Kif inhi t-tradizzjoni, fl-ewwel Sibt ta’ Awwissu sar il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu fil-Palazz Verdala b’risq The Malta Community Chest Fund. Din kienet il-ħames u l-aħħar edizzjoni tal-ballu organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Vella radd ħajr lil kull minn attenda għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu għax il-kontribut tagħhom huwa kruċjali biex The Malta Community Chest Fund tkun tista’ tkompli tassisti lil kull min ikollu bżonn l-għajnuna tagħha, fost oħrajn pazjenti li qed jingħataw il-kimoterapija. L-għadd ta’ pazjenti li ngħataw l-għajnuna għall-kimoterapija żdied minn 245 pazjent fl-2018 għal 717-il pazjent fl-2022. L-ispiża żdiedet minn €8.5 miljun fl-2018 għal €19-il miljun is-sena li għaddiet.
Il-president qal li l-uffiċjali u l-ħaddiema ta’ The Malta Community Chest Fund huma s-sinsla tal-fondazzjoni u rringrazzjahom għad-dedikazzjoni u għall-impenn tagħhom biex jipprovdu l-aqwa servizz lill-eluf ta’ pazjenti u benefiċjarji li jitolbu l-għajnuna. Irrimarka li spiss imorru lil hinn minn dak li huwa mistenni minnhom biex kulħadd jiġi assistit bl-aktar mod uman u adegwat.
Sa mill-bidu tal-presidenza tiegħu, il-President Vella stqarr li kien determinat li jżomm it-tradizzjonijiet li jsiru ta’ kull sena b’risq The Malta Community Chest Fund, inkluż il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu.
Fid-dawl ta’ dan, il-president esprima apprezzament għall-ħidma li wettaq iċ-Chairman tal-kumitat organizzattiv tal-Ballu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, biex dan l-avveniment, wieħed mill-akbar b’risq The Malta Community Chest Fund, ikun suċċess. Irringrazzja wkoll lill-membri kollha tal-kumitat organizzattiv u lill-imsieħba u l-entitajiet għall-appoġġ kontinwu tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata wkoll radd ħajr lill-kumpaniji u l-entitajiet kollha li bl-għajnuna tagħhom setgħet tittella’ edizzjoni oħra. Huwa rringrazzja lill-President ta’ Malta u lis-Sinjura Miriam Vella għall-appoġġ kontinwu tagħhom tul l-aħħar ħames edizzjonijiet tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu.
Ritratti (OPR)




