Il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-parteċipanti li l-Ħadd filgħodu ngħaqdu flimkien għal mixja u ġirja ta’ solidarjetà waqt The President’s Solidarity Fun Run 2022. F’kelmtejn fi tmiem l-avveniment, il-President Vella qal li f’attività bħal din jispikka l-ispirtu tas-solidarjetà tal-poplu Malti u Għawdxi li ħareġ bi ħġaru b’risq The Malta Community Chest Fund. Żied li din hija okkażjoni li tixhed dak li jgħaqqadna bħala poplu Malti u Għawdxi. “Inħossuna kuntenti li naraw l-poplu Malti magħqud flimkien għaliex huwa poplu żgħir u s-saħħa tiegħu qiegħda fl-għaqda. Ma nistgħux inħallu diviżjonijiet bejnietna, ma nistgħux inħallu firdiet bejnietna, imma naraw li każi bħal dawn iġibuna flimkien u nkunu poplu wieħed magħqud”, qal il-President.
Din is-sena, The President’s Solidarity Fun Run reġgħet lura għall-format tradizzjonali tagħha, bil-mixjiet bdew mill-Università ta’ Malta, Santa Venera u Raħal Ġdid, u l-ġirja mir-Rabat sal-Belt Velletta. Il-parteċipanti ngħaqdu lkoll flimkien mal-President ta’ Malta u s-Sinjura Miriam Vella ħdejn Bieb il-Bombi fil-Furjana biex flimkien komplew il-mixja sa Pjazza San Ġorġ. Fil-mixja ħadu sehem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u diversi membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.
The President’s Solidarity Fun Run saret b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali bl-appoġġ tal-kumpanija Enemed, li hija l-isponsor ewlieni, u għadd kbir ta’ kumpaniji oħrajn.
Il-President George Vella ħeġġeġ lil kulħadd biex bħala poplu nerġgħu ningħaqdu u nkunu ġenerużi l-għada tal-Milied għall-Istrina.




