The President of Malta

Tissokta ż-Żjara Uffiċjali tal-President George Vella fil-Latvja

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fit-tieni jum taż-Żjara Uffiċjali fil-Latvja, il-President ta’ Malta George Vella, akkumpanjat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja Edgars Rinkēvičs. Huma kellhom diskussjoni dettaljata ħafna dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Mediterran u l-aħħar żviluppi fil-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar. Il-proċess li għaddej bħalissa li jwassal għall-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea ġie diskuss fit-tul ukoll. Barra minn hekk, tkellmu wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni kemm f’Malta kif ukoll fil-Latvja.

L-impenji tal-President Vella u d-delegazzjoni Maltija f’Riga ssoktaw bi żjara fil-kumpanija TILDE li tispeċjalizza fit-teknoloġija tal-lingwa bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali. Fi preżentazzjoni lill-President Vella ġie spjegat kif din it-teknoloġija qed tiġi applikata b’mod prattiku, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi Maltin, fosthom l-Università ta’ Malta, il-MITA, u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.

Il-President u s-Sinjura Vella, akkumpanjati mid-delegazzjoni Maltija, żaru wkoll il-Librerija Nazzjonali tal-Latvja. Il-President ippreżenta għadd ta’ kotba dwar Malta: fost oħrajn dwar il-festa, il-letteratura Maltija, l-istorja, il-Belt Valletta, u ktieb bil-lingwa Maltija.

Fil-Librerija Nazzjonali tal-Latvja, is-Sinjura Miriam Vella żaret il-Librerija tat-Tfal attrezzata biex tħajjar liċ-ċkejknin jiskopru s-sbuħija tal-qari minn età żgħira.

Skip to content