The President of Malta

Speech delivered by President of Malta George Vella on the occasion of Republic Day

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE PRESIDENT

Onorevoli Prim Ministru

Onorervoli Speaker

Onorevoli Ministri

Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni

Kollegi Presidenti Emeriti

Eċċellenzi

Mistednin Distinti

It-13 ta’ Diċembru huwa Jum ir-Repubblika, jum li fih niċċelebraw l-istatus Repubblikan ta’ pajjiżna, l-istatus politiku miksub wara sekli ta’ dominazzjoni u tmexxija mill-barrani.

Fuq kollox, niċċelebraw lil dan il-poplu li tul l-istorja tiegħu dejjem bena fuq dak li ħallewlu l-antenati tiegħu, filwaqt li żamm il-pass maż-żminijiet, u bidel lilu nnifsu skont il-bżonn.

L-istatus Repubblikan huwa status li jiddikjara li għandna rajna f’idejna u li pajjiżna bi dritt immexxuh aħna, iċ-ċittadini Maltin, bit-tgawdija tas-sovranità, u ħielsa minn kull indħil.

Saret drawwa li f’dan il-jum, minbarra li nieħdu l-okkażjoni biex nagħrfu u nagħtu dekorazzjonijiet xierqa lil dawk li jkunu b’xi mod jew ieħor ikkontribwew biex ngħollu aktar ’il fuq isem pajjiżna, il-President tar-Repubblika, jaqsam mal-poplu Malti u Għawdxi ħsibijietu dwar dak li jkun għaddej minnu pajjiżna, kif ukoll dwar it-tamiet u x-xewqat li jkollu dwar il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż.

Dan isir f’ambitu ta’ rispett lejn l-opinjonijiet differenti li jeżistu f’pajjiżna dwar kwistjonijiet differenti, kif ukoll b’lealtà kostituzzjonali lejn il-fehmiet tal-Eżekuttiv, u dawk tal-maġġoranza kif mistenni f’pajjiż immexxi minn demokrazija parlamentari, mibnija fuq id-demokrazija rappreżentattiva. Dan isir mingħajr ma jiċċekknu l-vuċi jew l-irwol ċentrali tal-minoranzi li f’kull demokrazija huma sħab importanti u meħtieġa biex tiġi xprunata soċjetà ġusta u inklussiva.

Bħala President tar-Repubblika għandi poteri eżekuttivi limitati, u għalhekk inħoss li dak li ngħid u dak li nissuġġerixxi waqt konsultazzjonijiet siekta, ikollu valur aktar bħala parir li jġorr miegħu kunsiderazzjonijiet u ħsibijiet meqjusa, milli bl-istennija li dak li ngħid jiġi b’xi mod rifless awtomatikament f’xi leġiżlazzjoni.

Id-dover Kostituzzjonali tiegħi jitlob li qabel kollox niżgura t-twettiq tal-istat tad-dritt, il-governabilità, u l-ħarsien ta’ relazzjoni stabbli bejn il-Presidenza u l-istituzzjonijiet Kostituzzjonali l-oħra tal-pajjiż.

Jekk nistaqsu madwarna x’kien dak li l-aktar li okkupalna l-attenzjoni tagħna fis-sena li għaddiet, bla dubju ta’ xejn il-maġġoranza kbira tan-nies se jsemmu l-pandemija tal-COVID-19. U bi dritt!

Kulħadd jaqbel li din l-infezzjoni ħarbtitilna ħajjitna u ħolqitilna sitwazzjonijiet li qatt ma konna esperjenzajna qabel… sitwazzjonijiet li ridna naraw kif ngħixuhom, u possibbilment insolvuhom aħna u għaddejjin minnhom. Ma kellniex esperjenzi ta’ xi ħaġa simili qabel. Kollox kien ġdid.

Pajjiżna jibqa’ dejjem grat għall-professjonisti li meddew għonqhom għax-xogħol, billejl u binhar, u li bl-esperjenzi li bdew jieħdu minn dak li kien għaddej f’pajjiżi oħra, fasslu pjan ta’ azzjoni, li bil-koperazzjoni ta’ dawk kollha involuti fis-setturi u d-dipartimenti li kienet mistennija azzjoni minnhom, twettaq b’suċċess, waqt li kompliet tikber il-fiduċja tal-poplu f’dak kollu li kienu qegħdin jirrakkomandaw dawk li kienu fit-tmexxija.

Lejn dawn kollha, pajjiżna jibqa’ dejjem grat.

Pajjiżna, min-naħa l-oħra, jibqa’ dejjem iddispjaċut għal ’il fuq minn 470 ruħ li spiċċaw vittmi ta’ din il-pandemija, u nisslu tant diqa, frustrazzjoni u dispjaċir fost l-għeżież tagħhom bl-imwiet tagħhom.

Il-pandemija għadha ma telqitniex għalkollox, u jkun prematur jekk xi ħadd jagħmel xi previżjonijiet dwar kif se ġġib ruħha fil-futur. Li nafu żgur li, grazzi għall-miżuri meħuda, u fuq kollox it-tilqim fuq skala nazzjonali, għaddejjin minn perjodu li fih jidher li għandna ċertu kontroll fuq it-tixrid tagħha ġewwa pajjiżna, dejjem jekk ma jitfaċċawx xi varjanti ġodda aktar infettivi.

Li huwa żgur hu li matul is-sena li għaddiet, din il-pandemija kellha effetti qawwija fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, fuq il-ħajja soċjali tagħna, u fuq is-saħħa mentali tal-faxex kollha tas-soċjetà Maltija, mit-tfal iż-żgħar sal-anzjani tagħna.

Dan kollu għadna qegħdin nirpiljaw minnu, kif wara kollox qegħdin jagħmlu ħafna pajjiżi madwar id-dinja li għadhom għaddejjin minn din l-esperjenza wkoll. Fuq dan il-punt, irrid li nirriflettu fuq il-fatt li din il-pandemija, għal darba oħra jekk kien hemm għalfejn, urietna biċ-ċar il-qasma kbira li teżisti fid-dinja, bejn il-pajjiżi żviluppati u sinjuri, u dawk anqas żviluppati u foqra.

Il-popli ta’ pajjiżi foqra, għax m’għandhomx biex jixtru t-tilqim, jibqgħu mingħajru. Il-pandemija wrietna għal darba oħra din ir-realtà li għandna madwarna. Ir-realtà li s-solidarjetà li tant nitkellmu fuqha, ħafna drabi hija biss kelma li ma tissarraf f’xejn.

Irrid ngħid li affaċċjat b’din ir-realtà, pajjiżna, mill-ftit mezzi ta’ lbies ta’ protezzjoni, u tilqim żejjed li kellu, qassmu u offrieh b’xejn lil pajjiżi oħra.

Affaċċjati bir-realtà ġdida li ġabitilna magħha l-COVID-19, f’pajjiżna rnexxielna npoġġu s-solidarjetà fil-prattika, mhux biss bejnietna, imma anke ma’ popli barranin.

Konxji tar-restrizzjonijiet li imponejna fuqna minħabba l-COVID, pajjiżna qiegħed b’għaqal, bil-galbu, u b’kawtela kbira, ibexxaq bil-mod il-mod il-bibien, biex jerġgħu jinfetħu l-kuntatti ma’ barra ħalli r-rota tal-ekonomija tibda terġa’ ddur… speċjalment fil-qasam tat-turiżmu, minbarra setturi oħra.

Sadanittant pajjiżna matul din l-aħħar sena kellu żewġ sfidi oħra li ried jaffaċċja.

Waħda minnhom kienet it-tfittxija għall-ġustizzja, u għat-twettiq tal-ħaqq ma’ dawk li kienu involuti fl-assassinju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia. Ix-xewqa ġenerali hija li l-aspett investigattiv, u dak ġudizzjarju, iwasslu biex jinstab min kien responsabbli, u jingħata dak li ħaqqu. B’hekk wieħed jittama li l-aspett strettament legali jingħalaq. Il-feriti se jibqgħu. It-tagħlimiet li għandna nieħdu minn dan il-każ jibqgħu hemm biex nitgħallmu minnhom. Ħadd mhu ’l fuq mil-liġi. U l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jibqgħu għodda kruċjali għat-tħaddim ġust u demokratiku ta’ pajjiżna.

L-isfida l-oħra kellha x’taqsam mal-għajta li ġiet imbuttata ’l quddiem kemm mill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll minn elementi tas-soċjetà ċivili, biex ikun hemm aktar separazzjoni ta’ poteri fl-amministrazzjoni ta’ pajjiżna.

Fuq dawn il-proposti saru diskussjonijiet jaħarqu fi ħdan il-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, u eventwalment wasslu għal-leġiżlazzjoni li tat poteri ġodda lill-President tar-Repubblika f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħatriet tal-Membri tal-Ġudikatura, kif ukoll il-mod kif jiġi elett, u mneħħi jekk ikun il-każ, il-President stess.

Liġijiet oħra f’dan l-eżerċizzju inkludew is-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-Avukat tar-Repubblika, u l-mod kif jintgħażlu uffiċjali li jokkupaw karigi kostituzzjonali, bħall-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman, biex ikunu aktar rappreżentattivi tar-rieda parlamentari fil-ħatra tagħhom, u jkunu aktar sikuri fil-ħatriet tagħhom.

Id-diffikultajiet li għad hemm huma riżultat tal-fatt li fejn hemm bżonn il-qbil taż-żewġ terzi tal-appoġġ parlamentari għal ċerti ħatriet, u dan l-appoġġ ma jinstabx, ma hemmx dak imsejjaħ ‘anti-deadlock mechanism’ biex tiġi żblukkata s-sitwazzjoni. Il-każ tal-ħatra ta’ Ombudsman ġdid hija eżempju ta’ dan. Minn hawn nappella lill-partijiet ikkonċernati biex isibu persuna li jkun hemm qbil dwarha.

Bir-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa, l-attivitajiet fi ħdan il-Presidenza kienu limitati ħafna, u naqqsu bis-sħiħ il-kuntatti b’mod fiżiku kemm ma’ barranin, kif ukoll mal-Maltin.

Ix-xewqa li naħdmu biex innaqqsu d-differenzi bejnietna, fit-triq għall-għaqda nazzjonali, minkejja dawn ir-restrizzjonijiet, sabet espressjoni qawwija ħafna fil-konferenza dwar dan is-suġġett li ġiet organizzata mill-Presidenza.

Tkun kemm tista’ tkun ’il bogħod din il-mira, xorta nħoss il-ħtieġa li nkomplu naħdmu biex bit-tnaqqis tad-differenzi bejnietna noqorbu dejjem aktar lejn dan il-għan. Forsi ma napprezzawx kemm hemm diġà oqsma li fihom bħala poplu ninsabu diġà magħqudin.

Matul il-pandemija wrejna verament kif ikunu l-għaqda u s-solidarjetà bejnietna. F’maratoni ta’ ġbir ta’ fondi biex ngħinu lil ħaddieħor, bħalma nagħmlu fl-Istrina, joħroġ it-tajjeb kollu tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Fuq eżempji bħal dawn irridu nibnu t-tama li naslu biex inkunu dejjem eqreb xulxin f’oqsma oħra.

Żgur li mhux se nibnu fuq l-aġir ta’ dawk il-ftit li ma jiddejqux juru sentimenti ta’ razziżmu u ksenofobija, u ma juru l-ebda rispett lejn barrani li weġġa’ fuq ix-xogħol, jew xi ħadd li f’mument kritiku qiegħed jikkontempla jneħħix ħajtu b’idejh jew le.

Il-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali, li se nħabbar it-twaqqif tagħha dalwaqt, se tipprovdi forum newtrali li fih jistgħu jinżammu diskussjonijiet fuq bosta suġġetti, u jitwettaq programm ta’ azzjoni biex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu d-differenzi bejnietna.

Il-Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, fejn ġie analizzat studju xjentifiku bbażat fuq statistika dwar kif jaħsbuha l-Maltin dwar diversi suġġetti li jiffurmaw parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, uriet ċerti aspetti li juru biċ-ċar kif qiegħda tiżviluppa s-soċjetà tagħna, biex tkun aktar liberali fil-ħsieb, filwaqt li tibqa’ pjuttost konservattiva fejn jidħlu ċerti valuri marbuta mat-twemmin, u l-fiduċja f’xulxin. Studju bħal dan li jixħet dawl fuq l-istat tan-nazzjon tagħna nemmen li għandu jkollu postu fil-kalendarju annwali ta’ pajjiżna.

Din kienet ukoll is-sena li fiha fakkarna l-100 sena mill-għoti mill-Gvern Kolonjali Ingliż, ta’ forma ta’ Responsabilità Amministrattiva Parzjali fit-tmexxija ta’ pajjiżna, l-hekk imsejjaħ ‘Self-Government’.

Minn hemm bdiet il-mixja tagħna, bi ftit skossi mhux ħażin, lejn kultura ta’ demokrazija parlamentari u rappreżentanza demokratika. Matul is-snin, il-Parlament għadda minn bidliet kbar fosthom it-tneħħija tas-Senat, u l-introduzzjoni ta’ numru ta’ Kumitati tal-Kamra li biddlu radikalment kif u fejn isir ix-xogħol ta’ skrutinju li huwa l-funzjoni primarja ta’ kull parlament.

Hemm ħafna suġġerimenti dwar kif il-Parlament tagħna jista’ jkun aktar assertiv u effiċjenti fix-xogħol tiegħu. Mhux eskluż li jista’ jkun hemm lok għal riformi, kemm dawk marbutin mas-sistemi elettorali, kif ukoll mal-mod kif titwettaq il-ħidma fi ħdan l-istituzzjoni hekk kruċjali għad-demokrazija.

Dawn, u ħafna aktar suġġerimenti dwar kif nistgħu ntejbu l-Kostituzzjoni tagħna, nispera li nkunu nistgħu niddiskutuhom, meta, ladarba jitneħħew ir-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija, inkunu nistgħu nerġgħu nibdew għaddejjin bil-proċess għar-riforma kostituzzjonali, u nsejħu l-Konvenzjoni biex tiddelibera, u tagħti opinjoni tagħha dwar il-ħafna proposti li nġabru mill-konsultazzjoni pubblika li għamilna s-sena l-oħra.

Li nawgura huwa li fil-ħidma parlamentari ta’ pajjiżna, jinżamm fl-ogħla prijorità l-livell ta’ dibattitu; u li l-istess Parlament jadotta u japplika sistemi aktar riġidi ta’ trasparenza, etika, u kontabilità. B’hekk biss nistgħu niżguraw li l-Parlament jiġbed lejh l-ogħla rispett, jikber ir-rispett reċiproku bejn il-parlamentari tagħna, u nħajru aktar ċittadini li għandhom kontribut x’jagħtu, jersqu lejn, u jimpenjaw ruħhom aktar fil-politika.

Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk il-mijiet ta’ Membri Parlamentari, u Speakers tal-Kamra tar-Rappreżentanti, li matul is-snin taw il-kontribut tagħhom biex issaħħet is-sistema parlamentari f’pajjiżna.

Fi ftit xhur oħra pajjiżna jrid jgħaddi minn eżerċizzju li huwa l-bażi tad-demokrazija… dak li jeleġġi b’vot ħieles il-gvern li l-poplu jrid li jmexxih għall-ħames snin li ġejjin.

L-appell tiegħi huwa biex bil-kalma u b’rispett sħiħ lejn l-intelliġenza tal-poplu, inpoġġu quddiemu b’mod ċar u bla ekwivoki dawk il-programmi ta’ ħidma, u dawk il-linji politiċi, li wieħed ikun lest iwettaq jekk ikun magħżul biex imexxi. Nawgura li dawk l-istrutturi kostituzzjonali li għandhom l-obbligu li jaraw li l-proċess elettorali jitmexxa b’mod demokratiku, bħalma ġara fil-passat, iserrħu ras il-poplu li dan iseħħ. Dan nawgurah ukoll kemm għal min huwa responsabbli għall-bilanċ fix-xandir, kif ukoll lil dawk kollha responsabbli għall-ħarsien tal-ordni pubbliku.

Min se jkun fit-tmexxija ta’ pajjiżna, minbarra li jrid jagħmel tajjeb għall-ħsara li għamlitilna u għadha qiegħda tagħmlilna l-COVID-19, irid ukoll jaffaċċja problemi, xi wħud ġodda, oħrajn qodma, li jinstabu f’kull soċjetà, anke f’dawk l-aktar żviluppati.

L-ebda waħda minn dawn il-problemi ma tista’ tiġi injorata.

Qiegħed nirreferi għall-problemi soċjali, li huma riżultat ta’ ħafna fatturi, li sfortunatament iġibu tbatijiet fuq min ikun vittma tagħhom. Qiegħed nirreferi għal dawk li minkejja kull forma ta’ għajnuna jibqgħu f’faqar kroniku, u f’sitwazzjoni soċjali prekarja. Uħud vittmi tal-użura.

Dawk li jispiċċaw vittmi tat-teħid ta’ sustanzi psikotropiċi, drogi, alkoħol, u vizzji oħra, bħal-logħob tal-azzard. Qiegħed nirreferi għal dawk li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, u dawk li jkunu kostretti jmorru jagħmlu użu mill-karità kbira li joffrulhom ċentri ta’ volontarjat li jew jipprovdulhom affarijiet tal-ikel, jew, aktar minn hekk, jagħtuhom ikel ippreparat u lest. Qiegħed nirreferi wkoll għall-fenomenu ikrah tal-vjolenza domestika, u l-abbużi fuq persuni dgħajfa, jew anzjani.

Dawn huma sfidi li ma nistgħux inħarsu n-naħa l-oħra u nagħmlu tabirruħna li ma jeżistux. Ma nistgħux ninjoraw l-inġustizzji u t-tbatijiet ta’ ħaddieħor.

Dawn huma wkoll parti mis-soċjetà tagħna, u jkun għaqli ħafna jekk nindirizzaw dawn il-problemi tagħhom billi ngħaqqdu l-isforzi tagħna u niffukaw fuq il-problemi tagħhom ilkoll flimkien… gvern, għaqdiet volontarji, individwi, professjonisti, akkademiċi, eċċ… L-empatija, it-tolleranza, l-inklużjoni u l-għaqda għandhom jibqgħu fuq quddiem nett tal-aġenda nazzjonali u politika tagħna.

Min jitħallat man-nies, u min isegwi r-riżultati tas-surveys tal-opinjoni pubblika, jaf li minbarra l-problemi soċjali li hawn madwarna, għandna problemi oħra li jarahom kulħadd, u jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Fuq quddiem nett hemm it-theddida tal-firxa tal-bini u l-kostruzzjoni li qiegħda tieħu dejjem aktar spazju mill-art agrikola u l-art verġni. Biex inħarsu s-sbuħija u s-sostenibilità ta’ pajjiżna rridu nsibu bilanċ bejn l-ambjent mibni u dak naturali.

F’pajjiż żgħir bħal tagħna bil-pressjoni li teżisti kawża tal-iżvilupp ekonomiku, u l-livell għoli ta’ kwalità ta’ ħajja li ngħixu, mhux faċli jinstab dan il-bilanċ. Barra minn hekk teżisti għajta ġenerali biex il-bini ġdid li tiela’ jkollu aktar karattru, u ma jkomplix ikerrah il-madwar.

Nappella lill-awtoritajiet regolatorji f’dan il-qasam, biex jużaw ir-regoli kollha u l-mezzi kollha li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, biex jiżguraw żvilupp aktar sostenibbli u aktar sabiħ, fil-ħarsien tar-rispett lejn l-ambjent Malti u b’mod partikolari dak Għawdxi.

Il-migrazzjoni wkoll qiegħda fuq quddiem fil-lista tal-prijoritajiet għall-poplu Malti u Għawdxi. Ftit li xejn għandna kontroll fuq kif u fejn jibda dan il-fenomenu, imma żgur jaqgħu responsabbiltajiet mhux żgħar fuq spallejna, meta dawn jaslu f’pajjiżna.

Il-liġijiet internazzjonali jobbligawna x’għandna nagħmlu biex ngħinuhom, imma ma jeżistux liġijiet li jġiegħlu lil pajjiżi oħra, li jitkellmu ħafna fuq is-solidarjetà, biex ikunu marbutin li magħna jaqsmu dan il-piż. Din hi l-problema li qiegħed jaffaċċja pajjiżna, u jagħmel sewwa li fil-fora internazzjonali, speċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kontinwament ifakkar lill-membri l-oħra fid-doveri tagħhom.

Min minn dawn il-migranti ħaqqu li jingħata status ta’ refuġjat, jew protezzjoni umanitarja, irridu nagħtuh dawk id-drittijiet kollha li l-liġi internazzjonali tobbligana nagħtuh. Ikun ħafna aktar faċli għalina nagħmlu dan kieku n-numri jiġu kkontrollati, kif jiġri li kieku jkun hemm ftehim li dawn jinqasmu bejn il-pajjiżi kollha, jew għall-anqas ma’ numru minnhom.

Sfida oħra li għandna hija dik tat-trasport f’pajjiżna. Nawgura li fil-ġirja għall-ideat innovattivi ma nimbarkawx fuq proġetti li minbarra l-problemi ambjentali u soċjali li jistgħu joħolqu huma u jitwettqu, nispiċċaw b’xi proġetti li ma jkunux ambjentalment, ekonomikament u soċjalment vijabbli.

Fuq livell differenti u f’qasam soċjali, hemm il-fenomenu tal-abbuż mill-użu tal-midja soċjali, li jwassal għal hate speech, inċitament, theddid, u saħansitra assassinju tal-karattru ta’ min jispiċċa vittma ta’ dawn l-abbużi. Dan jirrifletti nuqqas ta’ tolleranza għall-opinjonijiet ta’ ħaddieħor minħabba li jkunu kuntrarji għal dak li temmen int.

F’dan il-qasam inħoss li għandna nagħmlu sforz akbar biex nedukaw bis-serjetà lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna fl-użu tajjeb ta’ dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Edukazzjoni mhux biss akkademika, imma edukazzjoni verament wiesgħa li tkun l-ewwel u qabel kollox mibnija fuq prinċipji u valuri sodi, fosthom l-aċċettazzjoni tal-opinjonijiet ta’ ħaddieħor, fuq is-sengħa u l-arti tad-dibattitu korrett u infurmat, kif ukoll it-tħarriġ fl-arti ta’ kif wieħed jipperswadi u jikkonvinċi lil ħaddieħor, bl-argumenti u bil-loġika, u mhux bl-għajjat, bl-allegazzjonijiet, u bl-impożizzjoni.

Semmejt ftit mill-problemi li nara li qegħdin idejqu lill-poplu Malti u Għawdxi, u nazzarda nirrifletti jekk dawn humiex fost ir-raġunijiet għaliex dan l-aħħar qegħdin nisimgħu, xi ftit aktar mis-soltu, li ż-żgħażagħ tagħna jridu jitilqu minn pajjiżna.

Aħbar bħal din lili, bħala Kap tal-Istat, tweġġagħni ħafna. Għandna ħafna talent fostna u jiena kburi bil-livell għoli ta’ edukazzjoni li jilħqu ħafna miż-żgħażagħ tagħna. Għandna nkomplu nħeġġu, u noffru kull possibilità biex iż-żgħażagħ tagħna jilħqu l-ogħla livelli kemm f’suġġetti akkademiċi kif ukoll f’oqsma tekniċi, biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna, u l-futur tagħhom stess, f’dan il-pajjiż tant għażiż għalina.

Entitajiet internazzjonali qegħdin ibassru futur ekonomiku pożittiv għal pajjiżna. Dan minkejja d-deċiżjoni riċenti tal-Financial Action Task Force, li għandna bżonn skrutinju aktar rigoruż fejn jidħlu trasferimenti u depożiti finanzjarji f’pajjiżna.

Żvilupp ekonomiku pożittiv ma jseħħx waħdu b’mod awtomatiku. Irridu nkunu aħna li nwettquh, u nżid ngħid, li jekk dan iseħħ  b’talent Malti, ikun tant aħjar.

Jiena nemmen bis-sħiħ li għandna nħarsu ’l quddiem b’fiduċja kbira f’xulxin; fiduċja fil-kapaċitajiet tagħna, fiduċja fir-rieda tal-azzar li dejjem wera l-poplu Malti speċjalment meta sab sfidi ma’ wiċċu, u fiduċja fl-imħabba li ċert ilkoll għandna lejn l-għażiża art twelidna.

Ma rridx nagħti l-impressjoni li pajjiżna jinsab magħluq f’xi bozza tal-ħġieġ u jimpurtah biss mill-problemi domestiċi tiegħu. Fiċ-ċokon tagħna aħna wkoll parti integrali minn dak kollu li jiġri madwarna, kemm fuq livell reġjonali kif ukoll dak globali. Medhijin bil-problemi interni tagħna, ma nistgħux ma nagħtux l-attenzjoni kollha mixtieqa biex nagħtu sehemna ħalli ntaffu l-problemi globali u reġjonali li jafu jaffettwawna ħażin jekk ma neħdux ħsiebhom.

Konxji miċ-ċokon tagħna, u konvinti li l-problemi li qiegħda taffaċċja d-dinja llum, lanqas il-pajjiżi l-kbar ma jistgħu jsolvuhom waħidhom, Malta temmen bis-sħiħ li l-problemi li qegħdin naffaċċjaw fil-qasam internazzjonali nistgħu nidħlu għalihom biss jekk magħqudin ma’ numru ta’ pajjiżi oħra. Dan huwa l-multilateraliżmu li tant nitkellmu fuqu llum.

Fuq livell globali għandna t-theddid ta’ dak kollu li jista’ jiġri lill-pjaneta tagħna, jekk nittraskuraw li nilħqu l-miri li studji xjentifiċi wrewna li bilfors iridu jintlaħqu, jekk ma rridux li wliedna jirtu mingħandna pjaneta li tkun għaddejja minn taqlib atmosferiku li qatt ma għaddiet minnu kemm ilha teżisti. Il-previżjonijiet mhumiex sbieħ, u t-twiddib huwa serjissimu bbażat fuq fenomeni li diġà qegħdin naraw iseħħu madwarna.

Id-dinja stess qiegħda turina. Dan it-taqlib mhux tas-soltu f’fenomeni ta’ klima u ta’ natura ambjentali, huwa l-effett tal-ħsara li ħallejna ssir matul is-snin.

Tajjeb li nagħmlu l-konferenzi. Tajjeb li nagħmlu l-wegħdiet. Imma jekk dawn ma nwettquhomx, kollox għalxejn. Pajjiżna żgħir u proporzjonalment ftit li xejn ikollu effett fuq it-taqlib tal-klima tad-dinja. Dan ma jeskludiniex milli nagħmlu l-parti tagħna b’dover, u biex inkunu ta’ eżempju għall-pajjiżi ħafna akbar minna. Lil dawn, it-tieni dover tagħna, huwa li f’kull okkażjoni nippritkawlhom dwar il-qerda li tista’ sseħħ jekk ma nagħtux kas tat-twissijiet.

Ħafna minn dawn il-miżuri għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija. Fil-passat, l-iżgurar tal-provvisti taż-żejt u l-faħam, li kienu s-sorsi tal-enerġija, fasslu l-politika barranija, u r-relazzjonijiet internazzjonali tal-pajjiżi tad-dinja. Illum qegħdin fuq l-għatba ta’ rivoluzzjoni u tibdil radikali ta’ dawn ir-relazzjonijiet. L-għażla ta’ liema sors u forma ta’ enerġija se nużaw se tgħin biex jitfasslu relazzjonijiet ġodda, u biex jiġu ddeterminati r-rabtiet u l-ħbiberiji internazzjonali tal-futur.

Kollox se jdur mal-provvista tal-enerġija, tkun f’liema forma tkun.

Dan kollu huwa marbut ukoll ma’ dawk il-miżuri kollha li jridu jittieħdu jekk irridu li sal-aħħar tas-sena 2030, inwettqu dawk magħrufa bħala l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals).

L-Unjoni Ewropea stess, li llum aħna pajjiż membru tagħha, taf il-bidu tagħha wara li nħasset il-ħtieġa li numru ta’ pajjiżi jirregolarizzaw bejniethom in-negozju tagħhom fi provvisti, xiri u bejgħ, ta’ sors ewlieni ta’ enerġija ta’ dak iż-żmien… il-faħam, flimkien mal-azzar.

L-għaqda Ewropea llum marret ħafna aktar ’il bogħod minn sempliċiment in-negozju tal-faħam u l-azzar. Illum, fi ħdanha, b’konsultazzjoni kontinwa u bi qbil, il-pajjiżi membri, matul is-snin, irnexxielhom ifasslu regoli li prattikament jiddettaw kif jitħaddem kull settur tal-ħajja taċ-ċittadini fil-pajjiżi membri. Bdiet tikber is-sensazzjoni li ċ-ċittadin kien qiegħed iħossu jiġi aktar immexxi minn burokratiċi anonimi fi Brussell.

Għalhekk il-bżonn ta’ konsultazzjoni wiesgħa u mifruxa, biex iċ-ċittadini Ewropej jiddiskutu, jipproponu u jfasslu l-futur li huma jridu jaraw li tieħu l-Unjoni Ewropea. Dan il-proċess għaddej, u pajjiżna wkoll qiegħed jagħti sehmu. Jiddispjaċini li m’iniex qiegħed nara dan il-proċess b’xi mod jiġi rifless f’artikli, konferenzi, interventi, jew diskussjonijiet fil-midja soċjali. Sfortunatament f’pajjiżna dawn tal-aħħar, il-midja soċjali, huma aktar medhijin fil-ħmerijiet, fit-tgħajjir personali, u fil-piki partiġġjani.

Ikun ferm aktar għaqli jekk nagħmlu l-almu tagħna biex issa li huwa l-waqt li nagħmlu suġġerimenti għal Unjoni Ewropea aħjar, ma nitilfux l-okkażjoni.

L-interessi tagħna bħala pajjiż żgħir, fil-kuntest ġeostrateġiku tagħna, mhux se jiġġieldu għalihom il-pajjiżi l-kbar tal-Unjoni Ewropea. Irridu nkunu aħna stess li ngħidu x’nixtiequ naraw iseħħ, u nagħmlu suġġerimenti dwar kif dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu. Dan ivarja minn liġijiet li jitmexxew fuqhom il-pajjiżi membri, għal ftehimiet li jikkontrollaw ir-relazzjonijiet tal-istess Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi, speċjalment dawk fil-qrib tagħha.

Pajjiżna għandu interess speċjali fir-reġjun li qegħdin fih… dak tal-Mediterran; reġjun li huwa kruċjali għas-sigurtà tal-Ewropa kollha. Huwa dmir tagħna li naraw li l-attenzjoni tal-Unjoni Ewropea ma tingħatax kollha kemm hija lill-problemi tal-Ewropa Ċentrali, u jintesew il-problemi tal-Mediterran u b’estensjoni dawk tal-kontinent Afrikan.

Ir-reġjun tagħna għandu biżżejjed problemi, bi wħud minnhom ilhom għaddejjin is-snin.

Hija diġà ħasra li popli ma jirnexxilhomx isibu l-paċi bejniethom, imma hija ħasra akbar meta wieħed jara li ċerti pajjiżi barranin ikollhom interessi ulterjuri u jħabirku aktar għall-interessi tagħhom milli għal dawk tal-pajjiż li fih ikun hemm l-inkwiet.

Barra minn hekk għandna in-Nazzjonijiet Magħquda, li minkejja l-intenzjonijiet tajba kollha meta ġiet imwaqqfa, u minkejja l-ġid enormi li għadha tagħmel sal-lum, anke permezz tal-aġenziji tagħha, illum hemm bżonn tiġdid urġenti fis-sistemi u l-istruttura tagħha biex forsi tibda tkun aktar effettiva. Hemm bżonn li jkun hemm rappreżentanza aktar demokratika li tirrifletti r-realtajiet demografiċi u ekonomiċi tal-lum, kif ukoll riforma fis-sistema kif ikun magħmul il-Kunsill tas-Sigurtà.

Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-multilateraliżmu, u n-Nazzjonijiet Magħquda hija eżempju per eċċellenza ta’ kif titħaddem din is-sistema politika. Hu għalhekk li pajjiżna jittama li jkollu l-opportunità li jiġi elett biex jokkupa siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà.

Ir-Repubblika ta’ Malta għandha interess partikolari fiż-żamma tal-paċi, u t-twettiq tas-sliem, kemm madwarna kif ukoll ’il bogħod minna fil-bqija tad-dinja.

Aħna nixtiequ naraw anqas bejgħ ta’ armamenti, li ma jġibux ħlief ġlied, qtil, tbatijiet, u firda.

Aħna għandna interess qawwi fil-ħarsien tad-drittijiet ta’ kull bniedem, hu ta’ liema razza hu, hu ta’ liema twemmin hu, hu x’inhu l-kulur tal-ġilda tiegħu.

Aħna rridu soċjetà li tirrispetta u tħares l-istat tad-dritt.

Aħna għandna xewqa kbira li naraw żvilupp ekonomiku sostenibbli madwarna.

Aħna nixtiequ naraw il-ġid ekonomiku jitqassam bil-ħaqq u b’ekwità.

Aħna nixtiequ li kulħadd jitqies indaqs u kulħadd igawdi l-istess drittijiet u rispetti.

Aħna nixtiequ naraw futur fejn infittxu aktar dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna.

Aħna nixtiequ naraw futur fejn inħarsu ‘l quddiem b’fiduċja qawwija f’xulxin.

Din hi r-Repubblika ta’ Malta li nixtieq nara tiżviluppa matul is-snin li ġejjin.

Dawn huma l-isfidi li għandna quddiemna bħala poplu sovran u responsabbli.

Viva Malta Repubblika.

Skip to content