Tasal fi tmiemha l-maltabiennale.art 2024
Is-Sibt filgħaxija waslet fi tmiemha l-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art.
Waqt ċerimonja li saret fil-Palazz Verdala l-President Myriam Spiteri Debono rringrazzjat lil 118-il artist u artista minn 35 pajjiż differenti, inkluż Malta, li ħadu sehem f’dan il-biennale.
Fid-diskors tagħha, il-President qalet li “l-biennale ma kienx biss opportunità għall-artisti tagħna, għall-artisti Maltin imma wkoll kien ta’ opportunità u fetaħ orizzonti oħra għal artisti minn madwar id-dinja.
Nifirħilkom għal mod kif irnexxielkom tinsġu mal-kultura u l-monumenti storiċi li għandna aħna l-Maltin, ilpoplu indiġenu ta’ dawn il-gżejjer, il-kulturi u l-istorja tal-pajjiżi mnejn ġejtu.”
Il-President stqarret li baqgħet impressjonata mill-majestrija fit-twaħħid ta’ oriġinalità fil-materjali użati u ġeneri artistiċi oħrajn, u espremiet l-apprezzament tagħha għall-inklużjoni ta’ temi attwali ta’ gwerra u paċi f’din lewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art.
Il-President żiedet tgħid li “dan l-isforz ta’ kulħadd ħareġ ‘il barra mill-konfini ta’ ‘baħar abjad u imsaġar tażżebbuġ’ u mess l-Univers. L-artist, l-artisti, dawk li joħolmu, il-moħħ tagħhom minn żminijiet imbiegħda jwassalna għall-preżent u joħodna għall-futur.”
Il-President awgurat li s-suċċess ta’ dan l-ewwel biennale ta’ Malta jkun ripetut fis-snin li ġejjin u dejjem ikun sors ta’ kif aħna l-bnedmin nilħqu lil xulxin f’dak kollu li hu tajjeb u ta’ ġid għall-umanità kollha.”
Min-naħa tiegħu, ċ-Chairman ta’ Heritage Malta u President tal-maltabiennale.art 2024, is-Sur Mario Cutajar qal li “Għall-ħdax -il ġimgħa sħaħ, minn nofs Marzu sal-aħħar ta’ Mejju pajjiżna kien ċentru internazzjonali ta’ kreattività u djalogu permezz tal-arti kontemporanja.”
Is-Sur Cutajar fisser kif għal Heritage Malta dan il-biennale kien proġett fit-tfassil ta’ viżjoni li tagħmel is-siti ta’ Heritage Malta iktar rilevanti għas-soċjetà li ngħixu fiha. Żied jgħid li t-taħlita bejn l-istorja u l-kontemporanju għenet biex l-istess siti tal-aġenzija servew ta’ djalogu fuq temi attwali li qajmu diskussjoni fost diversi setturi tal-popolazzjoni. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, stqarr li jinsab kburi illi Malta hija l-ewwel pajjiż li ospitat l-patronaġġ tal-UNESCO għal Malta Biennale tal-Arti 2024.
“Din ma kinitx kompetizzjoni ma’ pajjiżi oħra imma opportunità sabiex Malta, l-artisti Maltin u l-udjenza Maltija u barranija servew ta’ pont li jgħaqqad talenti lokali u dak barrani b’mod li jibni fuq il-valur tal-paċi u lkoperazzjoni bejn il-popli – valuri tant għal qalb Malta,” ikkonkluda l-Ministru Bonnici.
Matul is-serata, ingħataw tliet premjijiet, bl-ewwel wieħed ikun dak tal-għażla tan-nies li ntrebaħ minn Dolphin Club bix-xogħol The Oracle 2024, esebit fis-Sajlos tal-Qamħ fic-Ċittadella, Għawdex. It-tieni premju kien dak ta’ l-aħjar padiljun li ntrebaħ minn ‘Il-Kamra n-Nadifa’ li kien imtella fil-Mużew tal-Arkeoloġija, fil-Belt Valletta. Il-Kuraturi ta’ dan il-padiljun kienu Azad Asifovich u Asli Samadova; artista Sofie Muller. It-tielet u laħħar premju kien dak ta’ l-aħjar biċċa xogħol tal-arti li ntrebaħ minn Tereza Antignani bix-xogħol ‘Deposizione 2024’ li kien esebit fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.