The President of Malta

President Myriam Spiteri Debono

Search

Titnieda r-raba’ edizzjoni tal-Konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon’

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono nediet ir-raba’ edizzjoni tal-Istħarriġ u l-Konferenza Nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’, li se ssir fl-20 ta’ Ġunju 2024 fil-Palazz Verdala.

Il-President Myriam Spiteri Debono fissret kif l-iskop ta’ din il-konferenza huwa li jinħoloq dibattitu informattiv biex ikun jista’ jinsilet tagħrif sabiex dak li jipproponu l-mexxejja jkun jista’ jiġi msejjes fuq kif il-poplu Malti u Għawdxi, l-aspirazzjonijiet tiegħu, it-tħassib tiegħu u wkoll il-karattru tiegħu qed jinbidlu u jevolvu minn żmien għal żmien.

Il-President irringrazzjat lil Dr Vincent Marmara, statistiku u lettur universitarju, u lis-Sur Lou Bondi, konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika, tal-impenn tagħhom għal din il-konferenza.

Fit-tnedija, Dr Vincent Marmara qal li għal darba oħra, ser nerġgħu nħarsu lejn dak li jiddefinixxi lill-poplu u dak li jinfluwenzah sabiex jifforma l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu. Huwa stqarr li “din is-sena b’mod partikolari ser inħarsu lejn il-mudell ekonomiku aktar milli minn lenti teknika imma dak li jinfluwenzah. Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-poplu fiċ-ċentru ta’ dan kollu li jagħmel dan, bl-għażliet, l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu”.

Dr Marmara kkonkluda billi qal, “qabel ma l-kelliema, il-poplu, u l-esperti jiddiskutu l-istat tan-nazzjon, ser
nibdew billi nagħtu stampa ta’ min hu l-poplu u dak li jiddefinixxih minn aspett xjentifiku. B’hekk, l-ewwel ser nisimgħu lill-poplu qabel tibda d-diskussjoni”.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Lou Bondi stqarr li f’pajjiżna u madwarna qed iseħħu bidliet fundamentali u radikali. Bidliet li qed iwelldu realtajiet li għadna rridu nifhmu x’ifissru għalina, biex is-sens ta’ min jien u min aħna m’għadux dak li kien ilbieraħ. Huwa żied jgħid li “għalhekk irridu noqogħdu attenti li x’jien ma jibdiex jiddefinixxi min jien”.

Photos: 

Skip to content