Diskors tal-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta fl-avveniment ‘Did-darba se nivvota għall-isport’ organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, 24 ta’ April 2019.

President Sur Pawlu Sultana

Għaqdiet varji

Atleti kbar u żgħar

 

Ninsab ferm kuntent narakom miġburin hawn flimkien u determinati biex b’għan wieħed twasslu messaġġ importanti favur l-isport u l-importanza ta’ ħajja ċivika aktar parteċipattiva.

Il-basketball huwa sport li qed ikompli jikber fil-popolarità mal-poplu Malti, u bi pjaċir nosserva li ħafna drabi jirriżulta f’rebħ u suċċess għall-atleti tagħna. Għalhekk, nifirħilkom għal kisbiet reċenti u għal attività li qed twasslu illum. Nifirħilkom ukoll speċjalment għas-sens qawwi ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni minn għaqdiet varji.

Imma wieħed jistaqsi, x’konnessjoni hemm bejn l-isport u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew? Għalkemm mill-bogħod jaf jidhru distint, hemm ħafna elementi komuni.

Primarjament, kemm l-isport, kif ukoll l-elezzjonijiet ħafna drabi jnisslu sens ta’ kompetizzjoni u pika bejn il-partijiet ikkonċernati. F’doża ibbilanċjata, dan is-sens ta’ kompetizzjoni huwa bżonnjuż, u jixpruna lil individwu biex itejjeb l-għarfien u l-involviment tiegħu f’dak il-qasam.

Minnbarra dan, iż-żewġ attivitajiet jagħtu wkoll lok biex l-individwu jiltaqa’ ma’ nies minn setturi differenti u b’hekk jespandi l-orizzonti tiegħu.

Il-proċess demokratiku fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma opportunità biex iċ-ċittadini Ewropej jagħrfu li huma l-mutur wara dan l-proġett komuni u jsemmgħu leħinhom permezz tal-vot. Għalhekk, speċjalment għal dawk iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena li ser jivvutaw għall-ewwel darba, din hija opportunità unika biex jwasslu l-ħsieb tagħhom u jkunu parteċipi fit-tfassil ta’ dik l-Unjoni Ewropea li huma jixtiequ jaraw isseħħ.

Mingħajr ma ntawwal aktar, nħeġġiġkom biex fil-25 ta’ Mejju twettqu d-dritt u d-dmir tagħkom bħala ċittadini Maltin u Ewropej. Ninsab ċert li ser tisimgħu bir-reqqa l-argumenti politiċi tal-kandidati Maltin, u b’mod kawt imma deċiżiv tesprimu l-opinjoni tagħkom. Il-vot huwa l-aktar arma b’saħħitha li kull ċittadin għandu f’demokrazija.

 

-tmiem-