Diskors tal-ET George Vella, President ta’ Malta waqt il-Fiera l-Kbira, 11 ta’ Lulju 2019.

Din hija s-sitt darba li qed tiġi organizzata l-fiera l-kbira ġewwa l-Montekristo estates. Dan l-avveniment sar sinonimu mal-kalendarju sajfi Malti u huma ħafna dawk li sena wara l-oħra jkunu entużjasti biex jiġu mal-familjari tagħhom ħa jaraw x’ser toffri l-fiera ta’ din is-sena, u għaliex le, jqabblu l-kwalità u l-prezzijiet mas-snin ta’ qabel jew ma’ kompetituri oħra

In-numru kbir ta’ negozjanti u l-għażla wiesgħa ta’ prodotti u servizzi joħolqu ambjent interessanti. Minn sempliċiment post fejn wieħed jixtri xi oġġett jew jipprova jakkwista xi offerta, il-fiera l-kbira hija villaġġ ħaj u vibranti li jilqa’ fih ’il fuq minn 100,000 viżitatur u jħaddem ’il fuq minn 300 bejjiegħ

Nosserva bi pjaċir li l-kobor u l-popolarità ta’ din il-fiera jiġġeneraw qliegħ kbir u jkomplu jkattru l-progress ekonomiku ta’ pajjiżna. Dan huwa sinjal posittiv u li jikkontribwixxi biex Malta tibqa’ fuq quddiem tal-ekonomiji Ewropej. [[Madankollu, iż-żieda fil-prodott gross domestiku u t-tkattir tal-ġid, jekk ma jiġux maqsuma b’mod ġust, ma jħallux impatt posittiv fuq is-soċjetà.]]

Nemmen li l-progress tal-pajjiż ma jitkejjilx biss bil-flus, iżda huwa intrisikament marbut ma’ kemm soċjetà tagħraf tkun preżenti u parteċipi biex tiżgura li dawk l-aktar fil-bżonn jingħataw l-assistenza u s-servizzi meħtieġa. L-irwol tal-Malta Community Chest Fund Foundation huwa propju li jagħti dinjità u għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn.

[[Għalkemm pajjiżna għandu sistema ta’ welfare u servizzi oħra għal nies li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet ta’ saħħa jew natura soċjali, xorta jibqa’ numru ta’ nies li jsofru. Fil-fatt il-MCCFF hija strumentali biex pazjenti morda bil-cancer u oħrajn jingħataw assistenza u għajnuna aktar ħolistika. Setturi oħra fejn il-ħidma tal-MCCFF hija ċentrali huma fil-qasam tad-diżabilità u l-assistenza soċjali għal nies vulnerabbli. Fis-sena 2018, l-MCCFF provdiet assistenza lil ’il fuq minn 5,000 persuna. Il-fondi bżonnjużi mill-MCCFF huma ta’ kuljum u peress li d-domanda qegħda dejjem tikber, diffiċli wieħed jikkwantifika n-nefqa xhar b’xhar.]]

Għalhekk, bħalma diġà aċċennajt drabi oħra, minn hawn nieħu l-opportunità biex nappella għall-ġenerożità tagħkom. Nitlobkom biex ma tistennewx l-avvenimenti l-kbar bħall-Istrina jew l-August Moon Ball biex tkunu parteċipi fil-ħidma nobbli tal-MCCFF. Inħeġġiġkom biex intom ukoll tkunu l-protagonisti ta’ Malta u flimkien bħala poplu noħolqu ambjent aktar inklussiv u ġust

Nagħlaq billi nawgura kull suċċess lill-organizzaturi, lill-bejjiegħa u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma parteċipi f’dan l-avveniment.

 

-Tmiem-