MESSAĠĠ TAL-PRESIDENT LILL-POPLU MALTI U GĦAWDXI

Għeżież Maltin u Għawdxin…

Kull jum li jgħaddi, qegħda tikber l-istennija minni biex inkun strument biex jiġi evitat l-agħar li jista’ jiżviluppa jekk is-sitwazzjoni li għandna f’pajjiżna bħalissa tkompli tiggrava.

Spjegajt diġà fi stqarrija li ħriġt fl-1 ta’ Diċembru x’ inhuma il-parametri li tħallini naħdem fihom il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Nerġa’ intenni li qed nagħmel dak kollu li titlob minni l-Kostituzzjoni.

Minkejja dak li diġà għamilt, jiena personalment, bħala ċittadin u aktar u aktar bħala President tar-Repubblika, nappella mill-ġdid biex kulħadd, mill-kbir saż-żghir iqis bis-serjetà fejn jista’ jwassal għemilu.

Huma ħafna dawk li ddiskutejt magħhom il-gravità tas-sitwazzjoni preżenti.

Dan l-inkwiet dwar is-sitwazzjoni preżenti ġie mwassal lili llum b’mod qawwi u b’enfasi partikolari mill-imsieħba kollha tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li jirrapreżenta firxa wiesgħa u kbira tas-soċjetà Maltija.

Għalhekk qiegħed mill-ġdid nitlob lill-poplu kollu għall-kalma, u biex kulħadd ikun konxju tar-responsabbiltajiet li jġorr.

Nappella biex f’ambjent iktar kalm u ‘l bogħod minn reazzjonijiet spontanji, nagħrblu ċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom u ningħaqdu biex flimkien – bla ma nħarsu lejn wiċċ ħadd – naraw li nħallu l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom u li sseħħ il-ġustizzja.

B’hekk biss nistgħu nibdew it-triq biex bil-mod il-mod nerġgħu għan-normalità, u dan qabel ma’ l-ħsara li qed issir lil pajjiżna f’tant oqsma, inkluż dawk internazzjonali, issir waħda irreparabbli.

Nappella għal darb’oħra għas-sens ta’ rispett li għandu jkollna lejn pajjiżna u l-valuri li nħaddnu.

Malta jixirqilha aħjar.

Insellmilkom!