The President of Malta

Search
Close this search box.

“L-għotja tat-tama tal-ħajja għall-pazjent” – il-President dwar l-għoti tad-demm

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella rringrazzja lid-donaturi tad-demm li matul il-pandemija baqgħu jagħrfu l-importanza tal-ġest tagħhom, minkejja li konna għaddejjin minn perjodu ta’ inċertezza u qtigħ il-qalb.

Waqt iċ-ċerimonja ta’ ġieħ lid-donaturi tad-demm, il-President iddeskriva dan il-ġest bħala “għotja tat-tama tal-ħajja għall-pazjent li kellu bżonn id-demm u għall-familja tiegħu kollha.” Il-President stqarr li huwa kburi li f’pajjiżna hawn għadd kbir li huma donaturi regolari, li ma jistennewx li jiġu mgħajta biex imorru jagħtu d-demm, iżda minn jeddhom imorru fiċ-Ċentru tas-Servizz Nazzjonali. Fid-dawl ta’ dan, il-President ħeġġeġ lill-eluf ta’ pazjenti li ta’ kull sena jirċievu d-demm fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex biex jindirizzaw messaġġ ta’ ringrazzjament lid-donaturi tad-demm permezz ta’ kartolina, li jibagħtu fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm. B’dan il-ġest, qal il-President, id-donatur iħossu apprezzat u jimtela b’kuraġġ ġdid u b’determinazzjoni akbar biex kull meta jista’ jagħti d-demm, u jħeġġeġ lil ħaddieħor jagħmel bħalu.

Il-President Vella nnota li l-biċċa l-kbira tad-demm jintuża għal ċerti kundizzjonijiet mediċi, operazzjonijiet u f’inċidenti. Qal li sfortunatament din is-sena seħħew ħafna mwiet u inċidenti fit-toroq, u appella għal aktar dixxiplina personali minn kull min juża t-triq. L-inċidenti, żied jgħid il-President, iħallu impatt fuq ir-riserva tad-demm bil-konsegwenza li meta r-riserva tkun baxxa mhux l-ewwel darba li xi pazjenti, speċjalment dawk morda bil-kanċer, ikollhom jistennew xi jiem sakemm jinqdew bi trasfużjoni tad-demm tant meħtieġa minnhom.

“L-għoti tad-demm u l-prodotti tiegħu huma ġest ta’ solidarjetà li jsalva l-ħajjiet. Għalhekk, servizz li jipprovdi d-demm u l-prodotti tad-demm siguri huwa essenzjali għal kull sistema tal-kura tas-saħħa,” qal il-President. Waqt li sellem ix-xogħol imprezzabbli li jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, li jagħti servizz kontinwu u professjonali, il-President appella lil dawk kollha f’saħħithom biex jersqu lejn iċ-ċentru u jsiru donaturi regolari.

Matul iċ-ċerimonja fil-Palazz tal-Verdala, ingħata rikonoxximent lill-irġiel li taw tal-inqas 100 donazzjoni tad-demm u lin-nisa li taw tal-inqas 50 donazzjoni tad-demm.

Skip to content