The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President jirrikonoxxi l-ħidma tal-Assoċjazzjoni tal-Epilessija

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella rrikonoxxa l-ġid li għamlet l-Assoċjazzjoni tal-Epilessija fi ħdan Caritas Malta sa mit-twaqqif tagħha fl-1996.

Il-President qal dan waqt it-tnedija ta’ ktieb li jiġbor fih il-ħidma li wettqet din l-assoċjazzjoni fl-aħħar 25 sena. Il-President stqarr li kull min kien involut fl-assoċjazzjoni matul dawn is-snin ħaqqu ġieħ, tifħir u gratitudni għal dak kollu li sar għall-ġid tal-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni.

L-Assoċjazzjoni tal-Epilessija, żied jgħid il-President, riedet l-ewwel nett teduka u kompliet billi għenet biex titnaqqas l-istigma li l-kundizzjoni tista’ ġġorr magħha, żammet kuntatt kontinwu ma’ esperti fil-mediċini u fuq kollox uriet b’mod prattiku kif tgħin lil dawn il-pazjenti f’mumenti kruċjali ta’ ħajjithom.

Il-President irrimarka l-ħidma li wettqet l-assoċjazzjoni biex ixxejjen ideat żbaljati li kien hawn dwar din il-kundizzjoni, u li kawża tagħhom il-pazjent kien ikkundannat jgħaddi minn martirju sħiħ matul ħajtu.

Il-President ħeġġeġ lil kull min jaħdem f’dan il-qasam biex, kif sar sa issa, ma jonqsux li jagħtu lill-pazjenti l-aqwa mediċina wkoll, li hija dik tal-imħabba.

Skip to content