Kelmtejn mill-ET George Vella President tar-Repubblika, ġurament tal-ħatra fil-Ġudikatura, 25 ta’ April 2019.

Ninsab ferm kuntent nkompli nara numru akbar ta’ ħatriet fil-qasam tal-ġudikatura. Minn qalbi nifirħilkom u nawguralkom il-ħidma t-tajba.

Bi pjaċir nosserva li n-numru ta’ nisa qiegħed dejjem jiżdied, filwaqt li l-età ta’ dawk maħtura qed dejjem tonqos. Dan jipprometti tajjeb u huwa riflessjoni ta’ pajjiż li jrid ikompli jibni l-qafas ġudizjarju tiegħu fuq sisien b’saħħithom u jippromwovi r-rappreżentazzjoni ekwa f’kull istituzzjoni u livell tas-soċjetà Maltija.

Għalkemm jien ġej mill-kamp mediku, nifhem u napprezza li f’dan l-inkarigu ġdid tinsabu f’pużizzjoni importanti, iżda wkoll kemxejn iddelikata. Tinsabu f’pużizzjoni importanti għax inthom il-gwardjani tal-ġustizja u l-osservanza tajba tal-liġijiet Maltin u Ewropej. U għalhekk għandkom id-dmir li tiżguraw l-applikazzjoni tajba tal-liġi.

Tinsabu wkoll f’pużizzjoni delikata għax permezz tas-sentenzi tagħkom qed tiddeterminaw l-ħajja u l-futur ta’ ħafna nies, kemm dawk li xelfuha mal-liġi u kemm dawk li kienu vittmi. Għalhekk, huwa importanti li fil-ħidma tagħkom timxu bis-sħiħ ma’ prinċipji etiċi sodi u mibnija fuq l-imparzjalità, l-indipendenza, l-integrità, l-kontabilità u r-rispett lejn id-drittijiet umani. Nħeġġiġkom biex fix-xogħol tagħkom iżżommu d-drittijiet umani, l-empatija u l-prinċipju tal-proporzjonalità fil-quċċata tal-ħsieb tagħkom.

Nagħlaq billi mill-ġdid nawguralkom il-ħidma it-tajba u nawgura li tinsgħu qatt l-umiltà ta’ min joffri servizz għas-soċjetà.

-tmiem-