The President of Malta

Search
Close this search box.

Il-President jirringrazzja lill-għaqdiet volontarji f’isem il-poplu għal ħidmiethom fi żmien il-pandemija

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

F’isem il-poplu, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-għaqdiet volontarji kollha għall-ħidma kontinwa tagħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli minn kemm ilha li faqqgħet l-imxija tal-Covid-19, billi komplew joffru s-servizzi bħal qabel, jew b’mod differenti, u għamlu minn kollox biex jibqgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom. Meta kien qed jindirizza s-serata annwali tal-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali għas-Settur tal-Volontarjat, huwa rrimarka li, għalkemm huwa minnu li r-restrizzjonijiet imposti setgħu xekklu l-operat tal-għaqdiet, is-settur tal-volontarjat ma waqafx jopera minkejja kollox.

Il-president qal li r-reżiljenza tas-settur tal-volontarjat issa se tkun essenzjali wkoll għaż-żmien ta’ wara l-Covid-19 għax il-livell ta’ kompetenza u l-esperjenza li għandhom x’joffru kull voluntier u kull għaqda huma bżonnjużi fl-iżvilupp sħiħ u kontinwu ta’ pajjiżna. Dan jista’ jseħħ sakemm jibqa’ jsir tiġdid bil-għaqal fil-qafas legali u amministrattiv li fih jopera s-settur tal-volontarjat. Ħeġġeġ lill-għaqdiet biex jieħdu sehem attiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma nazzjonali tal-qasam tal-volontarjat, li ġie varat din il-ġimgħa, sabiex jiġi aċċertat li l-bidla meħtieġa sseħħ u tkun ta’ valur miżjud fit-twettiq ta’ ħidmiethom.

Il-President Vella nnota li s-settur tal-volontarjat huwa mifrux prattikament f’kull qasam, u ħafna drabi jipprovdi servizzi li ma jkunux disponibbli fil-pajjiż u b’hekk ikun ta’ għajnuna kemm mill-aspett soċjoekonomiku kif ukoll fl-iżvilupp innovattiv u inklużiv tal-pajjiż. Dan il-fattur hu rikonoxxut anke min-Nazzjonijiet Uniti, li tinsisti li meta n-nies jiġu inkoraġġuti joffru ideat dwar kif jistgħu jiġu solvuti kwistjonijiet partikulari, is-soluzzjonijiet li ħafna drabi joffri s-settur tal-volontarjat ikunu iktar fattibbli u dejjiema. Huwa għalhekk li Kofi Annan, li kien is-Segretarju Ġenerali tan-NU, kien stqarr li jekk irridu li t-tama tagħna li nibnu dinja aħjar u aktar sigura ma tibqax biss ħolma, se jkollna bżonn l-involviment tal-voluntiera aktar minn qatt qabel. Huwa rrimarka li, kemm internazzjonalment kif ukoll f’pajjiżna, il-qasam tal-volontarjat huwa pilastru b’saħħtu fit-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (l-SDGs).


Il-President radd ħajr lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li, għal sena oħra, għaraf jagħti r-rikonoxximent tiegħu lil dan is-settur, kif ukoll lil dawk kollha li ġew ippremjati għall-ġid li ħolqu permezz ta’ ħidmiethom.

Skip to content