The President of Malta

Speech by H.E. President George Vella during the Conference for National Unity (Speech in MT)

L-għodwa t-tajba lil kulħadd.

Nibda, l-ewwel nett, billi nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fit-tħejjija ta’ din il-Konferenza. Jiena wkoll nirringrazzja lill-panellists li aċċettaw li jkunu magħna biex jiddiskutu suġġett daqshekk wiesgħa u kkumplikat.

Nirringrazzja wkoll lilkom li għażiltu li tiġu personalment biex tattendu din il-Konferenza, kif ukoll lil dawk li għażlu li jsegwu din il-Konferenza b’mod virtwali. Jiena jiddispjaċini li minħabba r-regolamenti imposti fuqna mill-COVID-19, kellna nnaqqsu n-numru ta’ nies li setgħu jattendu fiżikament. Konvint li taħt ċirkostanzi oħra kien ikollna struttura differenti, u attendenza ferm ikbar.

Bħalma rajtu fil-filmat, din it-tema tal-għaqda nazzjonali, ilha snin tberren ġewwa rasi, speċjalment matul l-aħħar snin tal-karriera politika tiegħi u sal-lum, speċjalment l-aħħar sentejn fejn kelli aktar ċans nirrifletti u ngħid ċar u tond kemm tkiddni din il-firda li ngħixu ġewwa pajjiżna.

Is-suġġett tal-Konferenza tal-lum: “Għall-għaqda nazzjonali”, qanqal ħafna interess minn mindu varajna din il-Konferenza fil-bidu tax-xahar.

Kien hemm reazzjonijiet differenti li jvarjaw – minn dawk li qalu li dan huwa eżerċizzju għalxejn, min allega li jista’ jkun hemm aġenda moħbija, għal dawk li wrew interess partikolari biex niddiskutu dan is-suġġett.

Min ried ikun negattiv, għamilha tabirruħu li din id-diskussjoni hija waħda fiergħa. Oħrajn waslu biex allegaw li dan qiegħed isir biex jaġevola, jew tiġi aġevolata, linja politika partiġjana jew oħra.

Inkitbu artikli, kien hemm ittri fil-gazzetti, intużat il-midja soċjali u, kif tafu, kulħadd qal tiegħu. Kien hemm ukoll min ippreżenta dokumenti dettaljati ħafna u interessanti.

Jiena nemmen li kulħadd għandu d-dritt jgħid tiegħu. Nemmen ukoll li dan fih innifsu huwa diġà parti mill-eżerċizzju demokratiku, biex niddiskutu s-suġġett li għandna quddiemna llum. Dan fih innifsu kien pożittiv għaliex kien prova li rnexxielna nqajmu diskussjoni.

Irrid insemmi hawn, kien hemm saħansitra għalliema tar-raba’ sena fi skola li talbu lill-istudenti biex jiddiskutu din it-tema u jressqu proposti, ideat, jew slogans li jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni. Ma ġibtux miegħi hawnhekk, imma huwa dokument li dat-tfal kitbu slogans, u għamlu tpinġijiet illi wrew li qegħdin ukoll jippruvaw jinteressaw ruħhom f’dan is-suġġett. Dan jimlieni bil-kuraġġ għaliex verament nemmen li parti mill-kampanja tagħna biex nagħmlu pajjiżna aħjar, trid tibda mill-edukazzjoni ta’ wliedna.

Sinjuri, is-suġġett li għandna quddiemna llum huwa wiesa’ ħafna u ma jkunx realistiku min jaħseb li b’konferenza waħda se nsolvu kollox. Dan huwa biss bidu ta’ proċess li l-għan tiegħu huwa li l-ewwel u qabel kollox jirnexxielna nikxfu u niskopru dak kollu li jifridna, u niddiskutuh b’mod miftuħ bla preġudizzju, u b’għan kostruttiv.

Imkien ma ngħata xi messaġġ li se tiġi maħnuqa d-diskussjoni, ikun xi jkun is-suġġett. Dak kollu li naħsbu li qiegħed iġedded il-firda, għandna niddiskutuh u għandu jiġi diskuss.

Matul il-Konferenza, il-panellists ingħataw il-libertà assoluta li jitkellmu dwar xiex xtaqu jitkellmu u dwar dak li riedu jgħidu. Ma kien hemm l-ebda restrizzjonijiet u l-ebda kundizzjonijiet.

Hemm min ikkritika anke l-għażla tal-panellists. Tagħżel lil min tagħżel dejjem hemm lok għall-kritika. Li ridna nassiguraw huwa li l-kelliema, u nispera anki min jagħmel il-mistoqsijiet jew interventi mill-udjenza, ikun motivat biss bi spirtu kostruttiv, u nħeġġu biex jitwassal kemm jista’ jkun dak li verament qiegħed iħoss il-Poplu Malti u Għawdxi f’oqsma differenti tal-ħajja ta’ kuljum.

F’din il-Konferenza jiena xtaqt li kulħadd jingħata leħen. Bħalma għidt diġà, impossibbli kienet minħabba r-restrizzjonijiet imma ppruvajna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu.

Naf li kawżi ta’ firda li nistgħu nitkellmu fuqhom huma bla tarf. Hemm suġġetti li huma żgħar, u li faċilment nistgħu nsibu mezz kif negħlbuhom. Però hemm wkoll oħrajn li huma profondi ħafna u li jistgħu jolqtu saħansitra l-pedament ta’ dak li suppost tinbena fuqu l-għaqda.

Jidher ċar li qasmiet li jeżistu jvarjaw bil-kbir, imma xejn ma jiġġustifika li ma nipprovawx insewwu kawżi żgħar, bl-iskuża li għad hemm kawżi ħafna ikbar minnhom.

Jien m’iniex se nidħol fil-mertu ta’ dawk l-issues li huma fundamentali, għaliex naf li se jitkellmu fuqhom uħud mill-kelliema.

Ħafna milli kelli ngħid għidtu b’mod ċar ħafna meta varajna din l-inizjattiva, waqt il-Konferenza Stampa fis-6 ta’ Frar. U mhux se noqgħod nirrepetih hawnhekk.

Għalija, jekk fl-aħħar ta’ din il-Konferenza inkunu għall-anqas qbilna dwar liema huma dawk l-issues li jifirduna, inkunu diġà għamilna pass ’il quddiem. Żgħir kemm hu żgħir, imma nkunu għamilna pass ’il quddiem.

It-tieni pass ikun li minbarra li nagħrfu dawn is-suġġetti, imbagħad inkunu umli biżżejjed biex naqblu kif nistgħu flimkien nagħmlu l-almu tagħna biex insewwu s-sitwazzjoni.

Bħalma għidt diġà, irridu nkunu lesti li nwittu kemm ħofor żgħar kif ukoll ħofor kbar, jekk mhux gandotti.

Imma din hija l-isfida.

Biex ikollna l-għaqda nazzjonali ma jfissirx li jkollna qbil fuq kollox, iżda hemm fatturi li mingħajrhom l-għaqda ma tasal qatt. Dan nistgħu nagħmlu tajjeb għalih billi nfittxu u nsibu dak li dejjem jgħaqqadna u nsaħħu dik ir-rabta.

Forsi bla ma nindunaw, fil-fatt hemm ħafna fuqiex mhux diffiċli nkunu magħqudin, jew diġà qegħdin magħqudin fuqhom.

Kif diġà ġie indikat, il-firxa ta’ suġġetti hija kbira ħafna u tinkludi fost affarijiet oħra, il-ġustizzja soċjali, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, l-istat tad-dritt, il-ħarsien tal-ambjent, is-servizzi soċjali, it-tqassim tal-ġid, il-politika ekonomika, il-pjanijiet tal-iżvilupp, ix-xandir, il-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-immigrazzjoni u ħafna u ħafna suġġetti oħra.

Fuq dawn kollha hemm ħafna x’wieħed jgħid u jistaqsi, u anki jiddibatti.

Jien diġà tkellimt dwarhom meta nedejt din il-Konferenza, u mingħajr ma nkun repetittiv, inpoġġi lilkom, Kelliema u Parteċipanti, mistoqsijiet li għadhom iberrnu f’moħħi.

  • Għad fadal simboli li jiġbru l-ispirtu tal-Poplu Malti, jew issa dawn ittaffew sforz id-diversità li Malta, bħal kull pajjiż ieħor, u kif għandu jkun, qiegħda tħaddan? Meta nirreferu għal Malta, f’dik f’moħħna ninkludu l-Maltin biss jew kull min jgħix hawnhekk fostna u magħna?
  • Is-soċjetà qiegħda tkun esposta bl-istess mod, għall-benefiċċji tal-istituzzjonijiet, għat-tqassim tal-ġid, u għas-servizzi?
  • Il-ġustizzja soċjali u t-tkabbir ekonomiku qegħdin tassew jintmessu bih minn min ħaqqu u minn kulħadd?
  • Insemmi wkoll l-ambjent – li issa drajtuni nitkellem dwaru. Dan qegħdin inħarsuh bħala responsabbiltà kollettiva, jew inkella kulħadd jiġbed il-ħabel tiegħu u kif ngħidu bil-Malti lejn xawwatu?
  • Fl-aħħar u mhux l-inqas, ir-rwol tal-midja tradizzjonali u dik diġitali, dan sar għodda għat-tkasbir minflok għodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni? Din hija mistoqsija li ħafna qegħdin jagħmlu.

Jinkwetani ħafna, pereżempju, il-fatt li qisna tlifna r-rispett lejn xulxin. Mingħajr rispett ma nistgħux napprezzaw lil xulxin biżżejjed.

Sirna ma nittollerawx opinjoni ta’ min ma jaqbilx magħna.

Saret ħaġa faċli li ma niddejqu xejn nużaw kliem dispreġjattiv lejn xulxin, u kultant mill-aktar faħxi, fuq midja soċjali biex nattakkaw lil ħaddieħor u lil dawk li ma jaqblux magħna.

Jien jinkwetani ħafna li qisna, nerġa’ nirrepeti, tlifna l-fiduċja f’xulxin.

Tlifna l-fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha.

Qisu kulħadd sar korrott, suspettat u mhux fdat. Qisu ħadd mhu kompetenti. Qisu ħadd mhu integru.

Dan, bħalma tafu, huwa ’l bogħod mill-verità.

Jekk irridu nibdew nirranġaw l-affarijiet bejnietna, irridu l-ewwel nammettu fiex qegħdin u nxammru l-kmiem biex nibdew insewwu u nibnu dak li ġġarraf u tkisser.

X’sens ta’ għaqda qegħdin ngħaddu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna? Fejn hu s-sens ta’ nazzjon magħqud, allavolja, kif qed ngħid, bid-difetti kollha tiegħu?

L-eżempju tagħna jkaxkar, u jaħdem kontra dak il-ġid li jista’ jsir bl-edukazzjoni taż-żgħar tagħna. Inutli nedukaw lit-tfal jekk imbagħad jaraw prattikat mod differenti.

L-edukazzjoni fl-għarfien u l-apprezzament ta’ dak kollu li hu Malti, u li jagħmilna Maltin, huwa importanti ħafna.

Edukazzjoni li tgħallimna nkunu nafu min aħna, u min konna.

Edukazzjoni li tippreparana biex naffaċċjaw it-tibdil kontinwu li pajjiżna, bħal pajjiżi żgħar f’reġjun imqalleb politikament, mistenni jaffaċċja fiż-żmien li ġej.

L-isfidi ekonomiċi, l-isfidi politiċi, dawk demografiċi u sfidi ta’ identità, kif se nkunu kapaċi nindirizzawhom jekk mhux se nkunu għelibna l-firdiet ta’ bejnietna? Dawn huma sfidi li ġejjin quddiemna u jekk ħa jsibuna mifrudin, ħa jkun inqas faċli għalina li flimkien niddiskutuhom u naslu għal qbil fuqhom.

Aktar ma naħseb, aktar jiġuni f’moħħi mistoqsijiet. Jien nispera li xi forma ta’ risposta tingħata għal xi wħud minnhom f’dan il-forum.

Ejjew niddiskutu b’mod miftuħ, u b’mod kalm.

Ejjew inkunu realistiċi u prammatiċi.

Ejjew ma nippuntawx biss subgħajna lejn ħaddieħor, imma naraw aħna x’nistgħu nagħmlu biex l-affarijiet narawhom aħjar.

Nerġa’ ngħid. Jien m’iniex nistenna mirakli minn dan il-forum. Nittama biss li minn dan l-eżerċizzju se nitgħallmu ħafna.

Bħal kif dejjem ngħidu, l-ewwel pass dejjem huwa diffiċli biex tagħmlu. Għalhekk hemm bżonn inkunu flimkien f’dan il-proġett. Nibdew b’passi żgħar iżda b’determinazzjoni li bil-mod il-mod nistgħu naslu.

Jien inħoss li dan hu obbligu tagħna lejn dawk kollha ta’ rieda tajba li jinsabu mdejqin bis-sitwazzjoni. Lejn dawk iċ-ċittadini onesti, inħoss li għandna obbligu li noffrulhom soċjetà anqas maqsuma u iktar magħquda. Inħoss ukoll li l-istess obbligu għandna lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin – biex ngħaddulhom pajjiż aħjar minn dak li qegħdin fih aħna llum.

Nirringrazzjakom.

Skip to content