Diskors tal-ET George Vella, President ta’ Malta waqt żjara fl-uffiċini tal-MITA u l-FITA, 31 ta’ Lulju 2019.

Nistqarr li t-teknoloġija avvanzata u l-lingwaġġ tekniku li taħdmu bih kuljum ħallieni xi ftit perpless dalgħodu. Jien aktar midħla ta’ termini mediċi jew li għandhom x’jaqsmu mal-politika internazzjonali. Madankollu, it-teknoloġija minn dejjem affaxxinatni u għalkemm il-karti għadhom ħbieb għeżież, ma ngħaddix mingħajr il-mobile u teknoloġija oħra li tgħamilli ħajti aktar faċli. Ovvjament, dan sakemm ma jkunx hemm xi glitch fis-sistema u hemmhekk ikolli nsejjaħ għall-għajnuna tal-MITA!

Ħafna drabi l-MITA hija assoċjata biss ma dan l-irwol u ftit japprezzaw xogħol ieħor li jkun għaddej biex il-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern jiffunzjonaw bl-aħjar mod, ix-xogħol isir aktar effiċjenti, u l-pajjiż ikollu infrastruttura diġitali b’saħħitha u li żżomm il-pass maż-żmien. Filfatt il-MITA hija ċentrali biex fost l-oħrajn (i) timplimenta l-istrateġija nazzjonali tal-Gvern fil-qasam diġitali, (ii) toħloq inizjattivi edukattivi għall-ħaddiema taċ-ċivil u anka għall-poplu inġenerali u (iii) tippromwovi l-użu tal-informatika bħala għodda ta’ tagħlim u li jtejjeb il-ħajja ta’ bosta nies

L-irwol tagħkom il-ħaddiema, minn l-aktar inġinier anzjan u ta’ esperjenza, għall-amministratur tad-data l-aktar żagħżugħ, intom kollha tiffurmaw parti minn din il-magna importanti li fuqha jiżviluppa ruħu l-pajjiż. Permezz ta’ filosofija mibnija fuq it-trasformazzjoni, l-innovazzjoni u l-eċċellenza, il-MITA rnexxiela tikseb ċertifikat posittiv u tistabilixxi ruħha bħala waħda mill-pijunieri fil-qasam tat-teknoloġija diġitali u l-ICT

Minnbarra dan, l-istruttura u l-iskop tal-MITA jiġbor fih ukoll il-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA). Waqt żjara ta’ korteżija li rappreżentanti mill-FITA għamluwli ftit tal-ġranet ilu, u anka minn dak li spjegawli u urewni llum, komplejt napprezza kemm hu importanti li t-teknoloġija ma tiżviluppax f’iżolament iżda tkun ċavetta kruċjali biex persuni b’abiltajiet differenti jkollhom aċċess għall-bosta vantaġġi li ġġib magħha d-dinja tal-informatika u l-komunikazzjoni. Komplessivament, dawn il-programmi u sistemi teknoloġiċi jagħmluha aktar faċli biex il-persuna tgħix ħajja aktar indipendenti u parteċipattiva anka mil-lat ta’ edukazzjoni u karriera ta’ xogħol.

Għalhekk, nemmen li l-introduzzjoni u l-infurzar li websites tas-servizz pubbliku jimxu b’obbligu ma’ numru ta’ regoli li jiżguraw l-aċċessibilità, huma pass fid-direzzjoni t-tajba u li ser ikunu ta’ benefiċċju għal bosta nies, fosthom l-anzjani

Nawgura għalhekk li aktar kumpaniji jimxu ma’ dan il-mudell u jippromwovu mezzi ta’ kommunikazzjoni li huma aċċessibli u li jaħsbu f’firxa wiesgħa ta’ nies u ħtiġijiet differenti

Nagħlaq billi nirringrazzjakom mill-ġdid tal-ħidma tagħkom u nħeġġiġkom tkomplu tavvanzaw f’dan il-qasam innovattiv u infinit tal-ICT