The President of Malta

Speech delivered by His Excellency President Vella on Republic Day in Gozo, 18th December, 2021 (Speech in MT)

Il-ħsieb tiegħi kien li niġi hawnhekk u magħkom naqsam l-istess ħsibijiet u forsi nagħtuhom anki daqsxejn laqta min-naħa ta’ kif nistgħu narawhom fl-interessi ta’ Għawdex. Ovvjament kont se nitkellem fuq dak li għaddejna minnu matul l-aħħar sena, fejn ovvjament kulħadd jaf li l-iktar ħaġa importanti kienet il-mod kif kellna naffaċċjaw u kif ngħixu bl-infezzjoni tal-COVID. U kont ukoll se nagħmel riflessjonijiet fuq dawk l-aspetti kollha tal-ħajja li normalment wieħed jitkellem fuqhom.

Jiena għamilt in-noti ħalli kemm jista’ jkun ma ndumux. Però, bħalma tafu, meta tkellimt hemmhekk, tkellimt fuq il-fatt tal-isfidi li għad għandu pajjiżna quddiemu u għamilt referenza għall-kwistjoni tal-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia u xtaqt li kemm jista’ jkun il-proċess legali jingħalaq kemm jista’ jkun malajr ħalli min ħaqqu jieħu dak li għandu jieħu, jieħdu.

Tkellimt ukoll fuq ir-riformi Kostituzzjonali li għamilna, kemm taħt il-pressjoni tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-Kummissjoni Venezja. U anki fuq inizjattivi li ħadt fil-Presidenza, fosthom l-idea li nitkellmu fuq l-Għaqda Nazzjonali – nagħmel referenza iktar tard għaliha; konferenza li daħlet fil-fond dwar l-Istat tan-Nazzjon u l-ħsibijiet u l-mod kif qed jaħseb il-Malti llum il-ġurnata; apparti l-konferenza l-oħra li għamilna tal-100 sena mill-għeluq tal-Kostituzzjoni parzjalment tas-Self-Government.

Għamilt ukoll riflessjoni, u riflessjoni b’responsabbiltà, rigward il-fatt li qegħdin noqorbu lejn elezzjoni u l-appell tiegħi kien li wieħed jafda li l-awtoritajiet regolatorji, kemm f’dak li huwa xandir u f’kemm dak li huwa proċess elettorali, jaraw li l-affarijiet imorru kif għandhom imorru ħalli żgur ma jkunx hemm problemi f’dak li huwa t-tħaddim tad-demokrazija.

Il-kwalità tal-ħajja daħħaltha wkoll fid-diskors tiegħi u missejt suġġetti bħalma huma l-ambjent, li repetutament nitkellem fuqu, u nappella, għal darb’oħra, biex l-awtoritajiet li suppost jirregolaw, jirregolaw fil-fatt dak li qed jiġri; il-kwistjoni tal-migrazzjoni, fejn ilmentajt il-fatt li qed nitħallew waħedna, u l-Unjoni Ewropea mhix qed tgħinna kif wieħed jistenna li jkun megħjun min-naħa tagħha; it-trasport, li hu problema li rridu naffaċċjaw; u ovvjament imbagħad għamilt anki referenzi għall-abbuż li jsir mis-social media, speċjalment fejn tidħol il-kwistjoni ta’ hate speech. Dan huwa kollu bżonn ta’ edukazzjoni u edukazzjoni kbira li għandna bżonn.

Fuq il-livell internazzjonali għamilt referenzi għal dawk li huma theddid li jolqtu lil kulħadd. Ovvjament għandek il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, illi għalkemm wieħed ma jarahx b’mod drammatiku minn ġurnata għall-oħra, però qiegħed hemmhekk u minn żmien għall-ieħor qegħdin naraw kif qed jirreaġixxi t-temp, kemm f’pajjiżna u kemm f’pajjiżi oħra. U li hemm miri ta’ żvilupp li huwa sostenibbli li rridu bilfors nilħquhom.

Waħda mill-affarijiet li għamilt referenza għaliha ukoll kien, u huwa importanti ħafna, ir-rwol tal-President. U hawnhekk ħa norbot, u għalhekk dan li ktibt hawnhekk mhux se nużah, ħalli norbot mad-diskors interessanti li għamel l-E.T. il-Mons. Vella Gauci u l-mistoqsijiet nibbiexa li għoġbu jagħmel fuq ir-repubblika. Ir-Repubblika li qegħdin niċċelebraw, li ħadna rajna f’idejna, għamilna l-Kostituzzjoni Repubblikana tagħna, u qed inħaddmuha.

U l-mistoqsijiet tal-Monsinjur kienu jekk aħna għaddejniex matul dan iż-żmien kollu, the test of time. Jekk iż-żmien uriniex li aħna għaddejjin fit-triq it-tajba. U kulħadd jaf li matul dan iż-żmien kollu, kien hemm sitwazzjonijiet fejn il-Kostituzzjoni tagħna u r-regolamenti tagħna dehru li kienu mankanti, u kellhom bżonn jiġu mibdula u kellhom bżonn jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi.

Ħafna drabi għamilna tibdil tajjeb, tibdil li ta riżultati tajbin. Però ma ninsewx, u għamel tajjeb il-Monsinjur li aċċenna għall-fatt li għandek is-simboli tar-Repubblika, għandna l-bandiera, u għandek il-President.

Wieħed irid jifhem li Repubblika ma tfissirx repubblìk, fis-sens li rajna f’idejna u nagħmlu li rridu. Repubblika tfisser li għandek stat li huwa ddefinit fil-politika, li għandu n-normi u r-regolamenti tiegħu li huma ġestiti kollha fil-Kostituzzjoni. Li inti għandek korp ta’ liġijiet li jorbtu mill-kbir saż-żgħir.

U aħna, f’dawn is-snin kollha, imxejna u mxejna tajjeb għaliex dejjem irrispettajna l-Kostituzzjoni. Tant irrispettajna l-Kostituzzjoni, li għandna wkoll dawk li ngħidulhom Qrati Kostituzzjonali biex fejn ma nirrispettawx il-Kostituzzjoni, tkun tista’ tiġi akkużat hemmhekk li inti mhux qed tirrispetta l-Kostituzzjoni.

Għaliex? Għax il-President mhuwiex l-ogħla awtorità tal-pajjiż. Il-President jirrappreżenta l-Istat, però m’għandux il-poteri eżekuttivi li għandu l-Gvern. Għaliex? Għax din hija demokrazija bbażata fuq ir-rappreżentanza demokratika. Jiġifieri l-poplu, li huwa l-fonti tal-poter kollu, jagħti l-poter tiegħu, jiddelega l-poter tiegħu lill-Membri Parlamentari biex jirrappreżentawh fil-Parlament ta’ pajjiżna.

Ir-rwol tal-President mhuwiex li jqum filgħodu u jiddeċiedi jekk jaqbilx ma’ din jew ma jaqbilx mal-oħra. Il-Parlament huwa l-post fejn isiru l-liġijiet ta’ pajjiżna. U l-Parlament għandu anki n-normi tiegħu li jiddeċiedi b’sistemi kkontrollati mill-ispeaker, jadotta liġijiet li jkun wiegħed lill-poplu li se jagħmel, u li l-poplu jkun tah il-fiduċja biex dawk il-liġijiet jagħmilhom.

Mela qegħdin naraw poter dirett tiela’ mill-grassroots, mingħand in-nies, għal għand id-delegati, għand il-Membri Parlamentari, għal ġol-Parlament biex fl-aħħar mill-aħħar tittieħed id-deċiżjoni.

F’dan kollu, il-Parlament ukoll huwa marbut bil-Kostituzzjoni, daqskemm huwa marbut bil-Kostituzzjoni l-President.

Il-Monsinjur semma vuċi popolari. Issa l-vuċi popolari tista’ tismagħha, imma kif se tkejjilha? Il-vuċi popolari kif titkejjel? Kemm hi kbira? Min għandu l-ikbar mikrofonu? Min għandu l-ikbar loudspeaker? Min għandu ħafna mezzi kif jiġbor in-nies warajh?

F’demokrazija, vuċi popolari titkejjel b’dak li jgħidulu għajta għal referendum, li f’pajjiżna jista’ jkun konsultattiv jew inkella abrogattiv – jiġifieri li tneħħi bih liġi li tkun saret, jew inkella tagħti parir dwar x’tixtieq tara li jsir. Dawk huma ż-żewġ mezzi li għandna llum.

Il-vuċi popolari trid tismagħha. U nista’ ngħid li l-President il-vuċi popolari jismagħha, imma li jista’ jagħmel biha huwa li jwassal ħsibijietu lil min qiegħed fil-poter, fil-veru poter eżekuttiv, li għandu s-saħħa li jagħmel il-liġijiet, u jista’ forsi jagħtih il-parir tiegħu. Però bl-ebda mod ma jista’ l-President, bil-Kostituzzjoni tagħna, jimponi d-deċiżjonijiet tiegħu fuq dawk ta’ ħaddieħor li qed jirrappreżenta lill-Parlament.

Tant hu hekk, għandna speaker emeritu li jista’ jgħallimni fuq l-affarijiet hawnhekk, il-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament, skont il-Kostituzzjoni tagħna, li hija l-aqwa liġi li għandna fil-pajjiż, iridu jiġu ffirmati mill-President, kważi kważi, b’mod immedjat. Jista’ jħalli ġimgħa, jista’ jħalli tnejn, però ma jistax jinjora d-demokrazija Parlamentari u jieħu l-poter f’idejh għax nispiċċaw bi President li jsir jikkmanda kollox hu. Li mhijiex il-Kostituzzjoni tagħna. Mhijiex dak li tikkontempla l-Kostituzzjoni.

Issa tgħidli: “Tista’ titbiddel is-sistema?”, imma dik storja oħra. Kemm jingħata poteri l-President, għada pitgħada, hija storja oħra. Però sal-lum, m’għandux il-poter li jinjora liġi li tkun għaddiet b’mod demokratiku mill-Parlament, jaqbel jew ma jaqbilx magħha, sakemm m’għandux oġġezzjoni morali gravi li jippreferi li jagħlaq kollox u jitlaq lejn id-dar milli jiffirma dik il-liġi. Sakemm m’hemmx oġġezzjoni morali gravi, u ħafna jafu għalxiex qed nirreferi, hemmhekk m’hemmx logħob mal-kuxjenza. Dak wieħed jaqbad u jitlaq.

Però fejn m’hemmx din il-gravità ta’ oġġezzjoni, l-obbligazzjoni hi bilfors li tiffirma l-liġi li tgħaddi mill-Parlament. Għax, kif għidt, inkella l-President isir jikkmanda hu fil-Parlament, u jibda jiddeċiedi jekk il-baġit li għadda mill-Parlament jiffirmahx jew le, jekk dik il-liġi li kienet imwiegħda fil-programm elettorali jiffirmahiex jew le u nispiċċaw balliju sħiħ.

Dan qed ngħidu għaliex nitkellmu ħafna fuq il-President, fuq il-Kostituzzjoni, u niktbu u nitolbu u nagħmlu, imma edukazzjoni politika m’għandniex. U għalhekk ħadt l-ispunt, u nirringrazzjak, li ħadt l-ispunt minn dak li tkellem il-Monsinjur Vella Gauci li nagħmlu ċar ċerti affarijiet li f’moħħ ħafna nies, u ngħid ħafna minnhom anki b’intenzjonijiet tajbin, jippretendu dak li wieħed ma jistax jagħmel.

Wieħed irid jifhem li kull persuna fil-ġerarkija leġiżlattiva u eżekuttiva ta’ pajjiżna, u anki ġudizzjarja, taqa’ taħt il-Kostituzzjoni. Però mbagħad, iktar u iktar huwa serju u gravi fuq spallejn il-Kap tal-Istat li jara li jibqa’ jkollok l-istabbiltà politika. Ma jistax, ngħid kapriċċjożament, joħloqlok kriżi Kostituzzjonali. Ma jistax jara li jkollok instabbiltà politika. Irid jara li jkun hemm il-governabbiltà, li l-pajjiż jibqa’ għaddej. Mhux inwaqqfu kollox ħalli nbiddlu l-President, ħalli nagħmlu hekk, nagħmlu hekk, nagħmlu hekk.

Dawn huma riflessjonijiet li wieħed irid jagħmilhom u jrid jifhimhom għaliex, kif għidt, l-ewwel u qabel kollox, il-President irid ikollu rispett għall-istat tad-dritt, il-governabbiltà, l-istabbiltà politika u anke lejn l-istess Kostituzzjoni.

Wieħed jista’ jirrifletti u jgħid: “Isma’, imma dan sew? Ma nistgħux nagħmlu hekk?”, imma dan diskors ieħor. X’nistgħu nagħmlu u x’nistgħu nbiddlu fil-futur hija xi ħaġa oħra.

Meta għamilna l-ġbir tal-opinjonijiet dwar it-tibdil li wieħed jista’ jara fil-Kostituzzjoni kien hemm min tkellem fuq li jingħataw poteri ġodda lill-President. F’pajjiżi oħra għandek Presidenti li jiġu eletti direttament mill-poplu. Jivvutaw għalih u jiġi elett bħalma jtellgħu lil membri tal-Parlament u allura hemmhekk imbagħad, ma’ dak it-tip ta’ Presidenti, jintrabtu b’poteri oħra.

Imma dan mhuwiex il-każ tagħna. Sal-lum aħna qegħdin bis-sistema li writna mill-Gvernaturi Ingliżi, sar tibdil fil-Kostituzzjoni tagħna, però l-affarijiet huma kif inhuma llum.

U dan kollu qed ngħidu fl-isfond ta’ dak li qegħdin nisimgħu ħalli dak li jkun jifhem x’inhu għaddej. Li mhix kwistjoni ta’ wieħed li għandu xi poter u jisfida lil ħaddieħor biex ma jagħmlux, imma li wieħed irid iħaddem il-poter li għandu b’rispett u b’kunsiderazzjoni lejn il-kelma u l-intenzjoni tal-Kostituzzjoni. Ma jistax wieħed jgħid: “Jiena llum irrid nagħmel hekk, għax hekk fettilli li rrid nagħmel”. Wieħed jista’ jagħmel hekk imma mbagħad it-taħwid politiku u l-instabbiltà politika li tiġi hija xi ħaġa li wieħed żgur ma jkunx iridha.

F’pajjiżna għandna l-awtoritajiet regolatorji. Uħud minnhom huma l-qrati pereżempju, għandna l-Planning Authority, għandna ħafna awtoritajiet. Huwa importanti, f’demokrazija moderna, li biex jonqos l-involviment dirett tal-Eżekuttiv, tal-Prim Ministru, tal-Ministri, tal-Membri Parlamentari eletti, tiddelega lil ċerti awtoritajiet li jkollhom assigurazzjoni ta’ ċertu indipendenza, biex jieħdu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn. F’ħafna oqsma. Dik hija d-demokrazija ’l fejn hija miexja llum il-ġurnata. Imma xorta hemm il-fatt li dawn l-awtoritajiet, l-ewwel u qabel kollox, irid jappuntahom il-Parlament. U jridu jappuntawhom in-nies li ġew magħżula mill-poplu biex jirrappreżentawhom fis-sistema demokratika li għandna.

U dan qed ngħidu, u nirrepeti, forsi biex dak li jkun jifhem li mhijiex, kif ħafna jaħsbu – niftakar meta kont Ministru meta xi ħadd jitolbok xi ħaġa, tgħidlu: “Ma nistax”, u jgħidlek: “U mhux daqqa ta’ pinna?” – ħafna jaħsbu li inti jkollok il-poter li tagħmel li trid, meta inti fuqek għandek il-liġi suprema li hija l-Kostituzzjoni.

U jien dan hu li ridt inwassal illum, ħalli wieħed jifhem li mhux lakemm dak li nixtiequ. Ix-xewqat tagħna nistgħu nwassluhom meta qegħdin nagħżlu lil min ħa jmexxina. Meta qegħdin nagħżlu lil min ħa jirrappreżentana fil-Parlament, lil min qed iwegħedna ċerti affarijiet. Hemmhekk nagħmlu l-għażliet tagħna. Però ladarba għamilnihom, imbagħad irridu nħallu fis-sistema tagħna, tar-rappreżentanza demokratika, inħallu lir-rappreżentanti jiddeċiedu huma x’se jsir minn dawk il-wegħdiet.

Imma mkien, imkien fil-Kostituzzjoni tagħna ma jgħidlek: “Issa fl-aħħar, imbagħad, il-President jiddeċiedi jekk jaqbilx jew le”. Din hija xi ħaġa li assolutament ma tagħmel l-ebda sens. Hemm poteri limitati tal-President, huma ċari kif joħorġu mill-Kostituzzjoni, huma limitati ċar u ħadd ma jista’ jaqbad u jgħid “Jiena dan mhux se nagħti kasu, ħa mmur over dak li tippermettili l-liġi”. Għaliex l-ewwel nett tiġi kkontestat  fil-Qorti Kostituzzjonali, għax dik is-sistema ta’ checks and balances li hemm, u toħloq ukoll taħwid Kostituzzjonali li mhuwiex fl-interess tal-pajjiż.

Jiena dan qed ngħidu ċar u tond ħalli ma jkunx hemm ambigwità. U nirringrazzja mill-ġdid nerġa’ lill-Monsinjur li tani l-opportunità meta kien qed jitkellem fuq ir-Repubblika biex wieħed jifhem li t-test li semma, u l-passaturi li semma, li huma veru, huma dawn it-tip ta’ passaturi, fosthom il-Kostituzzjoni, il-Qrati Kostituzzjonali, il-Parlament, li jgħarblu li dak li jrid il-poplu jgħaddi minn dawn is-sistemi biex fl-aħħar mill-aħħar veru li tkun qed tirrappreżenta dak li jrid il-poplu, u mhux dak li jrid kien min kien. Għaliex kif qed insemmu, b’dawn is-sistemi, li wieħed qed jippretendi li inti tirkeb dak li ddeċieda l-Parlament, ħa tispiċċa toħloq dittatur li jgħid: “Hawnhekk nikkmanda jien. Illum din il-liġi togħġobni, u din ma togħġobnix u ma niffirmahiex”.

Dan mhuwiex il-mod kif jimxi pajjiż demokratiku. Sal-lum għandna l-Kostituzzjoni li għandna, jista’ jkun li maż-żmien ċerti tibdiliet isiru għaliex bħal kwalunkwe ħaġa oħra kollox jevolvi. Għaliex le? Però qabel ma jsiru t-tibdiliet u qabel ma jkun hemm il-bdil, irridu, u anki jekk ma rridux, nobdu u nimxu mal-Kostituzzjoni li għandna. Dik hija l-Kostituzzjoni li aħna ħadna l-ġurament meta ħadna l-Uffiċċju, kemm aħna, kemm il-Membri Parlamentari, kulħadd. U rridu nirrispettaw il-Kostituzzjoni.

Min huwa ta’ ħsieb differenti, jien forsi nista’ nagħdru u nista’ nifhmu, però ma jistax jippretendi li xi ħadd, tmur għand Ministru, tmur għand Prim Ministru, għand President, u tgħidlu: “Agħmel hekk”, jgħidlek: “Jiena għandi r-regolamenti u rrid nimxi magħhom”.

Skużawni li dħalt f’dan id-dettall però ħadt l-ispunt milli qal il-Monsinjur Vella Gauci. Spunt importanti ħafna għaliex meta nitkellmu fuq Repubblika rridu nifhmu li jekk aħna qegħdin immexxu lilna nfusna, irrid ikollna anki ċerti kontrolli fuq dak li rridu nagħmlu u dak li ma rridux nagħmlu. Għax kemm-il darba jintelqu l-kontrolli u kulħadd jieħu rajh f’idejh, ikollna burdell, kif bil-Malti ngħidu nsiru repubblìk, kulħadd jagħmel li jfettillu. Mhux dik ir-Repubblika li għandna. Ir-Repubblika hija marbuta bil-liġijiet, marbuta bir-regolamenti u aħna, kull wieħed minna marbut, suġġett, li nobdu u nbaxxu rasna lill-Kostituzzjoni, li ħadna ġurament li nirrispettaw meta ħadna l-Uffiċċji li għandna llum.

Jiena nirringrazzjakom, skużawni li ħadt din il-linja, però naħseb li kien opportun fl-Anniversarju tar-Repubblika li nifhmu għall-inqas aħna min qed imexxina u kif qegħdin nimxu. Għax is-sistema tat-tmexxija hija importanti daqs kull ħaġa oħra li għandna f’dan il-pajjiż.

Nirringrazzjakom.

Skip to content