Onorevoli Aġent Prim Ministru
Onorevoli Speaker
Is-Sinjurija Tiegħu l-Onorevoli Prim Imħallef
L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof
Onorevoli Ministri
Kollegi Presidenti Emeriti
Eċċellenzi
Sinjuri
Dalwaqt ser nassistu għall-għoti ta’ġieħ u rikonoxximent xieraq lil dawk il- Maltin, u anke lil xi ħbieb ta’ pajjiżna barranin, għas-servizz li dawn taw għat-tisħiħ tat-tessut li minnu minsuġa r-Repubblika Maltija.
Dan l-avveniment isir regolarment fil-ġurnata li fiha nfakkru t-twelid ta’ Malta Repubblika.
F’għeluq il-ħamsa u erbgħin sena minn dan l-avveniment kien ikun xieraq nanalizzaw flimkien it-triq u l-proċessi li għadda minnhom pajjiżna biex wasal fejn qiegħed illum, u filwaqt li nixtarru t-tajjeb u l-ħażin li għandna, ngħarblu flimkien x’toroq differenti għandu quddiemu u jista’ jaqbad pajjiżna, biex ikompli miexi ’l quddiem hu u jbaħħar fit-taqlib tal-politika internazzjonali kemm fir-reġjun tagħna, fl-istess Unjoni Ewropeja, kif ukoll fuq skala internazzjonali.
Biss inħoss li dan żgur mhux dak li stennejtu li tisimgħu mingħandi llum.
Pajjiżna bħalissa għaddej minn ċirkostanzi partikolari li jixirqilhom l-attenzjoni kollha tagħna lkoll kemm aħna. Ċirkostanzi li rridu nanalizzaw mingħajr passjoni, mingħajr ma nħarsu lejn uċuh, mingħajr preġudizzji, mingħajr aġenda politika, mingħajr ma nistħu ngħidu l-veritaˋ u mingħajr ma nwebbsu rasna.
Dawn huma ċirkostanzi li skussjaw is-soċjetaˋ Maltija. Dawn huma ċirkostanzi li għeżżew l-istituzzjonijiet ta’ pajjizna.
Dawn huma ċirkostanzi li ħammġulna isimna madwar id-dinja.
Dawn huma ċirkostanzi li qegħdin ikollhom effett ħazin ħafna fuq il-kredibilitaˋ tagħna, fuq in-negozji tagħna, fuq l-investiment ġewwa pajjiżna, fuq it-turiżmu, u fuq l-isem tajjeb li Malta dejjem ġarret magħha fl-oqsma internazzjonali.
Dawn id-dikjarazzjonijiet qiegħed nagħmilhom b’qalb tqila u b’dispjacir kbir.
Qatt m’għaddieli minn moħħi li xi darba ser nasal biex nitkellem b’dan it-ton fuq pajjizna.
Dawn l-aħħar ġranet ma kienu sbieħ xejn għal ħadd. Kull min għandu għal qalbu l-interess tar-Repubblika ta’ Malta għex dawn l-aħħar ġimgħat b’dieqa u anke forsi b’element ta’ rabja għal kull min seta’ kellu anke nitfa x’jaqsam biex żviluppat is-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum.
Rajna jseħħu żviluppi bla preċedenza, żviluppi li nasal biex ngħid li kienu eċċezzjonali. Rajna li fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna kien qiegħed jintefa’ dubju fuq jekk humiex qegħdin jaħdmu u kemm dawn huma imparzjali.
Kien hemm min forsi interpreta s-silenzju tiegħi, bħala Kap ta’ Stat, bħala nuqqas.
Kien hemm min stenna li nitkellem aktar u ngħid aktar. Hemm min għadu jaħseb li bħala President, minbarra l-awtoritaˋ morali, għandi xi poteri li bihom nikkmanda x’għandu jsir. Ftit jafu kemm huma limitati l-poteri tal-President. Min-naħa l-oħra huwa veru li l-President għandu ħafna obbligi u responsabbiltajiet. Huma preċiżament dawn li eżerċitajt tul dawn l-aħħar ġimgħat. Użajt dawn, flimkien mal-awtoritaˋ morali mogħtija lili mill-Uffiċju tal-Presidenza fis-skiet, bl-akbar kunfidenzjalitaˋ u bi prudenza.
Żammejt ruħi aġġornat b’dak li kien għaddej, minuta b’minuta, u ddiskutejt fatti u opinjonijiet ma’ min Kostituzzjonalment huwa mistenni li jinfurmani b’dak li jkun għaddej.
Smajt u għarbilt dan kollu.
Tajt il-pariri li deherli li kelli nagħti, u żammejt lura milli nippronunzja ruħi pubblikament. Matul il-ħin kollu kont lest li, jekk jiżviluppaw ċerti ċirkostanzi, nintervjeni.
Fid-deċiżjonijiet li kont mitlub nieħu, ħadt l-informazzjoni meħtiega mingħand min huwa obbligat jipprovdili din l-informazzjoni, ikkonsultajt ma’ min għandi fiduċja fil-professjonalitaˋ, l-integritaˋ, u l-fibra morali tiegħu, filwaqt li ħadt deċiżjonijiet b’kuxjenza serena, fil-limiti imposti fuqi mill-Kostituzzjoni.
Matul dan il-perjodu rriflettejt ħafna fuq id-Diskors li għamilt fl-okkazzjoni tal-ħatra tiegħi bħala President fl-4 ta’April ta’ din is-sena.
Dakinhar sħaqt bil-kbir fuq il-bżonn ta’ għaqda nazzjonali. Kien messaġġ importanti diġaˋ f’dak iż-żmien. Issa fiċ-ċirkostanzi li għaddej minnhom pajjiżna illum huwa ħafna aktar importanti.
Għandna bżonn ningħaqdu bħala Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba biex negħlbu dan l-għelt li ġie fuqna.
Min wassalna f’din is-sitwazzjoni, kien min kien, ma kienx qiegħed jaħdem għall-ġid tal-Poplu Malti. Dak li sar ma jista’ qatt jiġi ġġustifikat. Ilkoll flimkien irridu ningħaqdu fit-tama tagħna li kull min għandu jerfa’ r-responsabbilitaˋ ta’ għemilu jerfagħha u jieħu l-pieni li jġorr miegħu dan l-għemil. Hu min hu. Ikun min ikun.
Il-Poplu Malti jistenna ġustizzja, iżda jkun ħażin jekk inħallu s-sentimenti tagħna jinbidlu f’vendetta u mibgħeda.
Ejjew inħallu l-istituzzjonijiet investigattivi u ġudizzjarji tagħna jagħmlu xogħolhom, bla ndħil, b’serenitaˋ, u b’turija ta’ rispett lejn l-integritaˋ, il-kompetenza u l-indipendenza tagħhom.
L-appell tiegħi jmur l-ewwel u qabel kollox lill-Poplu Malti.
Magħkom inħossni imdejjaq, imweġġa’, u maħsud.
Magħkom naqsam l-ansjetaˋ u l-inċertezza li naf li qegħdin jiġu diskussi fil-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol, u kull fejn jiltaqgħu l-ħbieb flimkien. Ma nħallux l-irjus jisħnu żżejjed. Inkunu moderati fl-imġiba tagħna.
Inżommu f’moħħna li r-Repubblika ta’ Malta hija ferm akbar minn din il-klikka li ġabet dan l-għajb fuq pajjiżna.
Niddefendu isem pajjiżna speċjalment ma’ min jista’ juża din l-okkażżjoni biex ikompli jħammigna u jċekkinna f’għajnejn il-barrani.
Veru li saritilna ħafna ħsara imma ejja bħala Maltin, li fil-maġġoranza tagħna aħna nies onesti, ħabrieka, kapaċi, leali, nirrispettaw il-liġi u lil Alla, inżommu rasna ’l fuq u nkomplu għaddejjin ’l quddiem fil-mixja tagħna, kemm fil-qasam lokali kif ukoll fil-qasam internazzjonli, biex intejbu dejjem aktar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalitaˋ tal-ħajja f’pajjiżna, u nsaħħu s-solidarjarjeta’ li dejjem għaqqdet lill-Poplu Malti.
Dawn huma l-valuri, u l-vera stampa ta’ Malta.
Ejja ma niddejqux ningħaqdu biex filwaqt li nammettu li dak li seħħ fl-assassinju tal-ġurnalista s-Sinjura Daphne Caruana Galizia kien att orribbli, flimkien naħilfu li nagħmlu minn kollox biex nieħdu l-miżuri kollha meħtiega biex att bħal dan qatt ma jerġa’ jseħħ. Minn hawn, ningħaqdu fis-sogħba għal dak kollu li ġara.
Jien nappella biex jittieħdu l-miżuri leġiżlattivi u dawk ta’ sigurtaˋ kollha neċessarji biex nassiguraw il-libertaˋ tal-istampa u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni f’pajjiżna. Fl-istess ħin nappella wkoll lill-ġurnalisti kollha sabiex jirrealizzaw ir-responsabbilitajiet kbar li jġorru f’soċjetaˋ moderna. Nappella wkoll lill-poplu kollu biex jagħmel użu aħjar mill-medja soċjali li, jiddispjaċini ngħid bl-użu ta’ lingwa dispreġġjattiva u messaġġi kattivi, saru fonti bla tarf ta’ firda.
L-appell tiegħi jmur ukoll għall-Membri Parlamentari. Ftakru li d-dover tagħkom huwa l-ħarsien tal-libertajiet fundamentali tal-poplu li tirrapreżentaw, u tal-ħolqien tal-ġid biex jitqassam b’mod ekwu fost il-poplu. Tagħkom ukoll huwa d-dover li tilleġislaw biex issaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, biex il-ġudikatura f’pajjiżna jkollha l-awtonomija tagħha mħarsa, sabiex idejhom ikunu msaħħa u bla xkiel ta’ xejn jaġixxu u jaqdu d-doveri tagħhom bl-akbar imparzjalita’ u ġustizzja.
Inkunu għajjurin għall-ġieħ, u l-importanza tal-istituzzjoni Parlamentari, u tar-rwol ewlieni li din għandu jkollha f’demokrazija ħajja. Inkunu għassiesa fid-difiża tad-drittijiet u d-doveri tagħha.
Nappella wkoll kif diġaˋ għamilt fid-diskors tiegħi f’April għal aktar dekor fit-ton u fil-kontenut tad-dibattiti bejn il-Parlamentari. Ejja nżommu l-livell tad-diskussjonijiet rispettabbli, fuq livell ta’ rispett reċiproku, u l-użu ta’ kontenut riċerkat.
Ejjew inroddu lura lill-Kamra tar-Rappreżentanti r-rispett kollui li jixirqilha.
Lil dawk kollha li qegħdin imexxu l-istituzzjonijiet f’pajjizna infakkarhom li f’soċjetaˋ demokratika, huma dawn l-istituzzjonijiet li jassiguraw id-demokrazija u s-saltna tad dritt, u li mingħajrhom titkisser kull ordni u kull ġustizzja. Nifhem li minn żmien għall-ieħor ikun hemm bżonn ta’ aġġornament kemm fil-legiżlazzjoni li tawtorizzahom, kif ukoll fir-regolamenti u l-liġijiet li jħaddmu fix-xogħol tagħhom, iżda dan ma jfissirx li dak li sar u nkiseb qabel kien kollu ħażin.
L-importanti huwa li min imexxi dawn l-istituzzjonijiet jara li jitħalla jagħmel dan bla xkiel, biex ma jħarisx lejn l-uċuħ u lejn xejn aktar fil-qadi ta’ dmirijietu.
Għalhekk qiegħed nieħu ħsieb li titwettaq ix-xewqa biex naraw x’riformi hemm bżonn fil-Kostituzzjoni tagħna, u f’liema oqsma. Dan qiegħed isir filwaqt li qiegħed jingħata widen għar-rakkomandazzjonijiet li għamlulna entitajiet bħall-Kummissjoni Venezja biex inwettqu, sa fejn nistgħu, u sa fejn jgħodd għaċ-ċirkostanzi lokali tagħna, ir-rakkomandazzjonijiet li għoġobhom jagħmlulna.
L-appell tiegħi lill-medja internazzjonali u lill-pajjiżi ħbieb tagħna huwa dan:
Li ngħidu biss li jiddispjaċina għal dak li ġara, mhux biżżejjed.
Irridu naraw li ssir ġustizzja u naċċertaw li l-ġustizzja tkun tidher li qegħda ssir.
Nirringrazzja lil dawk il-pajjiżi kollha li għenuna fl-investigazzjonijiet li kienu u għadhom meħtieġa fir-rigward tal-assassinju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia. Ma’ dan il-każ mhux sewwa li titpinġa kerha Malta kollha. Malta hija ħafna akbar minn kwalunkwe grupp ta’ nies, kienu minn kienu, li huma involuti.
L-irwol ta’ pajjizna fil-ħolqien ta’ dak kollu li huwa tajjeb u għall-ġid tal-poplu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali m’għandux jiġi mirdum taħt il-ħazin li sfortunatament ġara.
Isem Malta ma jixraqlux jingħata aġġettvi derogattivi u jitniżżel fil-baxx. Pajjiżna għandu jibqa’ jġorr ir-rispett għat-tajjeb kollu li għamel matul is-snin, għall-kultura millennarja li għandu, għall-kontribut enormi għall-paċi fid-dinja, għall-istorja illustri tiegħu fid-difiża tal-valuri, għall-qalb kbira tal-Poplu Malti, u għall-potenzjal kbir li għandu fir-riżorsi umani tiegħu li msaħħa bl-edukazzjoni, issibhom imxerrda mal-erbat irjieħ tad-dinja fl-ogħla postijiet akkademiċi u amministrattivi – iżommu isem pajjiżna fl-ogħla post li jixraqlu.
Din hija l-vera Malta. Dawn huma l-Maltin.
Dan l-appell ser nirrepetih bl-Ingliż għall-benefiċċju tal-media internazzjonali u sħabna barranin:
This is my appeal to the foreign media and international partners:
To just say we are sorry for what happened is definitely not enough.
We will ensure that justice is done, and that it is seen to be done.
I thank all those countries that helped us with the investigations of the assassination of Mrs Daphne Caruana Galizia that were needed and are still ongoing. The whole of Malta should not be tarnished by these sad events. Malta is far bigger than any group of individuals involved in these events – whoever they may be. Our country’s role in the creation of all that is good and beneficial to its people, both domestically and internationally should not be obscured by what has very regrettably happened.
Malta’s reputation does not deserve to be dirtied and depreciated. Our country should continue carrying the respect it earned for the good it achieved along the years, for a history and culture that go back thousands of years, for the enormous contribution it has made to the attainment of peace in the world, and for its eminent history in defence of values, for the traditional generosity of the Maltese people and for the overwhelming potential of its human resources. These are the same resources that have found their solid foundations in education and which can be found in all four corners of the globe, in the highest-ranking academic and administrative levels, carrying Malta’s name with the high esteem it deserves.
This is the Malta we cherish. These are the values we represent.
Nerġa’ ndur lejn ħuti Maltin u Għawdxin.
Din m’hijiex siegħa faċli. Iżda rridu ngħaddu minnha.
Kulħadd għandu jara li dan it-trapass iwassal biex l-ewwel u qabel kollox tinstab u toħroġ il-veritaˋ kollha. Irid ikun assigurat li kull min kien involut, kbir u żgħir, jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jħallas ta’ għemilu.
Il-poplu għandu d-dritt li jesprimi fehemtu bil-libertajiet kollha li tagħtih il-Kostituzzjoni. Aktar ma dan isir b’mod ċivili aktar ikun effettiv.
Dan huwa l-mument fejn pajjiż demokratiku u l-poplu tiegħu jgawdu mill-benefiċċji u s-salvagwardji li toffri l-istess demokrazija. Is-sistema demokratika ser twassalna għal tranżizzjoni serena minn dan il-mument ta’ taqlib, lura għan-normalita’. Din hija l-unika triq li nistgħu nsegwu. Din għandha tkun rieda komuni. Fuq dan ma nistgħux ma naqblux. Huwa dan li għandu jgħaqqadna f’dan il-mument.
Għandna nibnu flimkien dak li ġġarraf.
Ejjew nirfdu fejn sfronda u nibnu pajjiżna mill-ġdid.
Fuq kollox, għandna nassiguraw li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jkunux mhedda f’xogħolhom u jingħataw is-saħħa u l-ħarsien, biex fis-serenitaˋ kollha jaqdu d-doveri tagħhom.
Lil kull min iġorr xi forma ta’ responsabbiltaˋ politika, istituzzjonali jew Kostituzzjonali, inħeġġu, bħalma diġaˋ għamilt biex iwieżen għemilu u jaġixxi wara li fil-kalkoli tiegħu ikun poġġa l-interess Nazzjonali qabel l-interess personali. L-għodda tal-awtoritaˋ morali hija l-użu tal-persważjoni. Sfortunatament din mhux dejjem tikseb riżultati.
Pajjiżna għadda minn ħafna saram fl-istorja tiegħu. Tajjeb jew ħażin dejjem ħareġ imsaħħaħ u determinat, u kull meta ġie wiċċ imb’ wiċċ ma’ sfidi bħal dawn, sab saħħtu fl-għaqda fost il-Maltin.
Jien nemmen li hekk għandna nagħmlu issa. Pajjiżna qed isejħilna.
Biżżejjed inħarsu madwarna u naraw kemm aħna aħjar minn ħafna pajjizi oħra qrib tagħna u ’l bogħod minna.
Ejjew napprezzaw u nkunu kburin bil-kwalitajiet tajba li għandna bħala poplu. Ejjew naraw kif inġibu aktar għaqda u nwarrbu dak kollu li jifridna. Ejja nibnu fuq it-tajjeb li għandna u fuq dak kollu li huwa posittiv.
Xejn m’hu perfett.
Differenzi għandna u se jibqa’ jkollna.
Ejjew nużaw aktar enerġija biex flimkien insolvu dawn il-problemi, minflok noqogħdu nippuntaw subgħajna lejn xulxin u nakkużaw lil-xulxin.
Ejjew flimkien niżirgħu r-rispett lejn xulxin, indaħħlu l-fiduċja, nirrispettaw l-integritaˋ, u naraw li nużaw il-ħin tagħna biex bil-kapaċitajiet kollha tagħna nkabbru l-ġid u nqassmuh bl-aktar mod ekwu fost il-Poplu Malti u Għawdxi kollu.
Ejjew ngħinu lil xulxin u nafdaw f’xulxin.
Ninsab konvint li kapaċi naslu.
Ejjew nitolbu lil Alla, bħalma nagħmlu fl-Innu Nazzjonali tagħna, biex iseddaq il-għaqda fostna l-Maltin u jibgħatilna s-sliem li tant għandu bżonn pajjiżna.
Viva Malta Repubblika.