Stqarrija mill-Uffiċċju tal-President
L-avvenimenti li għaddej minnhom pajjiżna f’dawn il-ġranet jirrikjedu rażan u kawtela. Żgur ma jsirx ġid jekk inħallu lsienna jiġri bina u l-emozzjonijiet jitilgħu għal rasna. B’aġir bħal dan tittappan ir-raġuni.
Hemm ħtieġa qawwija illi ħadd ma jaqbeż il-limiti tal-prudenza u jeħtieġ li nħallu s-sitwazzjonijiet jimmaturaw.
Il-liġijiet tagħna jipprovdu diversi rimedji għal min iħoss illi ikun ġie inġurjat u jkunu saru xi preġudizzji fil-konfront tiegħu jew tagħha. Dan jinkludi wkoll istanzi fejn individwu jew individwi jidhrilhom illi jkunu ġew
diskriminati, imċaħħda minn xi dritt jew addirittura jidhrilhom li proċessi ġudizzjarji li jolqtuhom kienu b’xi mod difettużi.
Dan iżda jirrikjedi illi l-istituzzjonijiet, partikolarment il-qrati u l-ġudikanti tagħha għandhom dejjem jitħallew jagħmlu xogħolhom fis-serenità.
Atmosfera serena u kalma hija ta’ benefiċċju wkoll għal dawk kollha involuti jew b’xi mod milquta.