The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-E.T. l-Aġent President Frank Bezzina, waqt il-Wirja tal-Biedja u Snajja’, f’Għawdex, 15 ta’ Awissu 2022.

Onorevoli Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex,

Onorevoli Membri Parlamentari,

Kumitat Eżekuttiv, Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali Għawdxija,

Sinjuri,

M’għandix dubju li ħafna minnkom għandhom għal qalbhom il-qasam tal-biedja. Oħrajn forsi kurjużi u qed iżuru din il-Wirja tal-Biedja u Snajja’ għall-ewwel darba. Hu x’inhu l-każ, il-biedja tibqa’ l-fus fuq xiex idur kollox, speċjalment l-eżistena tagħna. Wara kollox, huma dawn il-prodotti friski u ta’ kwalità li jsostnu u jitimgħu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Illum fis-suq insibu ħafna prodotti impurtati minn barra. Għaldaqstant, jiena nappella biex il-prodotti agrikoli u artiġjanali tagħna jingħataw prominenza u spazju akbar biex b’hekk ikunu jistgħu jikkompetu ma’ dawk barranin b’mod aktar ekwu. Aħna, bħala konsumaturi, ukoll nistgħu nagħmlu l-parti tagħna, li tkun parti importanti, li dejjem nixtru prodotti li huma mkabbra u maħduma fil-gżejjer tagħna. Dan ovvjament qed ngħidu bl-ebda sens ta’ disprezz lejn prodotti barranin, imma għax verament nemmen fil-kwalità tal-prodott lokali.

Il-ġurnata tal-lum hija proprju ċelebrazzjoni ta’ dan. Din il-Wirja tal-Biedja u Snajja’ ilha mill-1855, u dejjem ġibdet attendenza kbira u interess kbir.

Ninsab ferm kuntent li l-wirja ta’ din is-sena, li qed tittella’ fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle, qed tiġi organizzata b’tant suċċess.

Għaldaqstant nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali Għawdxija li flimkien mal-Ministeru għal Għawdex kienu strumentali biex din il-wirja terġa’ tiġi organizzata u tibqa’ appuntament importanti fil-kalendarju kulturali Għawdxi. Insellem u nirringrazzja lil Victoria Boy Scouts, ix-Xagħra Scouts Group tal-gwardja tal-unur, lill-gruppi folkloristiċi Għawdxin, lil ħafna tfal u ż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-kantalieni, lil ħafna ħaddiema u voluntiera li ħadmu biex il-ġurnata tal-lum tkun suċċess, lil dawk kollha li ħadu sehem fil-Wirja tal-Biedja u s-Snajja’, u l-aħħar u mhux l-inqas nifraħ lir-rebbieħa ta’ din is-sena.

Grazzi.

Skip to content