STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Matul l-aħħar ġimgħat, l-Eċċellenza Tiegħu l-President George Vella, b’sogħba u bi preokkupazzjoni kbira, kien qed isegwi minuta b’minuta dak kollu li kien għaddej b’konnessjoni mal-investigazzjoni tal-każ tal-assassinju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia u l-iżviluppi fil-qasam politiku.

F’diversi okkażjonijiet, matul dan il-perjodu, l-Eċċellenza Tiegħu kellu diskussjonijiet f’laqgħat kemm mal-Prim Ministru kif ukoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Meta l-Eċċellanza Tiegħu intalab biex jagħti l-maħfra presidenzjali aġixxa strettament kif titlob il-Kostituzzjoni, wara konsultazzjoni mal-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali kif ukoll pariri minn konsulenti privati.

L-Eċċellenza Tiegħu żamm is-silenzju biex iħalli l-ġustizzja tieħu triqtha.  Skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, il-poteri tal-President f’każi bħal dawn ma jmorrux aktar ‘il bogħod minn hekk.

Issa li l-każ tal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia żviluppa sal-punt li tressqu aktar persuni quddiem il-Qrati akkużati b’ dan il-qtil orribbli, l-Eċċellenza Tiegħu jisħaq li għandna nħallu l-organi tal-ġustizzja, il-Pulizija u l-Qrati jkomplu jagħmlu xogħolhom.

F’dan l-istadju u in vista tal-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar id-data tar-riżenja tiegħu, l-Eċċellenza Tiegħu jħoss li għandu l-ewwel u qabel kollox jappella għall-kalma f’pajjiżna.

L-Eċċellenza Tiegħu jappella li kull min għandu responsabilitajiet istituzzjonali  jew amministrattivi biex jerfa’ r-responsabilitajiet tiegħu, speċjalment f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni u ma jħares lejn wiċċ ħadd.

L-Eċċellenza Tiegħu jittama li ssir ġustizzja biex kull min kien involut f’dan l-att atroċi, li tefa’ tebgħa sewda fuq il-kuxjenza nazzjonali jieħu dak li ħaqqu.

F’dan il-mument partikolari, l-Eċċellenza Tiegħu jħoss li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, imma jekk inżommu l-kalma u l-għaqda noħorġu minnhom bl-anqas dannu possibbli għas-soċjetà Maltija u għal pajjiżna.

Dawn mhumiex żminijiet normali u dak li qiegħed iseħħ huwa bla preċedent.  Huwa f’dan il-mument li rridu nuru l-maturità tas-soċjetà Maltija u s-saħħa tad-demokrazija.