Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu, George Vella, President ta’ Malta dwar il-Preżentazzjoni lill-Fondazzjoni Wirt Artna tal-Lapida ddedikata lil Fortunato Mizzi. 6 ta’ Mejju 2019

Onorevoli Ministri

Eċċellenzi

President tal-Fondazzjoni Wirt Artna

Sinjuri

Bi pjaċir qiegħed magħkom għall-preżentazzjoni lill-Fondazzjoni Wirt Artna tal-Lapida ddedikata lil Fortunato Mizzi.

Ix-xogħol biex dan l-artefatt storiku jinġieb Malta beda snin ilu meta kont għadni nokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin. Matul dawn l-aħħar snin, saret ħafna riċerka biex tiġi misjuba.

Għandi l-pjaċir nara, li l-ħin u x-xogħol tal-istaff tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma, b’mod partikolari, dak tal-Ambaxxatur, l-E.T. Vanessa Frazier, jissarraf fi frott li għamel l-okkażjoni tal-lum possibbli.

Ninsab grat  lejn l-Opera di Santa Croce għad-donazzjoni tal-artefatt, kif ukoll għall-attenzjoni u l-kura li ħadu fil-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-Lapida għal madwar dawn l-aħħar 80 sena.

Fl-aħħar nett, nirringrazzja lill-Fondazzjoni Wirt Artna u lill-President tagħha, Mario Farrugia, li se joffru dar ġdida lil din il-Lapida storika, hawnhekk fil-Mużew tal-Gwerra ta’ Malta fil-Birgu, biex b’hekk tkun tista’ tiġi apprezzata fil-kuntest storiku tagħha, kemm mill-Maltin, kif ukoll minn dawk li jiġu jżuruna.

Nirringrazzjakom.