Diskors tal-ET George Vella, President ta’ Malta lill-kandidati eletti fl-Elezzjonijiet tal-Kunsill għall-Parlament Ewropew, 28 Mejju 2019.

Onorevoli Membri

Ninsab ċert li dawn l-aħħar xhur kienu ta’ bidla kbira għalikom u għall-familjari tagħkom. Nifhem u niftakar bi tbissima s-snin kollha li għamilt fil-qasam tal-politika u t-tertieq ta’ qalb li ġġib magħha elezzjoni. Il-laqgħat kontinwi mal-kostitwenti u mal-membri tal-partit, l-intervisti spissi fuq l-istazzjonijiet tax-xandir u d-dibattiti politiċi huma ġirja waħda u kontinwa lejn tragward finali: iġifiri d-data tal-elezzjoni u r-riżultat imħabbar l-għada.

Għal ħafna din tkun verament it-tragward għax tkun tfisser it-tmiem tal-aspirazzjonijiet parlamentari, iżda għal oħrajn din id-data tfisser il-bidu ta’ vjaġġ ġdid u impenjattiv. Għalhekk għandkom tkunu kburin li tinsabu hawn illum u tagħrfu l-irwol importanti li qed jafdakom bih il-poplu Malti u Għawdxi.

Intom issa leħen il-poplu tagħna fi ħdan il-Parlament Ewropew u fora oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-kliem tagħkom iservi ta’ vetrina għal pajjiżna u jikkontribwixxi biex ifassal stampa ta’ Malta u tal-Maltin. Pajjiżi terzi wkoll iħarsu lejn ix-xogħol tagħkom fi ħdan il-Parlament Ewropew u flimkien ma’ konsiderazzjonijiet oħra ekonomiċi, politiċi u soċjali, joħolqu idea tal-vantaġġi u l-isfidi li joffri pajjiżna.

L-interess ta’ Malta għandu jibqa’ jiggwida kull deċiżjoni li tieħdu u għandkom tkunu verament konvinti li bl-għaġir tagħkom tkunu qed tiddefendu isem pajjijżkom u mhux interessi partiġjani. Importanti li tidħlu f’diskussjoni bejnietkom u minkejja li ġejjin minn ħsieb u kamp politiku differenti, xorta ssibu rieda politika u personali li taħdmu flimkien, tiddjalogaw u tikkoperaw bejnietkom.

Li jkun hemm diverġenzi ta’ ideat u djalogu vivaċi ta’ fehmiet politiċi differenti huwa tajjeb ħafna u jkompli jsaħħaħ l-istrutturi demokratiċi li lkoll niffurmaw parti minnhom. Madankollu, nisħaq fuq l-importanza li teżerċitaw kawtela fil-lingwaġġ li tużaw u dejjem turu l-akbar rispett lejn xulxin. Fuq kollox, nemmen li mġieba tajba u li tirrispetta lil ħaddieħor huma żewġ karatteristiċi li jibqgħu magħkom matul is-snin u li jiddistingwu politiku minn ieħor.

Importanti li tkunu konxji tal-bżonnijiet lokali u li tkunu żguri li l-liġijiet Ewropej ikunu adattati għall-bżonnijiet ta’ gżira żgħira mdawwra mill-baħar Mediterran u li tinsab f’reġjun b’numru ta’ sfidi umanitarji, klimatiċi u politiċi. Nemmen li dan huwa element importanti ħafna biex Malta tkompli tħossha parti mill-Unjoni Ewropea u tipparteċipa fil-proġett Ewropew.

Ninsab ferm kuntent nara li għal darb’oħra l-pajjiż għaraf jeleġġi kandidati ta’ stoffa politika u morali b’saħħitha u li għandhom għal qalbhom l-imħabba għal dak li hu Malti.  Fuq kollox, nosserva bi pjaċir li f’dawn l-elezzjonijiet il-pajjiż kompla joħloq gender balance u b’hekk qed naraw rappreżentazzjoni aktar ġusta tan-nisa. Nħeġġiġkom biex magħtul dawn is-snin tkomplu tkunu viċin il-poplu u ma tinsew qatt li inthom il-wiċċ, il-vuċi u l-mutur Malti fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Nagħlaq billi mill-ġdid nawguralkom il-ħidma t-tajba u nisħaq fuq l-importanza li tkunu grupp magħqud u tikkultivaw politika ta’ djalogu reċiproku u għaqda.