħu nkunu proattivi fit-tfassil tal-politika u leġiżlazzjoni Ewropea fid-diversi oqsma ta’ kompetenza tal-istess Unjoni. Dan biex ninfluwenzaw b’mod pożittiv dan il-proċess bil-għan li d-deċiżjonijiet meħuda jikkunsidraw ir-realtajiet ta’ pajjiżi bħal tagħna.

It-titjib kbir li sar fl-oqsma tal-governanza fl-aħħar sentejn, anke grazzi għar-riformi li kienu approvati biż-żewġ terzi ta’ din il-kamra, issa jrid isir parti mill-kultura tagħna. Fejn, filwaqt li nifhmu li ebda pajjiż, settur jew individwu mhu perfett, naħdmu kemm nifilħu biex Malta tkun fuq quddiem nett tad-demokraziji moderni, b’sistemi b’saħħithom ta’ saltna tad-dritt.

Saltna tad-dritt li issa trid tara r-riformi meħtieġa biex ikollna proċessi ta’ ġustizzja iktar moderni u fl-iqsar żmien possibbli. Għax l-amministrazzjoni ta’ ġustizzja effettiva għandha tkun prinċipju mill-iktar bażiku fid-dinja tal-lum. Żidna u se nibqgħu nżidu r-riformi, iżda bħal f’setturi oħra rridu li s-sistema tal-ġustizzja u min iħaddimha jkunu orjentati wkoll b’mod li jifhmu aktar ir-realtajiet ta’ dawk li jkollhom quddiemhom. Il-ġustizzja hi għamja, imma trid tkun sensibbli u sensittiva għar-realtajiet soċjali li qed jiżviluppaw.

Il-governanza hija wkoll element kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna u biex inkunu iktar attraenti għall-investiment li għadu u se jibqa’ ġej f’oqsma tradizzjonali u oħrajn ġodda.

Element importanti fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna se jkun l-użu tal-fondi Ewropej.  Il-pakkett sostanzjali li rnexxielna ninnegozjaw irridu nużawh bl-aħjar mod possibbli ħalli nwettqu bidliet essenzjali.  Dan jinkludi kemm il-qalba diġitali kif ukoll id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Għawdex, fejn se niggarantixxu li nallokaw minn tal-anqas 10% tal-fondi Ewropej kollha, se jkun il-post fejn intellqu fost l-aktar proġetti ambjentali ambizzjużi. Tant li nimmiraw li din il-ġżira tkun l-ewwel parti tal-pajjiż li ssir climate neutral. Fl-istess ħin kommessi li t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex jibqa’ jkun aqwa minn dak ta’ Malta.

Filwaqt li dawn it-trasformazzjonijiet ambjentali u diġitali huma sfidi sostanzjali, għandhom il-potenzjal li jkunu l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi li qatt kellna f’din il-ġenerazzjoni.

Il-pandemija diġà wrietna l-importanza tal-ekonomija diġitali, li kompliet għaddejja qisu mhu xejn waqt li setturi oħra staġnaw u ma setgħux joperaw. Huwa kruċjali li ninvestu bil-kbir biex pajjiżna jsir leader f’dawn is-setturi ġodda. Dan se jirrikjedi qabża ’l quddiem fil-ħiliet u innovazzjoni fis-sistema edukattiva tagħna.

Id-diġitalizzazzjoni trid tkun b’saħħitha bil-kbir fis-settur pubbliku li jrid jara li din tkun għodda biex nagħtu servizz aħjar liċ-ċittadin. Biex tonqos il-burokrazija li għadha xxekkel wisq il-ħidma li jrid jagħmel l-investitur f’dinja kompetittiva fejn il-ħin u l-effiċjenza huma mill-iktar prezzjużi.

Dan l-impenn tal-Gvern se joħroġ ċar mill-aspett strateġiku, bl-istrateġija diġitali nazzjonali li se tiġi mnedija fiż-żmien li ġej. L-impenn tal-Gvern joħroġ ċar ukoll permezz tal-investimenti li saru u qed isiru, kemm b’fondi nazzjonali  kif ukoll b’fondi Ewropej.

Fil-fatt, mill-fondi tal-Unjoni Ewropea tar-Recovery and Resilience Facility, parti kbira minnhom kienu propju ddedikati lill-aspett diġitali. 

Sintendi, dan kollu jġib fuqna iktar responsabbiltajiet. Responsabbiltajiet li ninvestu iktar fir-riżorsi umani, li nsaħħu l-istrutturi diġitali u li nipproteġu s-sigurtà tal-informazzjoni diġitali tagħna.

Dan ma jfissirx li f’ħidmietna se ninjoraw oqsma tradizzjonali.

Fit-turiżmu rridu nimplimentaw l-istrateġija li teħodna sas-sena 2030 u li tarana nkomplu nagħmlu suċċess minn dan il-pilastru ekonomiku li kien fost l-iktar li batew fl-aħħar sentejn.

Irridu niskopru mill-ġdid is-suċċess li kellna fl-aħħar snin, iżda naħsbu dwar metodi ġodda, ħalli nirriġeneraw is-settur mill-ġdid. Kif tgħid l-istrateġija nnifisha: Recover. Rethink. Revitalise.

Il-ħidma tal-pajjiż f’dan is-settur se tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-kwalità, is-sostenibbiltà, l-esperjenza turistika, l-effiċjenza fil-konnettività, l-immaniġġjar fl-iżvilupp tal-akkomodazzjoni, l-isfidi marbutin mar-riżorsa umana, il-branding, id-diġitalizzazzjoni u, b’mod sinifikanti, l-inklużjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta. Dan sostnut ukoll b’titjib filkonnettività bejn iż-żewġ gżejjer.

Fl-iqsar żmien irridu nattiraw il-volumi meħtieġa biex l-attività turistika terġa’ tinġieb għal-livelli aċċettabbli f’termini ta’ operat u profittabbiltà.

Madanakollu, waqt l-irkupru se naraw li jinbeda proċess ta’ ħsieb bl-għan li l-kwalità tal-prodott turistiku tagħna tissaħħaħ, u s-settur jimraħ lejn orizzonti ġodda għall-għaxar snin li ġejjin u wara.

It-tema tal-kwalità tal-ħajja saret tema dominanti fid-diskorsi li jsiru fl-isfera politika u anke lil hinn minna.

Filwaqt li dejjem huwa importanti li jitħares l-għajxien materjali taċ-ċittadini, speċjalment dawk fil-faxex tad-dħul baxx, huwa għaqli li d-diskussjoni pubblika qed tiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u dawk kollha li jgħixu fil-gżejjer tagħna. Din se tkun riflessa wkoll fil-ħidma tal-Gvern.

Il-kwalità tal-ħajja hija s-saħħa tagħna, kemm fiżika u anke dik mentali, l-ambjent li ngħixu fih, il-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħna, il-ħin ta’ kwalità li jibqgħalna mal-familja, id-djar tagħna, il-komunitajiet fejn ngħixu, is-sigurtà u, fuq kollox, kemm qed ngħixu ħajja trankwilla u fil-paċi.

Fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer, in-nies li għexu f’din il-gżira dejjem għarfu li jgħixu flimkien u jtejbu l-futur tagħhom. Għax għarfu li dan il-pajjiż huwa żgħir wisq biex nagħtu l-ġenb il-kompromess u l-bilanċ biex ngħixu flimkien u nkunu komunità li tħares l-interessi ta’ kull wieħed u waħda minnha.

Wasal iż-żmien għalhekk, li minbarra li nitkellmu fuq statistika u numri, ikollna wkoll indikaturi dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies u li dan il-kejl ikun konsiderazzjoni ewlenija oħra f’kull proġett jew inizjattiva tal-amministrazzjoni pubblika u l-Gvern.

Irridu nibdew minna nfusna, kull wieħed u waħda minna, u l-irwol li naqdu aħna lkoll fis-soċjetà tagħna – il-ħaddiema, dawk li ma jaħdmux biex jindokraw lill-familja, dawk li ma jistgħux jaħdmu għax iduru b’qarib tagħhom, dawk li jaħdmu għal rashom, dawk li huma fin-negozju, dawk li huma membri f’dan il-Parlament u l-Eżekuttiv – u magħhom kull min għandu kwalunkwe sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet li għandu dan il-pajjiż.

L-obbligu tagħna kollha huwa li nissalvagwardjaw b’kull mezz possibbli l-interessi tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna – mhux biss ta’ dawk li għadhom iridu jitwieldu, iżda ta’ dawk iċ-ċkejknin fostna li għadhom jibdew id-dinja u jixirqilhom l-aqwa kura u attenzjoni li trid toffri s-soċjetà tagħna.

L-ambjent         huwa    oġġettiv              prinċipali            fil-ħidma            ta’ din l-amministrazzjoni.

Wasal iż-żmien li l-enfasi li amministrazzjonijiet preċedenti taw lill-infrastruttura tal-pajjiż, issa tingħata bl-istess prijorità lill-proġetti ambjentali li jeħtieġ dan il-pajjiż.

Mhux biżżejjed li nħarsu l-ambjent naturali li għandu pajjiżna – dan huwa obbligu li għandhom dawk kollha f’entitajiet pubbliċi li bid-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jaffettwaw l-istat tal-ambjent naturali Malti.

Iżda hemm bżonn inkunu innovattivi meta niġu biex ikollna spazji pubbliċi u miftuħa ġodda f’żoni urbani – u nippjanaw aktar bi ħsieb sabiex nissalvagwardjaw il-karatteristiki uniċi tal-irħula u l-ibliet tagħna – parti importanti mill-identità tagħna u l-wiċċ tan-nazzjon tagħna. Din trid tkun l-iktar amministrazzjoni li tinvesti għal dan il-għan. Għalhekk se jkunu allokati 700 miljun ewro għal dawn il-proġetti.

Huwa aktar faċli titkellem fuq is-sostenibbiltà milli twettaqha bil-fatti. Dan il-prinċipju jrid iwassalna sabiex nagħrfu nwettqu l-miri li għandha din l-amministrazzjoni biex nilħqu l-mira ta’ newtralità klimatika sal-2050.

Hawn irridu nħarsu lejn it-trasport. Nibqgħu bl-ikbar inċentivi għall-flotot elettriċi u nimplimentaw proġetti li jsostnu t-trasport alternattiv. Fil-kwalità tal-arja, investejna bil-kbir biex neħħejna l-effetti ħżiena tal-produzzjoni tal-enerġija. Issa rridu nibqgħu nsostnu l-enfasi biex innaqqsu l-effetti negattivi tat-trasport.

Din mhijiex sempliċiment mira jew statistika, iżda mezz kif nissalvagwardjaw is-saħħa tagħna, il-kwalità tal-arja tagħna u l-ambjent ta’ madwarna.

Inkunu wkoll qed ningħaqdu mal-bqija tal-Mediterran u l-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Fis-snin li ġejjin irridu nibdlu fundamentalment il-mod kif noperaw bħala soċjetà. Dak li sa issa nsejħulu skart irridu nibdew narawh bħala riżorsa. Bħala sors alternattiv ta’ enerġija, fost oħrajn.

Irridu nneħħu darba għal dejjem l-idea li l-investiment ambjentali m’għandux ritorn ekonomiku. Ir-realtà hija li jekk l-ambjent tagħna mhux se nieħdu ħsiebu, l-ekonomija tagħna ma tistax tkompli trendi.

Il-Gvern se jkun hemm biex isostni dawn il-bidliet. Imma se jkollna bżonn bidla fil-kultura tagħna wkoll. Irridu nifhmu li jekk verament għandna għal qalbna lil uliedna, issa wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni deċiżiva favur l-ambjent. Mhux biss nistennew lil ħaddieħor jieħu d-deċiżjonijiet għalina, iżda din il-prijorità ġdida nirriflettuha fid-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum bħala ċittadini, minn dawk żgħar sa dawk kbar. Il-Gvern se jibqa’ jkun hemm biex jinċentiva l-għażliet favur l-ambjent.

Għal snin twal ħarisna lejn l-art agrikola bħala parti oħra tal-proġett ambjentali tagħna. Hekk hu. Iżda qatt daqs illum ma fhimna l-ħtieġa li mhux biss insalvaw l-art innifisha iżda wkoll ix-xogħol li jsir fuqha minn idejn il-bidwi Malti, li hu sors ta’ sigurtà tal-provvistà tal-ikel. Għalhekk irridu bħala regola nippromwovu iktar il-konsum tal-prodott lokali filwaqt li nipprovdu l-infrastruttura moderna u l-opportunitajiet lil min jipproduċih. Kemm lill-bidwi, iżda wkoll lis-sajjied hekk kif l-ibħra tagħna huma wkoll sors ta’ ikel.

L-ibħra ta’ madwarna huma wkoll sors ta’ ġid qawwi. L-investiment fis-settur marittimu jrid jarana nisfruttaw il-potenzjal li għandna f’dan is-settur, filwaqt li nimminimizzaw l-impatti bħalma se nagħmlu bil-proġetti tax-‘shore to ship’ li matul din il-leġiżlatura se nibdew ingawdu l-ewwel riżultati tagħhom.

Din l-amministrazzjoni ġdida għandha miri ambizzjużi għat-tfal tagħna – ħidma li għandha tagħti garanzija li kull tifel u tifla jkollhom aċċess għall-edukazzjoni kif żviluppat fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum. Fejn it-teknoloġija saret l-għodda prinċipali sabiex uliedna jitgħallmu suġġetti bażiċi bħal-lingwi, il-matematika u x-xjenza.

Garanzija biex nilħqu lit-tfal kollha kmieni kemm jista’ jkun. Dak li t-tfal ma jiksbux fl-ewwel snin tal-edukazzjoni – l-edukazzjoni primarja – se jkun aktar diffiċli għalihom biex jikkumpensaw għalih fis-snin ta’ wara u fl-iskola sekondarja.

Għalhekk irridu nistinkaw biex naraw li kull tifel u tifla jirnexxu fl-ewwel snin tal-edukazzjoni – l-edukazzjoni primarja – u naraw li din verament tkun pedament sod biex it-tfal kollha jgħaddu minna, bl-għodod li għandhom bżonn, sabiex fis-sekondarja jkunu jistgħu jibdew jagħmlu dawk l-għażliet importanti għall-kumplament tal-perkors edukattiv tagħhom.

Garanzija biex it-tfal kollha, hu x’inhu d-dħul tal-familja tagħhom, ikollhom aċċess għall-attivitajiet ekstrakurrikulari– bħall-arti, l-isport u l-kultura – li tant jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal, iżommuhom f’saħħithom, ibegħduhom mill-vizzji u jsaħħu fihom il-valuri li jsawru lil din is-soċjetà.

Il-kotba u l-qari huma ingredjent essenzjali ieħor li jagħti lil pajjiżna ċittadini edukati, infurmati u ħielsa fil-ħsieb.

Jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien u jiżdiedu kemm jiżdiedu l-mezzi teknoloġiċi, il-ktieb jibqa’ sors ta’ għerf validu, relevanti u utli għaċ-ċittadini tagħna – biex ikollna soċjetà li tifhem, tapprezza u tagħraf li aħna ċittadini ta’ dinja ferm akbar mill-orizzonti ta’ pajjiżna. Biex nifhmu ċ-ċirkustanzi li sawruna, nagħrfu l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu barra minn xtutna u naħdmu aħna wkoll, minkejja ċ-ċokon tagħna, fuq l-isfidi li qed jolqtu lil dan il-pajjiż. Għalhekk se ninvestu biex uliedna jkollhom aċċess usa’ għal dan sa minn ċkunithom.

Il-kwalità tal-ħajja ta’ wliedna tiddependi mis-saħħa tal-familji tagħna. Hemm bżonn nagħmlu dak kollu li huwa fil-kontroll tagħna sabiex naċċertaw rwieħna li uliedna qed igawdu lill-ġenituri tagħhom kemm hemm bżonn, u li l-ebda paraventu legali ma jintuża biex xi wlied jiġu mċaħħda minn xi ġenitur jew ieħor.

Hekk ukoll naraw li l-ġenituri, ħafna minnhom jaħdmu, ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol li jippermettulhom jingħaqdu ma’ wliedhom f’mumenti sinifikanti jew sitwazzjonijiet delikati f’ħajjithom.

Nemmnu bis-sħiħ fis-sehem attiv taż-żewġ ġenituri fit-trobbija ta’ wliedhom. Irridu naraw li  nżidu l-leave tal-paternità minn jumejn għal għaxart ijiem.

B’hekk, fl-aktar mumenti ta’ ferħ, jew fraġli, il-missirijiet jew it-tieni ġenitur ekwivalenti, se jkollhom aktar ħin biex igawdu l-wild ġdid tagħhom u jkunu ta’ sostenn akbar għall-omm u dik it-tarbija f’dak il-perjodu fraġli. 

Dan il-leave jgħodd ukoll f’każ ta’ addozzjoni, u rrispettivament mill-istat ċivili ta’ dik il-familja.

Għal darb’oħra qed nagħtu l-kelma tagħna li se nkunu ta’ spalla għall-familji fl-aktar mument tal-bżonn.

Se nintroduċu wkoll il-carers leave biex f’każ ta’ mard, dak li jkun, ikun jista’ jieħu ħamest ijiem leave biex jieħu ħsieb lit-tfal jew xi qarib li jgħix taħt l-istess saqaf. 

Se nkomplu niddiskutu mal-imsieħba soċjali biex niggarantixxu l-aħjar               kundizzjonijiet               tax-xogħol,        inkluż   l-introduzzjoni tal-parental leave u d-dritt għar-right to disconnect.

Fuq kollox imma, irridu nħarsu lit-tfal u l-adolexxenti mill-perikli taż-żminijiet moderni, fosthom is-cyberbullying u nassiguraw li jkunu jafu kif għandhom jagħmlu użu għaqli tal-midja soċjali u l-mezzi teknoloġiċi varji li għandhom għad-disponibbiltà tagħhom.

Dan il-pajjiż huwa magħruf għall-għaqal, ir-reżiljenza u l-bżulija tal-ħaddiema tiegħu – l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna. Irridu nsostnu l-kultura tat-tfaddil li dejjem kellna f’pajjiżna bħala mezz ieħor kif insaħħu lill-familji tagħna. Hekk kif il-Gvern issa għandu l-pjan li jkompli jsaħħaħ ir-riserva ta’ fondi pubbliċi għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza b’metodi differenti, hekk ukoll irridu ninkoraġixxu lill-familji tagħna jfaddlu aktar. Familji li jqassmu d-dħul tagħhom b’għaqal, familji li jaħsbu għall-futur sabiex jassiguraw futur tajjeb kemm jista’ jkun għalihom – speċjalment meta jiġu biex jieqfu jaħdmu u jirtiraw – u għal uliedhom.

Lit-tfal tagħna rridu narawhom b’saħħithom – u għal din ir-raġuni huwa importanti l-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li nidentifikaw sfidi fiżiċi, intellettwali, soċjali u edukattivi kmieni kemm jista’ jkun. Dan ma jgħoddx biss għat-tfal iżda għal kull faxxa tas-soċjetà tagħna – lil kull wieħed u waħda minna li matul ħajtu jiffaċċja sfidi differenti ta’ saħħa mentali. Inkunu nistgħu ngħidu li s-soċjetà twieżen lil kull min ikollu bżonn, meta nkissru darba għal dejjem l-istigma marbuta mas-saħħa mentali. Meta l-isfidi ta’ saħħa mentali jkunu indirizzati daqs kwalunkwe problema ta’ saħħa oħra, li fuqha ma naħsbuhiex darbtejn sabiex infittxu l-għajnuna mit-tobba tagħna.

Is-snin li ġejjin se jkunu kruċjali sabiex pajjiżna jilħaq il-milja tas-servizzi speċjalizzati u b’xejn fil-qasam tas-saħħa mentali, proġetti li jmorru lil hinn minn dak li qatt kellna bħalu sa issa, u jilħaq lil dawk kollha li jkollhom bżonnu.

Daqskemm tajna attenzjoni u enerġija biex niġġieldu l-pandemija fl-aħħar sentejn, daqshekk ieħor irridu nagħtu biex niġġieldu din ir-realtà tas-soċjetà llum. 

Fl-aħħar snin ilħaqna investiment rekord fl-oqsma soċjali. Il-pajjiż investa ammont rekord, filwaqt li naqqas id-dipendenza soċjali.

Il-Gvern irid jibqa’ jsostni l-programm soċjali tiegħu u fejn meħtieġ jaġġornah.

Iċ-ċifri dwar id-deprivazzjoni materjali u soċjali juru li dawn baqgħu stabbli f’livelli baxxi minkejja l-pandemija u l-effetti tagħha.  Dan wara li tul is-snin kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ nies f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Iżda, il-Gvern jibqa’ impenjat li jwieżen lil kulħadd u lill-iktar sezzjonijiet vulnerabbli fostu.

Irridu nibqgħu nsaħħu l-pensjonijiet. Magħhom ukoll is-servizzi għall-anzjani tagħna. Fejn irridu nħaddmu politika li tinċentiva lill-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità. 

Akkomodazzjoni soċjali u affordabbli hija wkoll element qawwi tal-programm soċjali ta’ dan il-pajjiż. Għalhekk irridu nlestu l-akbar proġett ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali li jammonta għal 1,700 unit ġdid. Dan, filwaqt li nsostnu skemi li diġà jeżistu, nestenduhom u naħsbu f’inizjattivi ġodda.

Inqisu l-investiment li rridu nagħmlu fis-settur kulturali bħala wieħed kruċjali mhux biss għal dawk li jaħdmu fis-settur, li l-kreattività tagħhom hi kruċjali għal pajjiżna, iżda wkoll għall-identità u l-ħajja soċjali u kulturali tagħna.

Irridu li l-kultura f’pajjiżna wkoll tirkupra malajr u tilħaq qċaċet ogħla minn dawk li lħaqna qabel. 

Il-mira tal-Gvern hi ċara: li iktar persuni u iktar komunitajiet ikunu esposti għal kultura tal-aqwa livell. 

Il-kultura hi l-post tax-xogħol ta’ eluf dejjem jikbru ta’ persuni li jaħdmu fil-qasam tal-ekonomija kreattiva.  Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti fihom b’allokazzjoni ta’ iktar fondi, inkluż b’inċentivi fiskali.

Se nkomplu nsaħħu l-kwalità tal-ekosistema kulturali ta’ pajjiżna. Se nlestu għalhekk il-Malta International Contemporary Art Space fil-Floriana li se jkun pjattaforma ewlenija għal fejn tidħol l-arti viżwali, imma mhux biss.

Ukoll, ladarba hemm qbil ġenerali li t-Teatru Rjal għandu jissaqqaf u jkollu funzjoni li taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-artisti u l-kreattivi kontemporanji, se naraw li jsiru l-preparamenti neċessarji sabiex dan il-post jingħata skop bħala ċentru kulturali prominenti fil-Belt Valletta matul is-sena kollha.

L-identità tagħna tissaħħaħ ukoll billi nħarsu t-tradizzjonijiet kulturali ewlenin u l-patrimonju tagħna.  Matul din il-leġiżlatura se nagħtu għajnuniet bla preċedent lis-soċjetajiet mużikali Maltin u d-diversi aspetti tal-festa Maltija.

Se jitlesew ukoll il-proġetti tal-Palazz tal-Gran Mastru u  l-Arkivji Notarili, fost għadd ta’ proġetti oħra.

Huwa tajjeb ħafna li nqisu l-isport bħala parti essenzjali minn ħajja b’saħħitha. Iżda wasal iż-żmien li nimmiraw ogħla hawn ukoll. Għandna quddiemna okkażjonijiet importanti biex nuru x’kapaċi jagħmel l-atleta Malti. L-‘invitational games’ tal-iSpecial Olympics fi ftit jiem oħra se jkunu okkażjoni sabiħa li jpoġġu lil Malta fuq il-mappa sportiva internazzjonali u ta’ inklussività. Imbagħad induru fuq il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’pajjiżna fl-2023 u l-Olimpjadi ta’ Pariġi fl-2024 fejn irridu ninvestu fl-atleti żgħażagħ tagħna biex nagħtuhom l-aqwa opportunità li jikkompetu b’suċċess.

Fuq kollox irridu soċjetà ugwali. Dan pajjiż li jiftaħar li qiegħed l-ewwel fid-drittijiet ċivili, iżda ma jfissirx li l-ħidma tagħna favur l-ugwaljanza tista’ tieqaf f’xi mument.

Fost il-prijoritajiet ewlenin hemm dawk li jridu jarawna nagħtu ċans ikbar lil aktar familji biex isiru ġenituri. Għalhekk se jitressqu numru ta’ emendi għal-liġijiet li jirregolaw l-IVF f’pajjiżna bil-prinċipju jibqa’ dejjem dak li noffru tama akbar lill-aktar ġenituri prospettivi. L-emendi jkunu kkumplimentati bl-investiment meħtieġ biex il-proċess ikun jista’ jsir.

Għax l-ugwaljanza fuq kull livell hi waħda mill-valuri li trid tibqa’ tiddistingwina bħala pajjiż. Hu ta’ sodisfazzjon li qed nibdew din il-leġiżlatura b’parlament iktar ugwali. Fejn għandna rappreżentanza femminili iktar b’saħħitha. Dan il-prinċipju rridu noħduh anke f’oqsma oħra, inkluż fil-postijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-boardrooms fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Se nagħmlu dan ukoll b’għadd ta’ inċentivi. 

Il-Malta li rridu nibdew nibnu fil-ħames snin li ġejjin hija Malta isbaħ, aktar ġusta, aktar dinamika u sostenibbli. Il-prosperità ġdida li qed naspiraw għaliha se jkun hemm min jgħid li mhijiex fattibbli.

Se jkollok min jgħid li wara pandemija ma nifilħux inwettqu dawn il-bidliet kollha. Li waqt gwerra ma nistgħux inwettqu d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija.

Imma dan żgur mhuwiex il-mument li nipposponu riformi u bidliet. Anzi għandna nifhmu l-lezzjoni tal-pandemija.

Kienu pajjiżi bħal Malta, li kienu għamlu riformi kbar qabel seħħet il-pandemija, li sabu ruħhom f’pożizzjoni li jirreaġixxu u jagħmlu tajjeb għall-effetti tal-pandemija.

Għalhekk kull sfida trid twassalna biex inwettqu bidliet dejjem aktar kuraġġużi. Huwa biss jekk inkomplu niġġeddu li nibqgħu nkunu pajjiż ta’ suċċess.

Flimkien mhux biss għandna l-potenzjal li niksbu l-aspirazzjonijiet kollha tagħna, imma li nkomplu ngħollu l-livell ta’ dak li kapaċi nilħqu.

Skip to content