The President of Malta

Search
Close this search box.

Żjara lill-President mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika Franċiża

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika Franċiża, Clément Beaune, għamel żjara ta’ korteżija lill-President ta’ Malta, George Vella, fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Il-laqgħa ffukat primarjament fuq il-Presidenza Franċiża li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se tibda fl-1 ta’ Jannar 2022 għal perjodu ta’ sitt xhur.

Il-President Vella ddeskriva r-relazzjonijiet bejn Franza u Malta bħala eċċellenti u rrefera b’mod partikolari għat-tkabbir tal-investiment Franċiż fit-trażbord, fil-manifattura, u fis-servizzi finanzjarji, fost oħrajn. It-turiżmu huwa wkoll settur importanti ħafna ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u hemm it-tama li ċ-ċifri jerġgħu lura għal kif kienu qabel il-COVID-19. Il-President Vella osserva li ż-żewġ pajjiżi għandhom diversi interessi reġjonali u internazzjonali komuni, li jinkludu l-iżviluppi fl-Afrika ta’ Fuq, l-istabbiltà fil-Mediterran u l-migrazzjoni.

Dwar dan l-aħħar punt, il-President Vella tenna l-pożizzjoni meħuda minn Malta fl-Unjoni Ewropea, meta appellat għal espressjoni tanġibbli ta’ solidarjetà mal-pajjiżi l-aktar esposti. Huwa esprima l-apprezzament ta’ Malta għall-assistenza konkreta pprovduta minn Franza f’dan ir-rigward u faħħar l-isforzi li saru biex jiġu rilokati migranti f’dawn l-aħħar snin.

Is-Segretarju tal-Istat Beaune ta ħarsa dettaljata lejn il-miri previsti għall-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u indika t-tibdil fil-klima, il-pjattaforma diġitali, id-drittijiet soċjali, u l-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Afrika bħala wħud mill-prijoritajiet identifikati. Il-President Vella awgura kull suċċess lil Franza hekk kif qed tħejji biex tieħu din ir-responsabbiltà.

Ġew diskussi l-aħħar aġġornamenti dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea, u ż-żewġ partijiet esprimew it-tamiet tagħhom għal riżultati tanġibbli.

This image has an empty alt attribute; its file name is pr212196c.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr212196d.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr212196e.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr212196b.jpg
This image has an empty alt attribute; its file name is pr212196a.jpg
Skip to content