The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President ta’ Malta jżur il-Malta Enterprise

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella żar il-Malta Enterprise bil-għan li juri apprezzament f’isem il-poplu kollu għall-ħidma sfiqa u għad-dedikazzjoni li wrew il-ħaddiema kollha fl-aħħar xhur ta’ sfida waqt il-pandemija tal-Covid-19.

F’kelmtejn meta kien qed jindirizza wkoll lill-ħaddiema virtwalment, il-President Vella rrikonoxxa l-isfidi eżistenti fost in-negozji u wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-intrapriża biex tattira l-investiment lejn Malta.

Il-President faħħar fost l-oħrajn, il-wage supplement u skemi oħrajn tal-Malta Enterprise li offrew assistenza għall-familji u għan-negozji matul il-pandemija. Huwa ħeġġeġ lill-ħaddiema tal-Malta Enterprise biex iżommu dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom lill-akbar riżorsa li fi kliemu għandu l-pajjiż, ir-riżorsa umana.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li minkejja l-isforzi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti kkawżati mill-pandemija, il-Malta Enterprise kompliet ukoll twettaq l-irwol ta’ aġenzija għall-iżvilupp ekonomiku.

Huwa qal li s-sena li għaddiet ġew approvati mal-40 proġett ġdid ta’ investiment dirett barrani li mistennija joħolqu mal-elf impjieg ġdid b’investiment totali ta’ tmien mitt miljun ewro fl-ekonomija.

Fi tmiem iż-żjara lill-Malta Enterprise, il-President George Vella kixef pittura li tissimbolizza l-ħajja ta’ kuljum tan-negozji bħala sinjal ta’ apprezzament għall-ħaddiema tal-Malta Enterprise u tifkira tal-kontribut li għandhom lejn il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Skip to content