Diskors tal-President tar-Repubblika ta’ Malta l-Eċċellenza Tiegħu George Vella fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Mejda tal-Appostli u l-Golgota, 11 ta’ April 2019.

Membri tal-Għaqda Domus Bormla

Dun Anton Cassar

Sinjuri

Grazzi tal-istedina tagħkom biex niftaħ din ir-rappreżentazzjoni tal-Mejda tal-Appostli u l-Golgota, sinonima ma’ dan iż-żmien u mat-talent kbir Bormliż. It-tema għal din is-sena tiffoka fuq San Pietru u l-rwol tiegħu biex ‘jirgħa n-nagħaġ’ u għalhekk jifforma, jieħu ħsieb u jmexxi l-membri tal-Knisja. It-tema magħżula għal din is-sena hija waħda interessanti u li tolqotna ilkoll mil-qrib.

Meta nħarsu lejn l-istorja ta’ dan il-Qaddis, huwa faċli biex wieħed josserva kif il-persuna umana ta’ Pietru, inklużi għalhekk il-biża’ u l-inċertezza li għadda minnhom, jidħlu f’kunflitt mal-imħabba tiegħu lejn Ġesù u t-tagħlim morali tiegħu. Aħna wkoll ħafna drabi nsibu ruħna f’dawn id-dilemmi u huwa tajjeb li permezz ta’ rappreżentazzjonijiet simili noħolqu spazju ta’ riflessjoni u ħsieb.

Issa li ninsabu fi żmien ir-Randan, nħoss li din ir-rappreżentazzjoni hija ta’ ġid komuni fuq żewġt ibnadi. Minn banda waħda, il-majestrija u l-artistrija li bihom huma magħmula dawn il-platti tal-melħ u r-ross hija tant kbira li wieħed jħossu qed jerġa’ jgħix fi żmien il-passjoni ta’ sidna Ġesù Kristu u b’hekk eqreb lejn is-sentimenti li jġib miegħu dan iż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira.

Mil-banda l-oħra hija opportunità biex il-komunità ta’ Bormla tingħaqad u sena wara l-oħra toħloq wirja unika u li tiġbed lejha nies minn kull parti ta’ Malta u Għawdex. Tnissel ukoll interess, kurżità u ammirazzjoni mit-turisti li ta’ spiss jieqfu u jidħlu jaraw ġojjel ieħor fir-repertorju artistiku, kulturali u tradizzjonali Bormliż.

Tul dawn l-aħħar snin li ilha tittella’ din il-Mejda tal-Appostli kienu bostha l-Bormliżi, żgħar u kbar, li ħadmu fuq dawn il-platti u l-għarmar neċessarju biex tinħoloq attmosfera simili. Għalhekk, f’ismi u f’isem il-poplu Malti nixtieq nirringrazzjakom tal-ħin li tiddedikaw għal din il-wirja u nifirħilkom għax għal darb’oħra tajtu l-ħajja lil platti uniċi, li f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni jkomplu jressquna eqreb ta’ xulxin.

Grazzi