The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Imniedi programm ta’ xahar attivitajiet ta’ għarfien, prevenzjoni u kura tas-saħħa mentali

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono enfasizzat il-bżonn li s-saħħa mentali u s-suwiċidju għandhom jiġu diskussi bla kantunieri, lil hinn mill-istigma, li xorta waħda għadha taħkem dan is-suġġett, għalkemm fl-aħħar snin naqset xi ftit.

Il-President kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton li saret taħt il-patroċinju tagħha, u li matulha tnieda l-kalendarju ta’ attivitajiet bit-tema ‘Your Mental Health Matters’. L-għan tal-attivitajiet huwa li jiżdied l-għarfien dwar is-saħħa mentali, il-prevenzjoni tas-suwiċidju u l-kura tas-saħħa mentali.

Fid-diskors tagħha, il-President appellat għall-impenn “sabiex fis-soċjetà tagħna tonqos u tiġi fix-xejn l-istigma li ilha tiġri magħna sekli fejn jidħol il-mard mentali,” waqt li fakkret illi l-mard mentali hu mard bħal kull mard ieħor li jirrikjedi kura speċifika għalih u wkoll bħal kull mard ieħor jekk ma jkunx ikkurat, jista’ jwassal għall-mewt.

Waqt li rreferiet għas-servizzi offruti mill-awtoritajiet lokali, fosthom il-hotline 1579, il-President Myriam Spiteri Debono tkellmet dwar il-bżonn li nkomplu “nibnu ambjent aktar miftuħ għall-persuni li jħossuhom vulnerabbli u waħedhom, f’mumenti fejn ikollhom aktar mistoqsijiet milli risposti.”

L-attivitajiet li huma parti minn Kampanja Nazzjonali għall-Għarfien dwar is-Saħħa Mentali huma organizzati mid-Dipartiment għas-Servizzi ta’ Saħħa Mentali fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.

Skip to content