The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors mill-E.T. George Vella, President ta’ Malta, fl-Okkażjoni taż-Żjara Statali mill-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Santità,

Inħossni xxurtjat li għandi l-okkażjoni li f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, b’umiltà kbira, nagħtik merħba ġewwa pajjiżna.

Din hija żjara li ilha biex issir, u li konna qed nistennew b’ħerqa kbira.

Din iż-żjara ser tkompli tqarreb aktar ir-relazzjonijiet storiċi li jeżistu bejn Malta u s-Santa Sede, li maż-żmien issaħħew dejjem aktar.

Niftakar ċar li konna semmejna l-possibbiltà ta’ żjara mill-Qdusija Tiegħek f’Malta lura f’Settembru 2019, meta lqajtni fil-Vatikan, u darba oħra meta ġejt tkellimni wara l-quddiesa għal ruħ l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech f’Jannar 2020.

Fiż-żewġ okkażjonijiet, laqatni ħafna l-interess tiegħek lejn Malta, lejn l-isfidi reġjonali madwar il-gżejjer tagħna, u fuq kollox, l-apprezzament personali tiegħek għall-kwalitajiet u l-valuri li wieħed jorbot magħna l-Maltin. Is-sentimenti li jfaħħru dawn l-istess virtujiet kienu mfakkra u mfaħħra mill-Qdusija Tiegħek f’diversi Udjenzi Ġenerali.

Minn meta ltqajna l-affarijiet inbidlu ħafna.

Il-komunità internazzjonali theżżet b’pandemija li għadha qed tagħmel ħerba mis-saħħa u l-ekonomiji tagħna, u li qed tagħtina tagħlimiet dwar kif għandha tkun is-solidarjetà bejn il-bnedmin; tagħlimiet li qatt m’għandna ninsew.

Urietna biċ-ċar il-ħtieġa li naħdmu aktar biex insaħħu l-ġustizzja soċjali globali, u l-importanza kbira li naqsmu r-riżorsi ma’ xulxin, kemm dawk umani kif ukoll dawk materjali.

Għad hemm inugwaljanzi kbar, mhux biss fil-livell ekonomiku, fl-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika u fil-ħtiġijiet mediċi – pereżempju l-vaċċin – iżda wkoll fejn jidħlu l-qgħad, l-edukazzjoni, il-mobbiltà, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija.

Jeħtieġ li flimkien naħsbu u nadottaw livelli ġodda u aħjar ta’ solidarjetà globali li jneħħu l-individwaliżmu, l-iżolazzjoni, il-populiżmu, l-ostraċiżmu u l-ksenofobija.

Is-sistema politika internazzjonali, u aħna lkoll bħala individwi, ġejna maħsuda bil-gwerra orribbli u atroċi fl-Ukrajna.

Ħamsa u sebgħin sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija, huwa traġiku li l-Ewropa għal darba oħra għaddejja minn gwerra tal-waħx u t-tixrid tad-demm fit-territorju tagħha.

L-attakki mingħajr kontroll fuq il-ħajjiet innoċenti, li wasslu għal mijiet ta’ mwiet, u għall-urġenza li n-nies jaħarbu u jsibu refuġju f’pajjiż ieħor, huma episodji li d-dinja ħasbet li qatt ma kienet ser terġa’ tara jseħħu fl-Ewropa.

Dan mhux għax insejna l-istorja tal-imgħoddi tagħna.

Dan għax il-gwerra u dak kollu marbut magħha huma inaċċettabbli u inkonċepibbli fiż-żmien tal-lum; anki jekk qisna aċċettajna u sirna passivi, għas-snin twal ta’ gwerra u qerda fil-Jemen, ir-Rwanda u s-Sirja u f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Din il-gwerra fl-Ukrajna ħarġet l-agħar u l-aħjar kwalitajiet tal-bnedmin.

Fi sfond ta’ qerda mhux provokata u disperazzjoni kbira, qegħdin naraw l-għaqda, qegħdin naraw l-empatija u anki sens ta’ solidarjetà fost il-ġnus; xi ħaġa li ilna ma naraw għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Ningħaqad mal-Qdusija Tiegħek, fl-appelli kostanti u ripetuti għall-waqfien immedjat ta’ dawn l-attakki tal-waħx filwaqt li nkomplu nipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa lill-vittmi l-aktar vulnerabbli ta’ din il-gwerra.

Jeħtieġ li nirriflettu fuq x’tip ta’ wirt irridu nħallu warajna għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Sfortunatament, aħna lkoll medhijin bil-gwerra u l-qerda meta l-attenzjoni sħiħa tagħna għandha tkun xi mkien ieħor.

Santità,

Il-pjaneta tagħna hija marida, irrabjata u għajjiena.

Minkejja dan, għadna qed ninjoraw is-sinjali ċari tat-tħassir ambjentali, tat-tibdil fil-klima u tal-isfruttament tar-riżorsi tad-dinja.

Qegħdin nagħtu biżżejjed attenzjoni lis-sinjali ċari li d-dinja qiegħda tagħtina, jew neħtieġu aktar xhieda li tikkonvinċina li l-ambjent uman u naturali qegħdin imorru għall-agħar b’rata tant mgħaġġla?

Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-ambjent uman u naturali huma minsuġa flimkien.

Ekoloġija vijabbli u sostenibbli tinkiseb biss bil-preservazzjoni u t-trawwim tad-dimensjonijiet umani, soċjali u ambjentali.

Minkejja d-diversi inizjattivi, l-intenzjonijiet tajba kollha u l-wegħdiet ripetuti, għadna ’l bogħod milli nilħqu l-għanijiet tagħna dwar l-ambjent u l-iżvilupp. Diffiċli wieħed jifhem għaliex l-umanità tibqa’ twebbes rasha li teqred u tbiddel is-sbuħija tan-natura bil-bini u l-proġetti tagħha.

Faċli nsemmu l-miri tagħna għas-sostenibbiltà, iżda huwa diffiċli li dawn niksbuhom u nżommuhom.

Kif diġà semmejt, il-kunflitti għadhom mifruxa u qed jippersistu f’dan il-villaġġ globali, u b’xi mod tiġina t-tentazzjoni nagħlqu għajnejna, jekk mhux ukoll niġġustifikaw l-eżistenza tagħhom.

It-tentazzjoni li ninjorawhom jew li ndawru ħarsitna banda oħra hija kbira ħafna.

Jista’ jkun li minħabba l-interessi u l-ambizzjonijiet tagħna; forsi minħabba n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmi regolatorji maħsuba biex jindirizzaw dawn il-kunflitti fil-livelli lokali, reġjonali u internazzjonali; jew minħabba li ċerti regoli u prinċipji ma jgħoddux għal kulħadd l-istess.

Il-fattur komuni tal-kunflitti kollha jibqa’ l-produzzjoni, il-bejgħ u t-tixrid ta’ armi, armamenti, u munizzjon.

Kif inti enfasizzajt kemm-il darba, Santità, dan huwa l-għajxien tal-industrija tal-armamenti; industrija li fuqha jserrħu ekonomiji ta’ pajjiżi sħaħ.

Dan qed narawh iseħħ fil-pajjiżi qrib tagħna, fil-Mediterran, iżda wkoll aktar lil hinn, fil-kriżijiet li ilhom żmien twil għaddejjin fis-Sirja u l-Jemen, li diġà aċċennajt għalihom.

Fir-reġjun tagħna, u madwar id-dinja – u hawnhekk naqsam bis-sħiħ is-sentimenti tal-Qdusija Tiegħek – nixtieq nara inqas proliferazzjoni ta’ armi u munizzjon, inqas kummerċjalizzazzjoni u t-twaqqif tat-tellieqa tal-armi li twassal biss għal vjolenza bla tmiem, firda, kriżijiet umanitarji, ħrib miż-żoni ta’ kunflitt, kif ukoll imwiet, minħabba li ma jkunux jistgħu jaslu l-provvisti ta’ ikel u mediċini f’dawn iż-żoni ta’ kunflitt.

Ibqa’ ċert, Santità, li Malta ser tkompli twettaq bla waqfien il-missjoni tagħha li twettaq id-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-pajjiżi, il-kulturi u r-reliġjonijiet li jagħmlu l-Baħar Mediterran tagħna, reġjun uniku.

Il-vokazzjoni ta’ Malta tibqa’ t-tfittxija, il-ħarsien u t-tisħiħ tal-paċi, u ser nibqgħu nirsistu fil-ħidma tagħna lejn dan il-għan.

Ser nibqgħu nfittxu b’mod attiv soluzzjoni umana, ġusta u ekwa għall-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari.

Santità,

Nafu bis-sentimenti qawwija tiegħek dwar din il-kwistjoni, u aħna lkoll inħossu l-istess uġigħ u frustrazzjoni kull meta naraw iġsma mejta jittellgħu mill-mewġ fuq xtutna, jew meta l-migranti jaslu fostna f’sitwazzjonijiet li jġibulek ħniena – dejjem jekk jirnexxilhom jaslu.

Malta qatt ma qagħdet lura mill-impenji u l-obbligi tagħha biex issalva l-ħajjiet.

Dan dejjem għamilnieh u ser nibqgħu nagħmluh.

Madankollu, meta wieħed iqis id-daqs tal-pajjiż u kemm jiflaħ, aħna qegħdin nibqgħu nitolbu s-solidarjetà minn pajjiżi oħra li mhumiex esposti daqsna, iżda li għandhom ir-riżorsi, l-opportunitajiet u l-potenzjal biex jilqgħu migranti.

Id-dokumenti, il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-politiki nnegozjati mhuma ser iwasslu mkien jekk mhux ser ikun hemm ir-rieda politika li naġixxu u npoġġu fil-prattika dak li nkunu qbilna fuqu.

F’dan il-kuntest, ippermettili Santità, nisħaq fuq l-apprezzament tagħna għat-tema magħżula biex titfakkar iż-żjara tiegħek: “Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”, meħuda mill-Atti tal-Appostli.

Irrid hawnhekk infakkar il-ħidma kbira li l-komunitá ekklesjali għamlet tul is-snin u għadha qed twettaq permezz tal-istituzzjonijiet u l-parroċċi.

Din il-ħlewwa, ser inkomplu nuruha u ngħixuha, bħala nazzjon, kull meta nirreaġixxu għat-tbatija ta’ ħaddieħor.

Dan bħalissa qed nagħmluh fl-azzjonijiet meħuda mill-Gvern u mill-poplu Malti fl-appoġġ tagħna lil ħutna Ukreni permezz tal-għoti ta’ għajnuna umanitarja u l-attenzjoni mogħtija lit-tfal morda tagħhom.

Santità,

Mhix l-intenzjoni tiegħi li ntaqqal iż-żjara tiegħek b’din is-sensiela ta’ problemi, li ser inkomplu nindirizzaw kemm bħala pajjiż indipendenti, kif ukoll mas-sħab tagħna bħala membri attivi tal-komunità internazzjonali.

Ma’ dawn il-problemi, ser nazzarda għalhekk insemmi xi ftit soluzzjonijiet possibbli.

Ma kienx hemm bżonn tfittxija fit-tul għalihom.

Ilkoll nistgħu ngawdu mill-għerf bil-bosta li jinsab fil-kitbiet ta’ ispirazzjoni li l-Qdusija Tiegħek taqsam mad-dinja b’mod regolari.

Għandi f’moħħi dokumenti bħal Fratelli Tutti, Laudato Sì, u d-Dokument dwar il-Fraternità Umana għall-Paċi fid-Dinja u l-Konvivenza Komuni, biex insemmi biss ftit minnhom.

Jagħtini l-kuraġġ ukoll, u anki l-faraġ – il-messaġġ tiegħek għall-Jum Dinji tal-Paċi f’Jannar ta’ din is-sena bil-politika ċara tiegħu biex niksbu l-paċi – li jikkundanna l-gwerer u l-kunflitt, l-individwaliżmu, u t-tħassir tal-ambjent.

Irridu naqilbu l-folja.

Irridu nibdew billi nerġgħu niksbu l-fiduċja f’xulxin billi nitkellmu aktar ma’ xulxin.

Nistgħu nibdew b’aktar taħditiet u djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet differenti.

Jeħtieġ li nsaħħu r-rabta bejn l-edukazzjoni, it-tagħlim u l-paċi.

U jeħtieġ li nħarsu x-xogħol dinjituż bħala l-pedament tal-ġustizzja u s-solidarjetà.

Għandna wkoll nagħtu valur akbar lir-rwol tan-nisa fis-soċjetajiet kollha u nħallu dejjem iżjed liż-żgħażagħ tagħna jmexxu bidla pożittiva u npoġġuhom fil-qalba ta’ koeżistenza paċifika.

Dan huwa vjaġġ li jeħtieġ li nagħmlu flimkien.

Dan huwa l-qofol tal-ħidma tiegħek, Santità, biex tippromwovi l-kunċett ta’ Sinodalità.

Jeħtieġ li noħolqu u ninvestu l-enerġiji tagħna fi proċess universali u inklussiv li jisma’ l-vuċi ta’ kulħadd, u li jkun miftuħ għall-akbar parteċipazzjoni possibbli.

Fuq kollox, Santità, Malta ser iżżomm il-wegħda tagħha li tieħu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli fil-komunità tagħna – dawk li jinsabu waħedhom, dawk maħkuma mill-uġigħ fiżiku u psikoloġiku, dawk li jħossuhom abbandunati, u dawk imġiegħla jbatu fis-silenzju.

Fl-aħħar nett, fuq kollox għandna nirrispettaw il-qdusija tal-ħajja, mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha.

Santità, għażiż missierna Franġisku

Inroddulek kull ħajr talli ġejt iżżurna, u nagħtuk l-akbar merħba f’dawn il-gżejjer li tant jgħożżuk.

Inwegħduk li permezz tal-miġja tiegħek fostna, ser inkomplu ningħaqdu bejnietna u nħabirku għall-paċi madwarna.

Fuq kollox inwegħduk li ser tibqa’ dejjem fi ħsibijietna, u kif dejjem tħeġġiġna nagħmlu, ser inkomplu nitolbu għalik.

Skip to content